Ir-responsabbiltà tad-diretturi tal-kumpaniji
Ir-responsabbiltà ċivili tad-diretturi tal-kumpaniji
Bħala direttur ta’ kumpanija fl-UE, tista’ tinżamm personalment responsabbli mill-kumpanija tiegħek jekk ma timxix skont l-obbligi tiegħek. Filwaqt li l-kundizzjonijiet konkreti tar-responsabbiltà huma soġġetti għal-liġijiet nazzjonali, ċerti regoli li jgħoddu għall-UE kollha jistabbilixxu standards minimi li n-negozji jridu jirrispettaw fil-pajjiżi kollha tal-UE. Dawn ir-regoli jiddeterminaw ukoll id-dmirijiet tad-diretturi.
Id-diretturi meta jistgħu jinżammu responsabbli?
Il-kundizzjonijiet konkreti tar-responsabbiltà ċivili jinstabu fil-liġijiet nazzjonali. Madankollu, hemm prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali nazzjonali differenti.
Ir-rispett tar-rekwiżiti legali
Bħala kwistjoni ta’ prinċipju, l-Istati Membri tal-UE x’aktarx jippermettu li kumpanija tfittex lid-diretturi tagħha għad-danni jekk dawn ma jirrispettawx il-liġi (id-dmir tal-legalità). L-obbligi legali applikabbli għall-kumpanija jistgħu jkunu inklużi fir-regolamenti tal-UE jew fil-liġi nazzjonali. Ħafna drabi, dawn il-liġijiet nazzjonali jiġu ddeterminati mid-direttivi tal-UE, li jorbtu direttament mhux lill-kumpanija iżda lill-pajjiż tal-UE fejn tkun topera.
L-obbligi legali rilevanti għad-diretturi jinkludu, pereżempju, ir-regoli tar-rapportar u tal-awditjar. Il-ħabi tat-telf, l-approvazzjoni ta’ rapporti finanzjarji foloz, jew forom oħrajn ta’ ġestjoni finanzjarja ħażina jistgħu jkunu soġġetti għar-responsabbiltà personali. Barra minn hekk, l-injorar tar-riskju ta’ insolvenza u n-nuqqas ta’ azzjoni meta kumpanija tkun f’riskju li tfalli normalment jikkostitwixxu ksur tad-dmirijiet. In-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tar-regoli dwar it-trasparenza u l-iżvelar, id-drittijiet tal-azzjonisti, u l-istandards tal-governanza korporattiva jistgħu, bl-istess mod, iwasslu biex id-diretturi jinżammu responsabbli. Fl-aħħar nett, ir-regolamentazzjoni ambjentali, il-liġijiet dwar l-antitrust, u dispożizzjonijiet statutorji oħra fl-interess pubbliku jridu jiġu rispettati. Id-danni li kumpanija tista’ tirkupra fil-każ ta’ mġiba illegali tad-direttur tagħha jistgħu jikkonsistu f’multi amministrattivi imposti fuq il-kumpanija.
Azzjoni fl-aħjar interess tal-kumpanija
Għalkemm ma tkun inkisret l-ebda dispożizzjoni statutorja, id-diretturi xorta waħda jistgħu jġorru r-responsabbiltà ċivili fil-konfront tal-kumpanija jekk jonqsu milli jaġixxu fl-aħjar interess tal-kumpanija — pereżempju, jieħdu deċiżjonijiet imprudenti li jagħmlu ħsara lill-azzjonisti jew lill-kredituri. Il-formulazzjoni u l-livell ta’ dettall li bih jiġu espressi dawn id-dmirijiet ivarjaw fl-Istati Membri differenti tal-UE.
Forom oħrajn ta’ responsabbiltà
Fl-aħħar nett, huwa importanti li wieħed jinnota li r-responsabbiltà ċivili fil-konfront tal-kumpanija mhijiex l-unika forma ta’ responsabbiltà li d-diretturi jistgħu jġorru: att delittwali jista’ jwassal għal pretensjonijiet diretti ta’ partijiet terzi bbażati fuq il-liġi dwar id-delitti u l-ksur tad-dispożizzjonijiet statutorji jista’ jimplika wkoll sanzjonijiet amministrattivi jew kriminali.
Sir af aktar dwar ir-regoli fil-pajjiż fejn inti stabbilit, jew fil-pajjiż li fih tixtieq tespandi n-negozju tiegħek: