L-aħħar verifika: 23/11/2022

Kopertura tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek

Fl-UE, il-pajjiż responsabbli għas-sigurtà soċjali u l-kopertura fuq is-saħħa tiegħek, jiddependi fuq l-istatus ekonomiku u l-post ta’ residenza tiegħek – mhux in-nazzjonalità tiegħek. Kun żgur li taf liema hu l-pajjiż tas-sistema ta’ sigurtà soċjali li għandu jkoprik. Skopri aktar dwar il-kopertura tas-sigurtà soċjali barra pajjiżek.

Jekk m’intix ċert dwar drittijietek u tixtieq tiċċekkja qabel ma tingħata t-trattament, ikkuntattja Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali.

Japplikaw kundizzjonijiet speċjali għall-kopertura tal-kura tas-saħħa jekk int:

Taħdem f’pajjiż u tgħix f'ieħor

Jekk taħdem f’pajjiż wieħed tal-UE (kif ukoll fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein, fin-Norveġja, fl-Iżvizzera jew fir-Renju Unit) u tgħix f’pajjiż ieħor, int intitolat għal trattament mediku fiż-żewġ pajjiżi bl-istess kundizzjonijiet bħall-persuni assigurati f’dawk il-pajjiżi.

Kun żgur li tirreġistra fil-pajjiż li taħdem fih u ikseb formola S1 (dik li qabel kienet il-formola E106) mingħand l-awtorità tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek. Din il-formola tagħtik id-dritt li tikseb kura tas-saħħa fil-pajjiż li tgħix fih.

Abbażi tal-assigurazzjoni tiegħek, il-membri tal-familja tiegħek huma wkoll intitolati għal trattament mediku jekk huma jgħixu f’pajjiż tal-UE. Madankollu, jekk int ħaddiem transfruntier, tgħix f’pajjiż wieħed tal-UE u taħdem fid-Danimarka, fl-Irlanda, fil-Kroazja, fil-Finlandja, fl-Iżvezja, fl-Iżlanda, fin-Norveġja jew fir-Renju Unit, il-familja tiegħek hi intitolata biss għal trattament mediku f’dawk il-pajjiżi f’sitwazzjonijiet limitati, bħal pereżempju għall-kura meħtieġa matul is-soġġorn tagħhom.

Kura għat-tfal morda

Bħala ħaddiem transfruntier, iċċekkja mal-awtorità tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek jekk tieħu t-time off biex tieħu ħsieb ta’ wliedek morda. Jekk uliedek huma assigurati mas-sieħeb/sieħba tiegħek fil-pajjiż li jgħix/tgħix fih għandu mnejn ma tkunx intitolat għal benefiċċji.

Ikkollokat f’pajjiż barrani għal żmien qasir (anqas minn sentejn)

Bħala ħaddiem ikkollokat barra minn pajjiżek għal żmien qasir (anqas minn sentejn) tista’ tibqa’ assigurat f’pajjiżek (il-pajjiż li minnu ġejt ikkollokat).

Jekk qed tmur tgħix fil-pajjiż fejn tintbagħat, kun ċert li titlob formola S1 (dik li qabel kienet il-formola E106) mill-istituzzjoni tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek f’pajjiżek. Dan jintitola lilek u lill-familja tiegħek għall-kura tas-saħħa matul ir-residenza tiegħek barra minn pajjiżek.

Meta tasal fil-pajjiż fejn se tkun qed taħdem, agħti l-formola S1 tiegħek lill-istituzzjoni lokali tal-assigurazzjoni tas-saħħa.

Xogħol f'aktar minn pajjiż wieħed

Jekk taħdem f’aktar minn pajjiż wieħed tal-UE, iżda twettaq tal-anqas 25% tal-attivitajiet professjonali tiegħek (ħin tax-xogħol u/jew dħul) fil-pajjiż fejn tgħix, allura normalment tiġi kopert għall-kura tas-saħħa fil-pajjiż fejn tgħix.

