Impjegar ta’ ħaddiema tat-trasport bit-triq: ħin ta' sewqan u perjodi ta' mistrieħ
Ħin tax-xogħol fil-ġimgħa
Jekk timpjega ħaddiema involuti f’attivitajiet tat-trasport bit-triq, trid tiżgura li dawn jikkonformaw mar-regoli tal-UE dwar il-medja tal-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa ta’ 48 siegħa.
Impjegat hu kkunsidrat bħala ħaddiem tat-trasport meta:
- iwettaq attivitajiet ta’ trasport bit-triq (bħal sewqan, tagħbija u ħatt, għajnuna lill-passiġġieri biex jirkbu u jinżlu minn fuq il-vettura, tindif u manteniment tekniku, monitoraġġ tat-tagħbija u l-ħatt, formalitajiet amministrattivi)
- ma jkollu ebda ħin liberu u hu meħtieġ jistenna fl-istazzjon tax-xogħol/fil-vettura tiegħu, pereżempju matul il-perjodi ta’ tagħbija jew ħatt
Twissija
Jekk int xufier li taħdem għal rasek, tista’ tqis bħala attivitajiet ta’ ħin tax-xogħol meta jeħtieġlek tistenna fl-istazzjon tax-xogħol tiegħek jew fil-vettura tiegħek, għad-dispożizzjoni tal-klijent, jew meta twettaq attivitajiet ta’ trasport.
Bħala impjegatur, ftakar li l-impjegati tiegħek jistgħu jsuqu biss sa massimu ta’ 9 sigħat kuljum. Madankollu, tista’ testendi l-ħin tas-sewqan ta’ kuljum għal massimu ta’ 10 sigħat u mhux aktar minn darbtejn fil-ġimgħa. Ix-xufiera tiegħek ma jistgħux isuqu aktar minn 56 siegħa fil-ġimgħa u s-sewqan totali tagħhom ma jistax jaqbeż 90 siegħa f’ġimagħtejn.
Tista’ testendi l-ħin tax-xogħol, jekk meħtieġ, għal massimu ta’ 60 siegħa f’ġimgħa waħda. Din l-estensjoni hi possibbli biss jekk l-impjegati tiegħek jaħdmu medja ta’ 48 siegħa fil-ġimgħa fuq perjodu ta’ 4 xhur.
Storja bħala eżempju
Inti timpjega xufier għat-trasport tal-prodotti tiegħek f’pajjiż ieħor tal-UE. Matul il-kors ta’ ġimgħa, hu jsuq 56 siegħa u jqatta’ 4 sigħat fuq il-manutenzjoni tal-vettura - total ta’ 60 siegħa. Sabiex jikkonforma mar-regoli tal-UE dwar il-medja tal-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa ta’ 48 siegħa, ix-xufier irid jaħdem anqas minn 48 siegħa fil-ġimgħat ta’ wara dan l-assenjament fil-perjodu ta’ referenza ta’ 4 xhur.
Twissija
Ir-regoli tal-UE dwar il-ħinijiet tas-sewqan u l-perjodi ta’ mistrieħ japplikaw għall-vetturi li:
-
iġorru merkanzija u jkollhom massa massima permissibbli ta’ aktar minn 3.5 tunnellati, jew
-
iġorru l-passiġġieri u jkollhom kapaċità minima ta’ 10 postijiet, inkluż ix-xufier
Waqfiet ta’ mistrieħ matul ġurnata tax-xogħol
L-impjegati tiegħek m’għandhomx jaħdmu aktar minn 6 sigħat konsekuttivi mingħajr waqfa ta’ mistrieħ. Jekk l-impjegati tiegħek jaħdmu bejn 6 u 9 sigħat, huma intitolati għal waqfa ta’ mistrieħ ta’ mhux anqas minn 30 minuta. Jekk jaħdmu aktar minn 9 sigħat, huma intitolati għal waqfa ta’ mistrieħ ta’ mhux anqas minn 45 minuta.
Wara perjodu ta’ sewqan ta’ 4.5 sigħat, trid tiżgura li x-xufiera tiegħek jagħmlu waqfa ta’ mistrieħ bla interruzzjoni ta’ mhux anqas minn 45 minuta, sakemm ma jiħdux perjodu ta’ mistrieħ. Alternattivament, din il-waqfa ta’ mistrieħ tista’ tinqasam f’żewġ partijiet: l-ewwel waqfa ddum mill-anqas 15-il minuta, segwita mit-tieni waqfa ta’ mill-anqas 30 minuta.
Xogħol ta' billejl
Xogħol ta' billejl ifisser kwalunkwe xogħol imwettaq matul il-ħin tal-lejl. Skont ir-regoli tal-UE, ix-xogħol ta' billejl jirreferi għal perjodu ta’ mill-anqas 4 sigħat bejn 00:00 u s-07:00. Madankollu, dan il-perjodu jvarja bejn il-pajjiżi tal-UE.
