Irreġistra r-residenza tiegħek f'pajjiż ieħor
Il-Brexit affettwak?
Fl-1 ta’ Jannar 2021, se jinbidlu r-regoli għaċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit jew sejrin hemm. L-istess japplika għaċ-ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu f’pajjiż tal-UE jew li jiċċaqilqu lejn pajjiż tal-UE.
Għandi residenza permanenti fir-Renju Unit/fl-UE jew ser niksibha matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni.
Fil-prinċipju, int u l-membri tal-familja tiegħek se tkomplu żżommu r-residenza permanenti fil-pajjiż li qed jospitakom. Dan jinkludi membri tal-familja mhux mill-UE. Madankollu, fir-Renju Unit, trid tapplika l-iskema għall-kisba tal-istatus ta' stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE biex tingħata status ta’ residenza ġdid. Fl-UE, iċċekkja mal-awtoritajiet tal-pajjiż ospitanti kemm jista’ jkun malajr jekk hux obbligatorju li tapplika għal status ta’ residenza ġdid.
Ngħix fir-Renju Unit/fl-UE iżda m’jienx intitolat għal residenza permanenti
Fil-prinċipju, int u l-membri tal-familja tiegħek se tkomplu żżommu r-residenza attwali tagħkom fil-pajjiż li qed jospitakom. Dan jinkludi membri tal-familja mhux mill-UE. Fir-Renju Unit, madankollu trid tapplika għall-iskema għall-kisba tal-istatus ta' stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE biex tingħata status ta’ residenza ġdid. Fl-UE, iċċekkja mal-awtoritajiet tal-pajjiż ospitanti kemm jista’ jkun malajr jekk hux obbligatorju li tapplika għal status ta’ residenza ġdid.
Irrid niċċaqlaq lejn ir-Renju Unit/l-UE.
Int u l-membri tal-familja tiegħek tistgħu tmorru fir-Renju Unit jew f’pajjiż tal-UE skont ir-regoli attwali tal-UE sal-31 ta’ Diċembru 2020. Dan jinkludi membri tal-familja mhux mill-UE. Għalhekk, fir-Renju Unit trid tapplika għall-iskema għall-kisba tal-istatus ta' stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE. Fl-UE, iċċekkja mal-awtoritajiet tal-pajjiż ospitanti tiegħek jekk tridx tirreġistra u jekk hux obbligatorju li tapplika għal status ta’ residenza ġdid.
Nixtieq immur fir-Renju Unit/UE għal żjara qasira
Ir-regoli attwali dwar ir-rappurtar tal-preżenza, ir-reġistrar tar-residenza tiegħek barra, ir-reġistrar tal-familja tiegħek tal-UE, ir-reġistrar tal-familja mhux tal-UE jkomplu japplikaw ta’ mill-anqas sal-31 ta' Diċembru 2020.
Għandi bżonn l-għajnuna
Jekk taħseb li d-drittijiet tiegħek skont il-liġi tal-UE mhumiex qed jiġu rispettati, ikkuntattja s-servizzi tal-assistenza tagħna.
Waqt l-ewwel 3 xhur fil-pajjiż il-ġdid tiegħek, bħala ċittadin tal-UE, ma tistax tkun obbligat tapplika għal dokument ta' residenza li jikkonferma li inti tgħix hemm - għalkemm f'xi pajjiżi jista' jkollok tirrapporta l-preżenza tiegħek malli tasal.
Wara 3 xhur fil-pajjiż ġdid tiegħek, jista' jkun jeħtieġlek tirreġistra r-residenza tiegħek mal-awtorità rilevanti (normalment l-uffiċċju muniċipali jew l-għassa tal-pulizija), u jinħariġlek ċertifikat ta' reġistrazzjoni.
Se jkollok bżonn karta tal-identità valida jew passaport validu u:
-
Tkun impjegat / Tintbagħat taħdem barra pajjiżek
- Ċertifikat ta' impjieg jew konferma ta' reklutaġġ minn min iħaddmek
-
Persuna li taħdem għal rasha
- Prova li int taħdem għal rasek
-
Pensjonanti
- Prova ta' assigurazzjoni komprensiva fuq is-saħħa
- Evidenza li tista' tappoġġja lilek innifsek bla ma jkollok bżonn ta' appoġġ tad-dħul: ir-riżorsi jistgħu jiġu minn kwalunkwe sors
-
Studenti
- Prova ta' reġistrazzjoni fi stabbiliment approvat ta' edukazzjoni
- Prova ta' assigurazzjoni komprensiva fuq is-saħħa
- Dikjarazzjoni li għandek biżżejjed riżorsi biex tappoġġja lilek innifsek bla ma jkollok bżonn ta' appoġġ tad-dħul: ir-riżorsi jistgħu jiġu minn kwalunkwe sors
Twissija
M'hemm bżonn tipprovdi ebda dokument ieħor.
Meta tirreġistra, għandek tingħata ċertifikat ta' reġistrazzjoni. Dan iċ-ċertifikat jikkonferma d-dritt tiegħek li tgħix fil-pajjiż ġdid tiegħek.
Iċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni għandu jinħariġlek immedjatament u ma tħallasx aktar mill- prezz li ċ-ċittadini tal-pajjiż iħallsu għall-karti tal-identità.
Dan għandu jkun validu b'mod indefinittiv (m'hemmx għalfejn jiġġedded), għalkemm jista' jkun jeħtieġlek tirrapporta kull bdil fl-indirizz lill-awtoritajiet lokali.
Skopri fejn u kif trid tirreġistra fil-pajjiż li qed jospitak:
Jekk ikollok tirreġistra, tista' tingħata multatalli ma tkunx għamilt dan iżda tista' tkompli tgħix fil-pajjiż u ma tistax titkeċċa minħabba f'hekk.
F'ħafna pajjiżi, se jkollok bżonn iġġorr fuqek iċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni u l-karta tal-identità tiegħek jew il-passaport il-ħin kollu. Jekk tħallihom id-dar, tista' tingħata multa iżda ma tistax titkeċċa minħabba f'hekk.
Jekk tiltaqa' ma' problemi biex tingħata ċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni tiegħek, tista' ċċempel lis- servizzi ta' għajnuna tagħna.
Ara wkoll kif:
- tirreġistra l-membri ta' familtek mill-UE
- tapplika għal karta ta' residenza għall-membri ta' familtek li mhumiex mill-UE
Storja bħala eżempju
Tista' tibda taħdem mingħajr ma toqgħod tistenna sakemm tirreġistra
Kurt hu Ġermaniż li mar jgħix il-Belġju biex jaħdem bħala avukat indipendenti bi sħab. Meta mar biex jirreġistra l-uffiċċju muniċipali, qalulu li ma setax jibda jaħdem qabel ma jirċievi ċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni.
Dan mhuwiex minnu: bħala ċittadin tal-UE, Kurt jista' jaħdem bħala persuna b'impjieg għal rasu mingħajr ma joqgħod jistenna ċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni. Ikun xi jkun il-każ, l-awtoritajiet għandhom joħorġu ċertifikat ta' reġistrazzjoni immedjatament meta dan jintalab.