Madankollu, japplikaw xi regoli speċjali f’sitwazzjonijiet li fihom qed taħdem għal min iħaddmek jew qed taħdem għal rasek barra l-pajjiż li tgħix fih. Skopri aktar dwar is-sigurtà soċjali barra pajjiżek.

Student, riċerkatur jew trainee f'pajjiż ieħor

Jekk tmur f’pajjiż ieħor tal-UE biex tistudja, tagħmel riċerka, kollokament ta’ xogħol jew taħriġ vokazzjonali, għandu jkollok assigurazzjoni komprensiva tas-saħħa fil-pajjiż ospitanti.

  • Jekk m'intix impjegat, l-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (EHIC) tista' tkun alternattivaIftaħ bħala link estern, jekk int eliġibbli.
  • Madankollu, jekk int impjegat fil-pajjiż li qed jospitak, ikollok bżonn tabbona għal skema ta’ assigurazzjoni tas-saħħa lokali.

    Twissija

    Xi studenti tad-dottorat ikunu kkunsidrati bħala ħaddiema residenti u jistgħu jkunu meħtieġa li jissottoskrivu għall-iskema tal-kura tas-saħħa lokali jew jieħdu assigurazzjoni tas-saħħa privata.

  • Jekk tintbagħat għal perjodu temporanju (inqas minn sentejn) f’università jew istituzzjoni ta’ riċerka f’pajjiż ieħor tal-UE mill-università jew l-istitut ta’ riċerka ta’ oriġini tiegħek, allura tibqa’ taħt l-iskema ta’ assigurazzjoni tas-saħħa f’pajjiżek għaż-żmien li tiġi stazzjonat. Qabel titlaq, għandek tapplika għall-karta tal-EHICIftaħ bħala link estern, jew, jekk tkun se tmur tgħix fil-pajjiż fejn tkun stazzjonat, għal formola S1 (dik li qabel kienet il-formola E106).

Iċċekkja mal-assiguratur tas-saħħa tiegħek jew ma’ Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali f’pajjiżek jekk humiex se jkopru l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa tiegħek barra minn pajjiżek għat-tul kollu taż-żjara tiegħek. Jekk jagħmlu dan, il-proċeduri amministrattivi jistgħu jkunu aktar sempliċi jekk ikollok Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (EHIC) valida.

Madankollu, ċerti assigurazzjonijiet tas-saħħa nazzjonali se jkopru l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa tiegħek f'pajjiż ieħor tal-UE għal żmien qasir biss. Ħafna drabi dan ikun il-każ għal studenti maturi (li għandhom aktar minn 28 jew 30 sena) u għal ħaddiema fuq taħriġ f’pajjiż ieħor. Jekk dan ikun il-każ għalik, ikollok bżonn tirreġistra ma’ skema lokali tal-assigurazzjoni tas-saħħa fil-pajjiż ospitanti tiegħek jew tieħu assigurazzjoni tas-saħħa privata.

Pensjonant

Kura tas-saħħa fil-pajjiż fejn tgħix

  • Jekk tirċievi pensjoni mill-pajjiż fejn tgħix: int u l-familja tiegħek tkunu koperti mis-sistema ta' assigurazzjoni tas-saħħa ta' dak il-pajjiż — anke jekk qed tirċievi wkoll pensjonijiet minn pajjiżi oħrajn.
  • Jekk ma tirċevix pensjoni jew kwalunkwe dħul ieħor mill-pajjiż fejn tgħix: int u familtek se tirċievu kura medika fil-pajjiż fejn tgħix, sakemm tkun intitolat għal trattament mediku fil-pajjiż li jħallas il-pensjoni tiegħek.
    - Għandek titlob formola S1 (dik li qabel kienet il-formola E106) mill-istituzzjoni tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek fil-pajjiż li jħallas il-pensjoni tiegħek.
    - Meta tasal fil-pajjiż il-ġdid tiegħek, irreġistra l-formola S1 tiegħek mal-istituzzjoni tal-assigurazzjoni tas-saħħa rilevanti. Dan id-dokument jistabbilixxi d-dritt tiegħek għall-kopertura sħiħa tal-kura tas-saħħa fil-pajjiż ta' residenza tiegħek.
     