Jekk l-impjegati tiegħek jaħdmu f’perjodu speċifiku ta’ mill-anqas 4 sigħat bejn 00:00 u s-07:00, huma jitqiesu bħala ħaddiema ta’ billejl . Jekk jagħmlu xogħol ta’ billejl, l-impjegati tiegħek ma jistgħux jagħmlu aktar minn 10 sigħat ta’ ħin tax-xogħol f’kull perjodu ta’ 24 siegħa.
Perjodi ta’ mistrieħ
Perjodi ta' mistrieħ ta' kuljum
Għandek tiggarantixxi lill-impjegati tiegħek perjodu regolari ta’ mistrieħ ta’ kuljum ta’ mill-anqas 11-il siegħa konsekuttivi. Tista’ tnaqqas il-perjodu ta’ mistrieħ għal 9 sigħat għal massimu ta’ 3 darbiet bejn kwalunkwe żewġ perjodi ta’ mistrieħ fil-ġimgħa. Ix-xufier jista’ jaqsam perjodu ta’ mistrieħ regolari ta’ kuljum f’żewġ partijiet: l-ewwel parti trid tkun mill-anqas 3 sigħat, it-tieni parti mill-anqas 9 sigħat, sabiex it-total taż-żewġ partijiet ikun mill-anqas 12-il siegħa.
Twissija
Ix-xufiera jridu jlestu l-perjodu ta’ mistrieħ ta’ kuljum fi żmien 24 siegħa mill-bidu tal-jum tax-xogħol.
Serħan ta’ kull ġimgħa
Ix-xufiera li jieħdu perjodi ta’ mistrieħ mhux interrotti ta’ 45 siegħa jew aktar iridu jistrieħu f’akkomodazzjoni adatta li tirrispetta l-ġeneru b’faċilitajiet tal-irqad u sanitarji adegwati, u mhux fil-vettura. Bħala impjegatur, trid tkopri l-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni bħal din.
L-impjegati tiegħek għandu jkollhom perjodu ta’ mistrieħ mhux interrott ta’ 45 siegħa fil-ġimgħa, li tista’ tnaqqas għal 24 siegħa kull tieni ġimgħa. Jekk tnaqqas il-perjodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa, trid tiftiehem mal-impjegati tiegħek dwar perjodu ta’ mistrieħ kumpensatorju.
Meta timmaniġġja l-iskeda tax-xogħol tal-impjegat tiegħek, trid tiżgura li jkollhom 45 sigħat kontinwi ta’ mistrieħ wara 6 ijiem ta’ sewqan u mill-anqas 24 siegħa kull tieni ġimgħa.
L-impjegati tiegħek jistgħu jieħdu perjodu mnaqqas ta’ mistrieħ kull tieni ġimgħa biss jekk tikkumpensahom għat-tnaqqis b’perjodu ta’ mistrieħ uniku ekwivalenti qabel tmiem it-tielet ġimgħa ta’ wara. Għandek tehmeż dan il-kumpens ma’ perjodu ieħor ta’ mistrieħ ta’ mill-anqas 9 sigħat.
Regoli speċjali għax-xufiera li jġorru l-merkanzija
Japplikaw regoli eċċezzjonali għal xufiera li huma involuti fit-trasport internazzjonali tal-merkanzija:
- Ix-xufiera jistgħu jieħdu żewġ perjodi mnaqqsa konsekuttivi ta’ mistrieħ fil-ġimgħa barra mill-pajjiż, dment li fi kwalunkwe 4 ġimgħat konsekuttivi jieħdu mill-anqas 4 perjodi ta’ mistrieħ fil-ġimgħa. Mill-anqas tnejn minn dawk il-perjodi ta’ mistrieħ iridu jkunu perjodi regolari ta’ mistrieħ fil-ġimgħa.
- Wara żewġ perjodi mnaqqsa konsekuttivi ta’ mistrieħ fil-ġimgħa, trid torganizza r-ritorn tax-xufier tiegħek matul it-tielet ġimgħa.
- Fit-tielet ġimgħa, il-ħin ta’ mistrieħ kumpensatorju għandu jippreċedi u jittieħed flimkien mal-perjodu regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa.
Regoli speċjali għax-xufiera li jġorru l-passiġġieri
Jekk ix-xufiera tal-kowċ tiegħek okkażjonalment iġorru lill-passiġġieri u jsuqu tal-anqas 24 siegħa konsekuttivi f’pajjiż ieħor tal-UE jew f’pajjiż mhux tal-UE, ikunu jistgħu jipposponu l-perjodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa. Huma jistgħu jistennew sa 12-il jum biex jeħduh, li jibda mit-tmiem tal-aħħar perjodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa meħud. Din ir-regola hi magħrufa wkoll bħala r-“regola ta’ 12-il jum” u tapplika biss meta l-vettura tkun mgħammra b’takografu diġitali jew intelliġenti.
