Self ipotekarju

Self ipotekarju jippermettilek tixtri dar. L-ipoteki huma offruti mill-banek, minn organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw is-self jew minn mutwanti oħrajn u huma ta' spiss assigurati billi tagħmel tajjeb il-proprjetà tiegħek.

Self ipotekarju spiss jingħata b'rata ta' interess baxxa u perjodu ta' ħlas lura aktar fit-tul meta mqabbel ma' kreditu għall-konsumatur. Barra minn hekk, jekk tonqos milli tissodisfa l-obbligi tal-ħlas lura tiegħek u l-ipoteka tiegħek ġiet assigurata billi tagħmel tajjeb għaliha l-proprjetà tiegħek, il-mutwanti jistgħu jaħtfu u jbigħu mill-ġdid lil darek biex jitħallas is-self.

Il-banek huma liberi li jaċċettaw jew ma jaċċettawx l-applikazzjoni tiegħek għal self. Qabel ma joffrilek ipoteka, il-mutwanti jeħtieġlu jivvaluta l- affidabbiltà kreditizja tiegħek, jiġifieri jekk fil-fatt tistax tidħol għaliha.

Tista' fil-prinċipju takkwista wkoll self ipotekarju minn mutwanti bbażati f' pajjiżi oħrajn tal-UE; madankollu, il-pajjjiż ta' residenza tiegħek, fejn taħdem jew il-lokalità tal-proprjetà tista' tinfluwenza kif il-mutwanti jivvaluta l-applikazzjoni tiegħek.

B'hekk hu kruċjali li tifhem sew kif tiġi vvalutata l-affidabbiltà kreditizja tiegħek.

Valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja

Qabel ma jaqblu li joffrulek self, il-mutwanti tiegħek għandhom jivvalutaw l-affidabbiltà kreditizja tiegħek. Huma se jagħmlu l-valutazzjoni tagħhom abbażi ta' kriterji differenti, fosthom:

  • is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħek (l-assi, id-djun, eċċ.)
  • il-valur tal-proprjetà li tagħmel tajjeb għas-self

Għalhekk se tintalab biex turi d-dħul ta' flus tiegħek biex il-mutwanti jkun jista' jiċċekkja jekk intix kapaċi tħallas lura s-self.

Il-mutwanti jista' biss joffrilek kreditu ipotikarju jekk il-valutazzjoni turi li int probabbilment se tkun tista' tħallas lura s-self.

Il-mutwanti ta' spiss jirrifjutaw li jagħtu self fuq proprjetajiet li jinsabu f'pajjiżi oħrajn, jew lil persuni li s-sors tad-dħul tagħhom jew il-post ta' residenza mhux fil-pajjiż fejn jinsab il-bank. Madankollu, ma jistgħux jiddiskriminaw bejn iċ-ċittadini tal-UE abbażi biss tan-nazzjonalità.

Jekk taħseb li l-bank iddiskrimina kontrik abbażi tan-nazzjonalità tiegħek, tista':

  • tikkuntattja lill-bank (l-"uffiċċju għall-ilmenti" tiegħu) biex tikseb dikjarazzjoni uffiċjali bil-miktub li tagħti r-raġunijiet għar-rifjut tagħhom
  • jekk ir-rifjut hu biss abbażi tan-nazzjonalità tiegħek, itlob parir u għajnuna minn FIN-NET (in-Netwerk għar-Riżoluzzjoni ta' Tilwim Finanzjarju), li jagħmilha ta' medjatur fil-konflitti bejn il-fruntieri bejn klijenti u provdituri ta' servizzi finanzjarji, bħall-banek.

Informazzjoni ewlenija biex tivvaluta u tqabbel l-offerti

Hu għaqli li tqabbel l-offerti minn mutwanti differenti qabel ma tiddeċiedi li tieħu self ipotekarju. Meta jagħmel offerta li torbot, il-mutwanti jeħtieġlu wkoll jagħtik il-Fuljett Ewropew ta' Informazzjoni Standardizzata (FEIS). Dan id-dokument standard hu ddesinjat sabiex jagħtik l-aħjar ħarsa ġenerali possibbli tat-termini u l-kundizzjonijiet tal-kreditu ipotekarju offrut.