Storja bħala eżempju

Kun żgur li taf għal liema sistema tal-kura tas-saħħa tappartjeni

Nicolas għex Franza u ħadem hemm kważi l-karriera tiegħu kollha, ħlief għal ftit snin meta ħadem l-Italja bħala waiter meta kien iżgħar.

Meta Nicolas irtira, mar l-Italja. Il-pensjoni tiegħu hi għalhekk magħmula minn żewġ partijiet: pensjoni Taljana li tirrifletti s-snin meta ħadem l-Italja u pensjoni Franċiża għas-snin li ħadem Franza.

Billi Nicolas jgħix l-Italja U jirċievi pensjoni tax-xjuħ mill-Italja, l-Italja se tkopri l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa tiegħu. M'għadux parti mis-sistema Franċiża.

Kura tas-saħħa fil-pajjiż fejn kont taħdem

Fil-prinċipju, int u l-familja tiegħek intitolati biss għal trattament mediku fil-pajjiż fejn tgħixu. Madankollu, jekk il-pajjiż li jħallas il-pensjoni tiegħek hu wieħed milli ġejjin, int u l-membri tal-familja tiegħek huma intitolati għat-trattament mediku kemm fil-pajjiż li jħallas il-pensjoni tiegħek kif ukoll fil-pajjiż li tgħix fih:

 
 

L-Awstrija

Il-Ġermanja

In-Netherlands

Il-Belġju

Il-Greċja

Il-Polonja

Il-Bulgarija

L-Ungerija

Is-Slovenja

Ċipru

L-Iżlanda

Spanja

Iċ-Ċekja

Il-Liechtenstein

L-Iżvezja

Franza

Il-Lussemburgu

L-Iżvizzera

Twissija

Jekk il-pajjiż li jħallas il-pensjoni tiegħek mhux fil-lista ta’ hawn fuq, tkun intitolat biss għal kopertura sħiħa tal-kura tas-saħħa fil-pajjiż fejn tgħix.

Ħaddiema transfruntieri rtirati

Jekk l-impjieg l-aktar reċenti tiegħek kien ta’ ħaddiem transfruntier – jiġifieri kont tgħix f'pajjiż wieħed u ta' kuljum kellek tmur f'pajjiż ieħor għax-xogħol – u rtirajt minħabba x-xjuħija jew l-invalidità, japplika dan li ġej:

Kontinwazzjoni ta' trattament

Tista' tkompli tirċievi trattament li beda fil-pajjiż li kont taħdem fih anki wara li rtirajt.

Dan japplika wkoll għad-dipendenti tiegħek jekk it-trattament beda f’dawn il-pajjiżi:

 
 

L-Awstrija

Il-Greċja

In-Netherlands

Il-Belġju

L-Ungerija

Il-Polonja

Il-Bulgarija

L-Italja

Il-Portugall

Ċipru

Il-Latvja

Ir-Rumanija

Iċ-Ċekja

Il-Liechtenstein

Is-Slovakkja

L-Estonja

Il-Litwanja

Is-Slovenja

Franza

Il-Lussemburgu

Spanja

Il-Ġermanja

Malta

L-Iżvizzera

Biex tkompli tirċievi trattament li beda fil-pajjiż fejn kont taħdem, għandek tissottometti formola S3 lill-awtoritajiet tal-assigurazzjoni tas-saħħa f’dak il-pajjiż.

Kopertura fil-pajjiż fejn kont taħdem u fil-pajjiż fejn tgħix

Jekk ħdimt bħala ħaddiem transfruntier tal-anqas għal sentejn matul il-5 snin qabel l-irtirar tiegħek, int intitolat għall-kura tas-saħħa kemm fil-pajjiż li tgħix fih kif ukoll fil-pajjiż li kont taħdem fih.