Ix-xufiera tiegħek jistgħu jieħdu l-perjodi mnaqqsa ta’ mistrieħ fil-ġimgħa tagħhom kif ġej:
- mill-anqas 45 siegħa qabel il-vjaġġ
- mill-anqas perjodu wieħed regolari u perjodu wieħed imnaqqas ta’ mistrieħ fil-ġimgħa wieħed wara l-ieħor (69 siegħa), jew żewġ perjodi regolari ta’ mistrieħ fil-ġimgħa (45 siegħa + 45 siegħa), wara l-vjaġġ
L-impjegati tiegħek jistgħu jieħdu perjodu mnaqqas ta’ mistrieħ kull tieni ġimgħa biss jekk tikkumpensahom b’perjodu ta’ mistrieħ uniku ekwivalenti qabel tmiem it-tielet ġimgħa ta’ wara. Għandek tehmeż dan il-kumpens ma’ perjodu ieħor ta’ mistrieħ ta’ mill-anqas 9 sigħat.
Jekk il-vetturi tiegħek għandhom ekwipaġġ ta’ wieħed, ix-xufier tiegħek irid jieħu pawża kull 3 sigħat meta jsuq bejn l-22:00 u s-6:00.
Storja bħala eżempju
Għandek kumpanija tal-ivvjaġġar fis-Slovenja u tixtieq torganizza vjaġġ bil-kowċ ta’ 10 ijiem lejn il-Portugall, b’xi waqfiet f’pajjiżi oħra tal-UE. Il-vjaġġ jibda fil-11 ta’ April u jispiċċa fil-21 ta’ April. Ix-xufier tal-kowċ tiegħek għandu 48 siegħa ta’ mistrieħ fit-tmiem il-ġimgħa tad-9 u l-10 ta’ April u jibda jsuq fil-11 ta’ April. Skont ir-regoli dwar il-perjodi ta’ mistrieħ, ix-xufier jista’ jibda l-perjodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa tiegħu wara tmiem il-vjaġġ. Madankollu, il-perjodu ta’ mistrieħ tiegħu ma jistax jibda aktar tard minn 12-il jum wara l-11 ta’ April, li jfisser mhux iktar tard mit-23 ta’ April.
Ritorn tax-xufier
Bħala impjegatur, trid torganizza x-xogħol u l-ħin frank tax-xufier sabiex ma jkunx barra fuq xogħol għal aktar minn 4 ġimgħat konsekuttivi.
Skont ir-regoli tal-UE, il-post tar-ritorn tax-xufier jista’ jkun jew:
- ir-residenza uffiċjali tax-xufier
- iċ-ċentru operazzjonali tal-impjegatur
Hu f’idejn ix-xufier li jagħżel il-post tar-ritorn. Jekk ix-xufier ma jagħmilx għażla, l-impjegatur jista’ jieħu dik id-deċiżjoni.
Takografu
Takografu hu apparat li jirreġistra:
- il-ħinijiet ta' sewqan
- il-waqfiet ta’ mistrieħ u l-perjodi ta’ mistrieħ
- il-veloċità tal-vettura u d-distanza mwettqa
- ix-xogħol jew kompiti oħrajn mwettqin mix-xufier (bħat-tagħbija u l-ħatt tal-merkanzija)
Bħala impjegatur, trid tiżgura li x-xufiera tiegħek ikunu mħarrġin biex jużaw it-takografu b’mod korrett. Trid iżżomm ir-rekords tat-takografu għal mill-anqas sena. Jistgħu jiġu pprovduti kopji lix-xufier jew lill-awtoritajiet lokali fuq talba.
Mistoqsijiet u tweġibiet dwar ir-reġistrazzjoni manwali tal-qsim tal-fruntieri fit-takografi en
Twissija
L-awtoritajiet lokali jistgħu jispezzjonaw it-takografu fi kwalunkwe ħin matul il-kontrolli mal-ġenb tat-triq. Ir-reġistrazzjoni tal-irregolaritajiet tista’ tkun soġġetta għal penali.
Japplikaw regoli speċjali meta l-impjegati tiegħek ikunu xufiera stazzjonati.
Validità tal-liċenzji tas-sewqan
Liċenzja tas-sewqan li nħarġet f’pajjiż wieħed tal-UE hi rikonoxxuta u aċċettata fil-pajjiżi l-oħrajn kollha tal-UE. Dan japplika kemm għal-liċenzji standardizzati tal-UE kif ukoll għal-liċenzji ta’ “stil qadim” li nħarġu qabel l-2013.
Jekk jogħġbok kun af li jista’ jkun hemm eċċezzjonijiet fil-każ ta’ liċenzji tas-sewqan temporanji. L-awtoritajiet fil-pajjiż ta’ residenza ta’ xufier jistgħu joħorġu permess temporanju jew ta’ sostituzzjoni jekk, pereżempju, ix-xufier applika biex jibdel jew iġedded il-liċenzja antika jew eżistenti tiegħu u l-proċess hu mistenni jieħu xi żmien. Mhux il-pajjiżi l-oħrajn kollha jirrikonoxxu dawn il-permessi temporanji.
L-impjegaturi u x-xufiera jistgħu jiċċekkjaw ir-regoli għar-rikonoxximent u l-iskambju tal-liċenzji tas-sewqan fil-pajjiż rilevanti biex ikunu ċerti li jkollhom liċenzja valida meta jaqsmu l-fruntieri Ewropej għax-xogħol.