Il-FEIS jipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

  • l- ammont tas-self
  • it- tul ta' żmien tas-self
  • it-tip ta' rata ta' interess
  • l-ammont totali li għandu jiġi rimburżat
  • ir- rata perċentwali annwali tal-imposti (RPAI): ċifra waħda li tirrappreżenta l-kost totali tas-self, espress bħala perċentwali annwali. Ir-RPAI qed tingħata biex tgħinek tqabbel offerti differenti.
  • kwalunkwe kosti li jridu jitħallsu, b'mod regolari jew fuq bażi ta' darba
  • in-numru, il-frekwenza u d-daqs tal- pagamenti tiegħek
  • informazzjoni dwar il- kundizzjonijiet ta' ħlas lura qabel iż-żmien u l-ispejjeż li tkun responsabbli għalihom jekk tiddeċiedi li tħallas lura s-self qabel iż-żmien
  • jekk qed tieħu self f'munita barranija: eżempji li jispjegaw l-effetti potenzjali ta' rati tal-kambju fuq il-kreditu ipotekarju tiegħek

Il-FEIS jippermettilek tqabbel ukoll offerti minn provdituri ta' kreditu differenti u tagħżel dak li jgħodd għalik l-aħjar. Jekk ma rċivejtx il-formola tal-FEIS mingħand il-mutwanti tiegħek, tista' titlobha.

Mill-anqas 7 ijiem biex tivvaluta offerta jew tirtira

Skont ir-regoli tal-UE, il-mutwanti jew l-intermedjarju ta' kreditu jeħtieġlu jagħtik tal-inqas 7 ijiem biex tivvaluta l-offerta; il-liġi nazzjonali ta' xi pajjiżi tal-UE jagħtuk aktar żmien.

Skont il-pajjiż fejn tixtieq tapplika għas-self tiegħek, dan jista' jkun jew:

  • perjodu ta' riflessjoni, li matulu tkun tista' tikkunsidra jekk l-offerta hix tajba għalik
  • perjodu li matulu tista' tirtira mill-ftehim ta' kreditu li tkun diġà ffirmajt
  • iż-żewġ fatturi flimkien.

Ħlas qabel iż-żmien tas-self ipotekarju tiegħek

Tista' normalment tħallas lura parti jew id-dejn tiegħek kollu qabel iż-żmien. Dan jippermettilek li tieqaf tħallas l-interessi fuq dejn pendenti, jew li tmur għal offerta ipotekarja aktar vantaġġjuża, inkluż mingħand mutwanti differenti.

Ir-regoli nazzjonali jiddeterminaw f'dan il-każ jekk il-mutwanti jistax jitolbok tħallas kumpens jekk tittermina s-self ipotekarju tiegħek qabel iż-żmien previst.

Fejn applikabbli, kumpens ta' din ix-xorta ma għandu qatt jaqbeż it-telf finanzjarju tal-mutwanti.

Assigurazzjoni ta' kreditu ipotekarju, servizzi oħrajn

L-assigurazzjoni ta' kreditu ipotekarju tinvolvi ruħha jekk issib ruħek f'ċirkustanzi li ma jħallukx tħallas lura d-dejn tiegħek - pereżempju, f'każ ta' mewt, mard jew telf ta' impjieg.

Il-mutwanti jistgħu jeħtieġu li tixtri polza ta' kreditu ipotekarju.

Huma jistgħu jipproponulek polza f'pakkett flimkien mal-ftehim tas-self ipotekarju tiegħek; iżda dan ma jistax isir bħala kundizzjoni għalik biex takkwista l-kreditu ipotekarju.

Int dejjem ħieles tifttex għal kundizzjonijiet aħjar mingħand assiguraturi oħrajn, sakemm il-livell ta' garanzija offruta minn polzi differenti hi ekwivalenti għal dak li hu meħtieġ mill-mutwanti.

Il-mutwanti jistgħu, madankollu, jobbligawk tiftaħ kont tal-pagamenti jew savings magħhom, li minnhom se tkun qed tħallas is-self.

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 20/11/2023
Ikkondividi din il-paġna