Kemm int kif ukoll dawk li jiddependu fuqek intitolati għal kura tas-saħħa fil-pajjiż li ħdimt qabel fih jekk dan il-pajjiż kif ukoll il-pajjiż li tgħix fih issa huma f'dan il-grupp:

 
 

L-Awstrija

Il-Ġermanja

Spanja

Il-Belġju

Il-Lussemburgu

Franza

Il-Portugall

Jekk tivvjaġġa lejn pajjiż fejn kont taħdem biex taċċessa trattament mediku hemm, u l-awtoritajiet f'dak il-pajjiż m’għadhomx responsabbli għall-ispejjeż tal-kura tas-saħħa, trid tissottometti formola S3 lilhom. Tista’ tikseb formola S3 mill-awtorità tal-assigurazzjoni tas-saħħa responsabbli għall-kopertura tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek.

Qed tfittex impjieg

Jekk qed tirċievi benefiċċji tal-qgħad minn pajjiż wieħed tal-UE u tiddeċiedi li tiċċaqlaq lejn pajjiż ieħor tal-UE biex tfittex impieg, għandek tikseb Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni (EHIC) għalik u għall-membri tal-familja tiegħek qabel ma tmorru barra pajjiżkom. Madankollu, l-EHIC se tippermetti lilek u lill-familja tiegħek li taċċessaw trattament mediku neċessarju biss (eż. trattament ta’ emerġenza) matul il-perjodu li tkun qed tirċievi l-benefiċċji tal-qgħad.

Jekk int assigurat fi kwalunkwe pajjiż tal-UE u tiddeċiedi li tiċċaqlaq lejn pajjiż ieħor tal-UE biex tfittex impjieg, l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali se jiddeċiedu liema sistema se tkoprik u probabbilment int se jkollok bżonn tkun kopert għall-kura tas-saħħa fil-pajjiż li tkun se tmur tgħix fih.

Skopri aktar dwar il-kopertura tas-sigurtà soċjali barra pajjiżek.

Is-sistemi tal-kura tas-saħħa jistgħu jvarjaw ħafna fl-Ewropa.

Il-pajjiżi tal-UE huma liberi li jistabbilixxu r-regoli tagħhom dwar l-intitolament għall-benefiċċji u s-servizzi tal-kura tas-saħħa.

Biex tevita problemi potenzjalment serji, skopri dwar is-sistema tas-sigurtà soċjali fil-pajjiż ospitanti jew ikkuntattja l-Punt ta' Kuntatt Nazzjonali.

Storja bħala eżempju

Kun af kif taħdem is-sistema tas-sigurtà soċjali fil-pajjiż il-ġdid tiegħek

Susanne dejjem ħadmet il-Ġermanja u marret Spanja biex tirtira hemmhekk. Meta mardet, kienet assistita minn servizz ta’ kura d-dar minn kumpanija privata, billi m’hemmx assigurazzjoni għall-kura d-dar pubblika fi Spanja.

L-assigurazzjoni għall-kura d-dar Ġermaniża tagħha ħallset parti mill-ispejjeż, iżda sehem Susanne tal-ispejjeż kien ferm akbar milli kien se jkun li kieku kienet baqgħet fil-Ġermanja. Dan ġara minħabba differenzi bejn is-sistemi ta' benefiċċji fil-Ġermanja u fi Spanja.

Differenzi fl-evalwazzjoni tal-livell ta' inkapaċità

Jekk titlob pensjoni ta' invalidità jew benefiċċju għal inkapaċità, kull pajjiż fejn ħdimt jista' jinsisti li jeżaminak separatament. Pajjiż wieħed jista' jevalwak li int serjament inkapaċitat, filwaqt li pajjiż ieħor jaf ma jikkunsidrax li int inkapaċitat.

Tgħallem aktar dwar il-pensjonijiet tal-invalidità fl-Ewropa.

Ara ukoll:

Mistoqsijiet frekwenti

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Ikkondividi din il-paġna: