Il-familja ta’ min qed ifittex xogħol
Jekk int ċittadin tal-UE li ċċaqlaqt lejn pajjiż ieħor tal-UE biex tfittex xogħol, ir-regoli tal-UE jagħmluha eħfef għal familtek biex tingħaqad miegħek. F’din il-paġna tista’ ssib kif il-membri ta’ familtek jistgħu jingħaqdu miegħek.
Twissija
Anke jekk int ċittadin tal-UE, jekk int ma ċċaqlaqtx lejn pajjiż ieħor tal-UE u tgħix f’pajjiżek, ir-regoli tal-UE ma japplikawx. F’dak il-każ japplikaw ir-regoli nazzjonali.
Meta tgħix sa 6 xhur barra pajjiżek
Jekk int ċittadin tal-UE li qed tfittex xogħol f’pajjiż ieħor tal-UE, martek/żewġek, uliedek, neputijietek, il-ġenituri tiegħek jew nannietek, jekk huma ċittadini tal-UE, jistgħu joqogħdu miegħek, bl-istess kundizzjonijiet amministrattivi li japplikaw għaċ-ċittadini tal-UE.
Ivverifika l-kundizzjonijiet u l-formalitajiet għal:
Jekk martek/żewġek, uliedek, neputijietek, il-ġenituri tiegħek jew nannietek mhumiex ċittadini tal-UE jew ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tar-residenza għaċ-ċittadini tal-UE, xorta jistgħu joqogħdu miegħek fil-pajjiż il-ġdid tiegħek bħala membri tal-familja ta’ ċittadin tal-UE li qed ifittex xogħol.
Xi pajjiżi tal-UE jirrikjedu li l-membri ta’ familtek jirrappurtaw il-preżenza tagħhom lill-awtoritajiet rilevanti (spiss fil-muniċipju jew fl-għassa tal-pulizija lokali) fi żmien raġonevoli wara l-wasla tagħhom.
Karta tar-residenza
Membri tal-familja li mhumiex mill-UE ta’ ċittadini tal-UE jistgħu jintalbu japplikaw għal karta tar-residenza.
Trattament ugwali
Matul iż-żmien li jkunu qed joqogħdu fil-pajjiż il-ġdid tiegħek, martek/żewġek, uliedek, neputijietek, il-ġenituri tiegħek u nannietek għandhom jiġu ttrattati bħaċ-ċittadini tal-pajjiż, speċjalment rigward l-aċċess għax-xogħol, il-paga, ir-reġistrazzjoni fl-iskejjel, eċċ.
Talba ta’ tluq / tkeċċija
Martek/żewġek, uliedek, neputijietek, il-ġenituri tiegħek jew nannietek jistgħu jgħixu miegħek fil-pajjiż sakemm jibqgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet tar-residenza. Jekk ma jibqgħux jissodisfawhom, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jgħidulhom biex jitilqu.
F’każijiet eċċezzjonali, il-pajjiż il-ġdid tiegħek jista’ jiddeċiedi li jkeċċihom għal raġunijiet ta’ politika jew ta’ sigurtà pubblika, iżda dan biss jekk jintwera bil-provi li jirrappreżentaw theddida serja ħafna.
Id-deċiżjoni tat-tkeċċija jew it-talba tat-tluq trid tingħatalhom bil-miktub. Din trid tiddikjara r-raġunijiet kollha u tispeċifika kif jistgħu jappellaw u kemm għandhom żmien biex jagħmlu dan.
Meta tgħix barra pajjiżek għal iktar minn 6 xhur
Martek/żewġek, uliedek, neputijietek, il-ġenituri tiegħek jew nannietek, kemm jekk huma u kemm jekk mhumiex ċittadini tal-UE, jistgħu joqogħdu miegħek fil-pajjiż il-ġdid tiegħek skont ċerti kundizzjonijiet:
- jekk tlift xogħlok wara li ħdimt fil-pajjiż il-ġdid tiegħek, trid tkun tista’ turi dan u tissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji, JEW
- jekk qed tfittex l-ewwel xogħol fil-pajjiż il-ġdid tiegħek, trid tkun tista’ turi bil-provi li qed tfittex xogħol attivament u li għandek ċans realistiku li ssib xogħol.
Storja bħala eżempju
Pierre, ċittadin Franċiż, kien qed jgħix Ruma meta rriżenja minn xogħlu. Filwaqt li kien qed ifittex opportunitajiet ġodda, beda jistaqsi dwar l-arranġamenti biex martu, ċittadina Ċiniża, tingħaqad miegħu fl-Italja. Huwa skopra li tabilħaqq, martu Lin setgħet tingħaqad miegħu fl-Italja bħala l-konjuġi ta’ ċittadin tal-UE, diment li Pierre jikkonforma mar-regoli tal-UE. B’mod speċifiku, dan kien ifisser li wara li jirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol, huwa seta’ joqgħod fl-Italja għal mill-inqas 6 xhur biex ifittex xogħol, u jekk l-awtoritajiet jitolbuh, jipprovdi evidenza li kien qed ifittex xogħol. Wara l-perjodu inizjali ta’ 6 xhur, huwa seta’ jibqa’ fl-Italja diment li seta’ jibqa’ jkompli jipprovdi evidenza li kien qed ifittex xogħol (u li kellu ċans ġenwin li jsib xogħol).
Sabiex tikseb il-karta tar-residenza tagħha mill-awtoritajiet Taljani, Lin kellha tipprovdi evidenza tar-relazzjoni tagħha ma’ Pierre (pereżempju permezz ta’ ċertifikat taż-żwieġ), u tad-drittijiet tar-residenza ta’ Pierre bħala persuna li qed tfittex xogħol. Matul dan iż-żmien, Pierre seta’ jirċievi l-istess assistenza mill-uffiċċju nazzjonali tal-impjiegi bħaċ-ċittadini Taljani. Madankollu, Pierre u Lin ma kellhomx dritt għall-assistenza soċjali bħala persuni li qed ifittxu xogħol.
Storja bħala eżempju
Joy, li hija Niġerjana, iżżewġet lil Gunther, ċittadin Ġermaniż li kien bla xogħol. Huma assumew li hi setgħet tibbenefika miċ-ċittadinanza tal-UE tiegħu biex tmur tgħix miegħu fil-belt tal-oriġini tiegħu, Berlin. Madankollu, għalkemm Joy tabilħaqq setgħet tmur tgħix ma’ Gunther, dan kien bis-saħħa tad-drittijiet tagħha bħala l-mara ta’ ċittadin Ġermaniż skont ir-regoli nazzjonali dwar l-immigrazzjoni, u mhux bis-saħħa tar-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu. Ir-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu japplikaw biss għaċ-ċittadini tal-UE li jiċċaqilqu minn pajjiżhom għal pajjiż ieħor tal-UE, u għall-membri tal-familja li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom. Jekk ċittadin tal-UE ma jkunx eżerċita d-drittijiet tiegħu tal-moviment liberu, japplikaw biss ir-regoli domestiċi. Meta Gunther finalment sab xogħol fil-pajjiż ġar tal-Awstrija fejn imbagħad mar jgħix, Joy setgħet tingħaqad miegħu fl-Awstrija bis-saħħa tar-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu. Fil-fatt, irrispettivament minn fejn Gunther iċċaqlaq biex imur jaħdem fl-UE, Joy sabet li setgħet tingħaqad miegħu.