Applikazzjoni għal forniment temporanju ta’ servizzi
Jekk se tmur f’pajjiż tal-UE ieħor u tixtieq tipprovdi s-servizzi regolati tiegħek hemmhekk temporanjament, se jkollok bżonn tibgħat dikjarazzjoni bil-miktub minn qabel. Id-dikjarazzjoni għandek tibgħatha bil-miktub u meta trid qabel tipprovdi s-servizzi tiegħek għall-ewwel darba. Ladarba tibgħatha, id-dikjarazzjoni tibqa’ valida sena.
X’għandek bżonn tibgħat
Jekk tkun meħtieġa dikjarazzjoni, tista’ tibgħatha direttament lill-awtorità tal-pajjiż ospitanti responsabbli għall-professjoni tiegħek (biex tkun taf liema hi l-awtorità, staqsi lill-punt ta’ kuntatt nazzjonali hemmhekk).
Id-dikjarazzjoni tiegħek għandu jkollha dan li ġej:
- ismek, kunjomok u d-dettalji ta’ kuntatt
- in-nazzjonalità tiegħek
- isem il-professjoni fil-pajjiż fejn is-soltu taħdem
- isem il-professjoni li tixtieq tipprattika fil-pajjiż ospitanti
- informazzjoni dwar l-assigurazzjoni għar-responsabbiltà professjonali tiegħek: min qed jinxurjak, in-numru tal-kuntratt (staqsi lil min iħaddmek)
- ir-referenza għal kwalunkwe dikjarazzjoni li bgħatt qabel fl-istess pajjiż
Jekk tibgħat dikjarazzjoni għall-ewwel darba, jew jekk ikun hemm xi bidla fis-sitwazzjoni tiegħek, għandek tinkludi dawn id-dokumenti ta’ referenza li ġejjin:
- prova tan-nazzjonalità tiegħek
- prova li int stabbilit(a) legalment f’pajjiż tal-UE u li tista’ tipprattika l-professjoni regolata tiegħek, anke temporanjament
- prova tal-kwalifiki professjonali (jaf ikollok bżonn tibgħat traduzzjoni ċertifikata)
- prova li qatt ma nstabt ħati ta’ offiża kriminali jekk taħdem fil-qasam tas-sigurtà
Id-dokumenti li għandek bżonn tibgħat jistgħu jvarjaw skont il-professjoni tiegħek u l-pajjiż tal-UE li tixtieq tipprattika fih. Ikkuntattja l-awtorità fil-pajjiż ospitanti responsabbli għall-professjoni tiegħek biex tiċċekkja liema tipi ta' dokumenti se jkollok bżonn tibgħat (il-punt ta’ kuntatt nazzjonali tiegħek jista’ jgħinek).
X’jiġri bid-dikjarazzjoni tiegħek
Ħafna drabi tista’ tibgħat id-dikjarazzjoni tiegħek meta trid qabel ma tibda taħdem fil-pajjiż ospitanti (anke jekk m’intix ċert jekk fil-fatt intix se taħdem). Ladarba tibgħat id-dikjarazzjoni tiegħek, tista’ tibda tipprattika minnufih il-professjoni tiegħek.
Twissija
Jekk il-professjoni regolata hija relatata mas-saħħa u s-sigurtà u ma tibbenefikax mir-rikonoxximent awtomatiku, jaf ikollok tistenna li l-pajjiż ospitanti tiegħek jiċċekkja l-kwalifiki tiegħek qabel ma tkun tista’ tibda taħdem għall-ewwel darba. F’dan il-każ, se jkollok bżonn tistenna awtorizzazzjoni formali qabel ma tkun tista’ tibda taħdem.
Jekk beħsiebek tkompli tipprovdi servizzi temporanji fil-pajjiż ospitanti tiegħek, jaf ikollok bżonn iġġedded id-dikjarazzjoni tiegħek darba fis-sena.