Ir-rappreżentanza tal-persunal
Bħala impjegatur b’impjegati f’żewġ pajjiżi jew aktar, huwa essenzjali li tifhem l-istrutturi differenti tar-rappreżentanza tal-impjegati kif ukoll l-obbligi tiegħek li tinforma lill-persunal u tikkonsulta miegħu.
Permezz ta’ kunsill Ewropew tax-xogħlijiet jew ta’ struttura tas-Societas Europaea, trid tiżgura li l-impjegati tiegħek jiġu infurmati, ikkonsultati, u involuti f’deċiżjonijiet li jaffettwawhom irrispettivament mill-fruntieri.
Kunsill Ewropew tax-xogħlijiet
Jekk il-kumpanija tiegħek għandha:
- mill-inqas 1,000 impjegat madwar l-UE, u
- mill-inqas 150 impjegat f’mill-inqas żewġ pajjiżi differenti tal-UE,
- u mill-inqas 100 impjegat minn żewġ pajjiżi jew aktar jitolbuk tagħmel dan,
trid tistabbilixxi kunsill Ewropew tax-xogħlijiet. Dan tista’ wkoll tagħmlu minn jeddek.
Kunsill Ewropew tax-xogħlijiet ġeneralment ikun magħmul minn rappreżentanti tal-impjegati mill-pajjiżi kollha tal-UE fejn topera l-kumpanija tiegħek, u jipprovdi forum biex l-impjegati jiġu infurmati u kkonsultati fil-livell Ewropew dwar deċiżjonijiet li jaffettwawhom kollettivament irrispettivament mill-fruntieri.
Bħala impjegatur, skont il-ftehim dwar il-kunsilli Ewropej tax-xogħlijiet fil-kumpanija tiegħek, trid tinforma lill-kunsill u tikkonsulta miegħu qabel ma jiġu implimentati deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet tranżnazzjonali. Pereżempju:
- ristrutturazzjonijiet kbar fil-kumpanija kollha jew operazzjonijiet transfruntieri
- rilokazzjonijiet jew għeluq ta’ negozji li jaffettwaw lil diversi pajjiżi tal-UE
- tnaqqis tal-postijiet tax-xogħol fuq skala kbira, sensji, jew bidliet sinifikanti fil-kundizzjonijiet tax-xogħol f’diversi pajjiżi
- deċiżjonijiet strateġiċi, bħal bidliet fil-metodi tal-produzzjoni jew fil-mudelli tan-negozju li jolqtu lill-impjegati f’aktar minn pajjiż wieħed tal-UE.
Dan ifisser:
- li tipprovdi informazzjoni f’waqtha u dettaljata dwar il-miżuri proposti mill-maniġment sabiex il-kunsill Ewropew tax-xogħlijiet ikun jista’ jiddiskutiha u jifhem l-impatt li jista’ jkun hemm fuq l-impjegati
- li tippermetti lill-kunsill Ewropew tax-xogħlijiet jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar dawn il-kwistjonijiet, sabiex ir-rappreżentanti tal-impjegati jkunu jistgħu joffru suġġerimenti, iqajmu tħassib, jew jipproponu alternattivi.
Ir-rappreżentanza tal-impjegati fil-kumpaniji Ewropej (Societas Europaea — SE)
Jekk il-kumpanija tiegħek hija stabbilita bħala kumpanija Ewropea (Societas Europaea — SE), ir-rappreżentanza tal-impjegati tieħu struttura aktar formali u fil-livell l-Ewropew. L-affarijiet li importanti li tkun taf:
- Ir-rappreżentanti tal-impjegati: F’SE, l-impjegati jistgħu jkunu involuti fid-deċiżjonijiet tal-kumpanija permezz ta’ rappreżentanza fil-livell tal-bord. Dan ifisser li l-impjegati jista’ jkollhom vuċi fil-bord superviżorju jew amministrattiv tal-kumpanija, skont ir-regoli tal-pajjiż u d-daqs tal-kumpanija.
- Il-proċess tan-negozjati: Qabel ma tistabbilixxi SE, tkun trid tinnegozja mar-rappreżentanti tal-impjegati biex tiddetermina l-livell tal-involviment.
Ikseb aċċess għall-informazzjoni nazzjonali hawn taħt.