Proċeduri barra mill-qorti għall-konsumaturi
Jekk għandek problema bi prodott jew servizz li xtrajt, pereżempju jekk operatur tas-suq jirrifjuta li jsewwi prodott jew jagħtik flusek lura, tista' tipprova ssolvi t-tilwima barra mill-qorti billi tuża l-proċedura tas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim.
Soluzzjoni alternattiva għat-tilwim normalment hi proċedura sempliċi u rħisa li tista' twaqqfek milli tieħu l-każ tiegħek il-qorti.
Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim
Il-proċeduri tas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim huma pprovduti permezz ta' korpi newtrali barra mill-qorti bħal konċiljaturi, medjaturi, arbitrarji, l-ombudsman u l-bordijiet tal-ilmenti. Dawn jistgħu jlaqqgħu lilek u l-operatur tas-suq flimkien biex jgħinuk issib soluzzjoni għat-tilwima tiegħek. Huma jistgħu wkoll jipproponu soluzzjoni jew saħansitra jimponu waħda. Il-mod kif taħdem fil-prattika, pereżempju jekk l-operatur tas-suq huwiex obbligat jipparteċipa jew ikollok tħallas tariffa żgħira għas-soluzzjoni tat-tilwim, jiddependi mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.
Il-korpi ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim għandhom jissodisfaw il-kriterji ta' kwalità stretti tal-UE, li jiggarantixxu li huma jittrattaw it-tilwima tiegħek b'mod effettiv, ġust, indipendenti u trasparenti. Ħafna minnhom jistgħu jgħinuk mingħajr ħlas jew bi prezz baxx. Normalment jilħqu eżitu fi żmien 90 jum. Skont il-liġi tal-UE, tista' tuża dawn il-korpi biex tittratta t-tilwim kuntrattwali kollu li għandek mal-operatur tas-suq stabbilit fl-UE.
Soluzzjoni alternattiva għat-tilwim tista' tintuża għal kwalunkwe settur tas-suq (bħalma huma t-trasport, il-banek, it-telekomunikazzjonijiet, l-enerġija, l-oġġetti elettroniċi, l-apparat domestiku, il-kiri ta' karozzi jew id-dry cleaning).
Sib korp għas-soluzzjoni tat-tilwim f'pajjiżek.
Storja bħala eżempju
Jistgħu jgħinuk il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim
Armin mill-Ġermanja rċieva kont mingħand il-fornitur tal-internet tiegħu li kien ogħla mill-ammont stipulat fil-kuntratt tiegħu.
Wara li pprova għalxejn isolvi l-problema mal-operatur tas-suq, Armin irrikorra lejn il-korp tas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim rilevanti fil-Ġermanja, fejn hu seta' jsib soluzzjoni bl-anqas inkonvenjent għalih innifsu.