Twaqqif ta’ Kumpanija Ewropea (SE)
Jekk tixtieq tespandi n-negozju tiegħek lejn pajjiżi oħra tal-UE, tista’ tikkunsidra li toħloq Kumpanija Ewropea – magħrufa wkoll bħala SE (Societas Europaea). Kumpanija Ewropea hija tip ta’ kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata li tippermettilek tmexxi n-negozju tiegħek f’pajjiżi Ewropej differenti b’sett uniku ta’ regoli. Dan jagħmilha aktar faċli biex topera f’diversi pajjiżi, iċċaqlaq l-uffiċċju tiegħek, u tinvolvi lill-impjegati taħt qafas wieħed.
Rekwiżiti għat-twaqqif ta’ Kumpanija Ewropea
Biex twaqqaf Kumpanija Ewropea:
- Irid ikollok l-uffiċċju reġistrat tiegħek (l-indirizz legali uffiċjali) u l-uffiċċju prinċipali tiegħek (fejn jittieħdu deċiżjonijiet maniġerjali) fl-istess pajjiż tal-UE
- Trid tkun attiv f’mill-inqas żewġ pajjiżi tal-UE (permezz ta’ fergħat jew sussidjarji), jew il-kumpaniji fundaturi kollha jridu jkunu rregolati mil-liġijiet ta’ mill-inqas żewġ pajjiżi tal-UE
- Irid ikollok kapital minimu sottoskritt ta’ EUR 120 000
- Trid tilħaq ftehim dwar il-parteċipazzjoni tal-impjegati, inkluż dwar kif l-impjegati jiġu infurmati u kkonsultati
Twissija
Ir-rekwiżiti jistgħu jvarjaw skont il-pajjiż, pereżempju xi pajjiżi jista’ jkollhom rekwiżiti kapitali ogħla jew jeħtieġu li l-uffiċċju prinċipali u l-uffiċċju reġistrat ikunu fl-istess indirizz. Iċċekkja jekk pajjiżek għandux rekwiżiti addizzjonali.
Kif twaqqaf Kumpanija Ewropea
Tista’ twaqqaf Kumpanija Ewropea b’erba’ modi:
| Kif | Min | Xi tfisser | Rekwiżiti bażiċi |
|---|---|---|---|
| Fużjoni | Kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata |
Żewġ kumpaniji jew aktar minn pajjiżi differenti tal-UE jiffużjonaw biex jiffurmaw SE ġdida. |
Mill-inqas 2 kumpaniji minn pajjiżi differenti tal-UE |
| Kumpanija azzjonarja | Kumpaniji pubbliċi jew privati b’responsabbiltà limitata |
Kumpanija azzjonarja hija kumpanija li tippossjedi jew tikkontrolla kumpaniji oħra (is-sussidjarji tagħha) minflok ma tipproduċi oġġetti jew servizzi hija stess. Dan jippermettilek timmaniġġja diversi kumpaniji taħt struttura Ewropea waħda. |
Mill-inqas 2 kumpaniji minn pajjiżi differenti tal-UE jew b’sussidjarja jew fergħa f’pajjiż ieħor tal-UE għal mill-inqas sentejn |
| Sussidjarja | Kumpaniji, ditti jew korpi ġuridiċi oħrajn |
Sussidjarja hija kumpanija ġuridika separata proprjetà ta’ kumpanija oħra jew ikkontrollata minnha (il-kumpanija omm). |
Mill-inqas 2 entitajiet minn pajjiżi differenti tal-UE jew b’sussidjarja/fergħa f’pajjiż ieħor tal-UE għal mill-inqas sentejn |
| Konverżjoni | Kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata | Kumpanija li diġà topera bejn il-fruntieri (pereżempju, permezz ta’ sussidjarja f’pajjiż ieħor tal-UE) tista’ tikkonverti ruħha f’Kumpanija Ewropea. | Irid ikollha sussidjarja f’pajjiż ieħor tal-UE għal mill-inqas sentejn |
Se jkollok tipprovdi dokumenti differenti, skont il-mod kif se twaqqaf Kumpanija Ewropea. Iċċekkja dwar x’teħtieġ mal-awtorità nazzjonali tiegħek. Ladarba r-reġistrazzjoni tiegħek tkun kompluta, l-awtorità nazzjonali tiegħek tinforma lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-UE fi żmien xahar. Id-dettalji tal-kumpanija tiegħek (l-isem, id-data tar-reġistrazzjoni, l-uffiċċju u l-attività) imbagħad jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Twissija
Meta tkun irreġistrajt il-Kumpanija Ewropea tiegħek, tinsiex iżżid l-abbrevjazzjoni SE qabel jew wara isem il-kumpanija tiegħek.
Trasferiment tal-uffiċċju reġistrat tiegħek lejn pajjiż ieħor tal-UE
Tista’ tittrasferixxi l-uffiċċju reġistrat tiegħek f’pajjiż ieħor tal-UE - mingħajr ma jkollok bżonn tistralċa l-kumpanija tiegħek - bil-kundizzjonijiet li ġejjin:
- il-kumpanija tiegħek mhix għaddejja minn proċedimenti legali bħal stralċ, likwidazzjoni jew insolvenza
- Tagħti avviż pubbliku ta’ xahrejn u tikseb l-approvazzjoni tal-azzjonisti
- L-awtoritajiet nazzjonali huma ssodisfati li r-rekwiżiti legali kollha ġew issodisfati, u l-kredituri u detenturi oħra tad-drittijiet huma protetti
Twissija
Xi pajjiżi tal-UE jistgħu jopponu t-trasferiment għal raġunijiet ta’ interess pubbliku fi żmien il-perjodu ta’ avviż ta’ xahrejn. Dawn il-pajjiżi jinkludu l-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, Franza, il-Greċja, il-Latvja, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, Spanja, l-Iżvezja.
Regoli dwar il-kontabbiltà u l-insolvenza
Trid issegwi r-regoli dwar il-kontabbiltà u l-insolvenza għall-kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata fil-pajjiż tal-UE fejn tkun irreġistrata l-Kumpanija Ewropea tiegħek. Jekk l-SE tiegħek hija bank, istituzzjoni finanzjarja jew kumpanija tal-assigurazzjoni, trid issegwi wkoll regoli nazzjonali u tal-UE addizzjonali speċifiċi għal dawk is-setturi.
Ir-regoli tal-UE dwar il-Kumpaniji Ewropej huma armonizzati, iżda xi dettalji jvarjaw – bħal pereżempju ma’ liema awtorità għandek tittratta jew kif taħdem il-parteċipazzjoni tal-impjegati. Ara liema regoli speċifiċi japplikaw f’pajjiżek: