Spejjeż u rimborżi: trattament medika ippjanata barra pajjiżek

Jeżistu żewġ modi kif tkopri l-ispejjeż tat-trattament mediku ppjanat f’pajjiż tal-UE ieħor:

1. L-assiguratur tas-saħħa tiegħek jista' jkopri l-ispejjeż kollha direttament:

  • Din is-sistema tapplika għall-fornituri tal-kura tas-saħħa pubblika - hi ma tkoprix it-trattament privat.
  • Għandek tistaqsi lill-assiguratur tiegħek għal awtorizzazzjoni bil-quddiem qabel ma tivvjaġġa għal trattament. Jekk tingħatalek, imbagħad tiġi pprovdut bil-formola ta' awtorizzazzjoni adegwata (imsejħa l-formola S2)
  • L-ispiża tat-trattament mediku tiegħek se tkun koperta mill-assiguratur tas-saħħa tiegħek skont ir-rati tar-rimborż fil-pajjiż li fih tiġi trattat.
  • Normalment ir-rimborż jiġi rranġat direttament bejn l-istituzzjonijiet involuti biex ma jkollokx tħallas għat-trattament.

Jekk qed tkun ittrattat f’pajjiż fejn il-pazjenti normalment iħallsu għal trattament u li wara jiġu rimborżati mill-assiguratur tas-saħħa tagħhom, għandu mnejn ikollok tħallas l-ispejjeż tat-trattament inti stess. Imbagħad tista’ tistaqsi għal rimborż mill-awtorità rilevanti fil-pajjiż li fih qed tiġi trattat. Huma se jirrimborżawk direttament bl-istess rata bħal persuni assigurati f’dak il-pajjiż.

Tista’ tagħżel ukoll li titlob lill-assiguratur tiegħek sabiex jirrimborżak meta tmur lura f’pajjiżek. Jekk ir-rata tar-rimborż għat-trattament li rċevejt barra minn pajjiżek tkun ogħla fil-pajjiż fejn int assigurat, tkun intitolat għal rimborż supplimentari mill-assiguratur tas-saħħa tiegħek biex tagħmel tajjeb għad-differenza.

2. Tista' tħallas għat-trattament int stess u titlob rimborż wara:

  • Din l-opzjoni tkopri l-provvedituri kollha, kemm pubbliċi u privati.
  • Se tkun rimborżat sa l-ammont li jiswa t-trattament speċifiku f’pajjiżek, iżda biss jekk intitolat għal dak it-trattament f’pajjiżek.

Xorta jista’ jkollok tapplika għal awtorizzazzjoni minn qabel għal trattament li jeħtieġ żjara fl-isptar matul il-lejl jew infrastruttura medika speċjalizzata u għalja ħafna - iċċekkja mal-assiguratur tas-saħħa tiegħek jew mal-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali tiegħek. Tista’ ssib ukoll links għal listi ta’ trattamenti soġġetti għal awtorizzazzjoni minn qabel f’pajjiżek hawnhekk.

B’din l-opzjoni, tista’ tiġi ttrattat bħala pazjent privat u titlob prezzijiet privati f’pajjiż ieħor tal-UE anke fi stabbilimenti pubbliċi. Ir-rimborż lilek dejjem se jkun fil-livell tal-prezzijiet pubbliċi, għalhekk, ikollok tħallas id-differenza.

Twissija

Rimborż mingħajr formola S2 minn qabel mhux applikabbli fl-Iżvizzera.

Storja bħala eżempju 1

Mhux dejjem għandek bżonn awtorizzazzjoni minn qabel, iżda l-ispejjeż se jvarjaw

Hugo jixtieq trattament għal katarretti (li hu kopert mill-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħu) fil-Ġermanja. Madankollu, it-trattament jiswa aktar il-Ġermanja milli f’pajjiżu. Hugo jrid li jiġu koperti l-ispejjeż kollha, għalhekk għandu japplika għal awtorizzazzjoni minn qabel mill-asiguratur tas-saħħa tiegħu (formola S2). Jekk jikseb l-awtorizzazzjoni, jista’ jmur f’pajjiż barrani u jingħata t-trattament, u l-ispiża sħiħa normalment għandha tiġi koperta direttament bejn l-istituzzjonijiet involuti. Madankollu, l-assiguratur tas-saħħa tiegħu jista’ jirrifjuta li joħroġ il-formola S2 jekk it-trattament ikun jista’ jingħata lil Hugo f’pajjiżu f’limitu ta’ żmien medikament ġustifikabbli. 

Yvonne tixtieq tirċievi l-istess trattament tal-katarretti, għal darb’oħra l-Ġermanja, u għal darb’oħra dan hu normalment kopert mill-assiguratur tas-saħħa tagħha. Tixtieq tikseb it-trattament kemm jista’ jkun malajr possibbli. Yvonne tiċċekkja mal-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali f’pajjiżha biex tara jekk għandhiex tapplika għal awtorizzazzjoni minn qabel u ssib li m’għandhiex għalfejn tagħmel dan, peress li t-trattament ma jinvolvix soġġorn ta’ lejl fi sptar u lanqas infrastruttura medika speċjalizzata u għalja ħafna. Għalhekk hija tmur barra mill-pajjiż u tingħata t-trattament fi klinika privata. Yvonne tħallas għat-trattament tagħha u titlob lura xi rimborż mill-assiguratur tas-saħħa tagħha meta tmur lura f’pajjiżha. Mingħajr formola S2, l-assiguratur tas-saħħa tagħha jirrimborża biss sar-rata pubblika stabbilita f’pajjiżha. Għalhekk, Yvonne għandha tassumi d-differenza bejn il-prezz li ħallset lill-klinika privata fil-Ġermanja u r-rata ta’ rimborż f’pajjiżha.

Storja bħala eżempju 2

Għandu mnejn ikollok tħallas xi spejjeż bil-quddiem, anki b’awtorizzazzjoni minn qabel

Agata tixtieq tagħmel l-intervent kirurġiku kumpless tagħha fil-Finlandja fi sptar li jagħmel parti mis-sistema tas-saħħa pubblika. Din il-kirurġija hija soġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel minn pajjiżha. Għalhekk, Agata tapplika għal awtorizzazzjoni minn qabel (formola S2) u, jekk awtorizzata, tingħata l-flus għall-ispiża tat-trattament koperta direttament.

Bernard għandu bżonn l-istess operazzjoni, ukoll fil-Finlandja, iżda fi sptar privat. F'dan il-każ xorta jrid japplika għal awtorizzazzjoni minn qabel, iżda l-opzjoni ta’ kopertura dirett ma tapplikax għall-kura tas-saħħa privata. Jekk jikseb awtorizzazzjoni minn qabel, Bernard ikollu jħallas l-ispiża tal-operazzjoni u mbagħad jitlob ir-rimborż. Huwa għandu jirċievi rimborż sal-livell applikat f’pajjiżu għall-istess tip ta’ kirurġija u jġorr id-differenza bejn il-prezz tat-trattament u t-tariffa tar-rimborż.

Tagħżel x'tagħżel, l-assiguratur tas-saħħa tiegħek ma jistax jirrifjuta t-talba tiegħek għal awtorizzazzjoni minn qabel jekk:

  • it-trattament speċifiku li teħtieġ huwa kopert mill-assigurazzjoni tas-saħħa statutorja tiegħek, u
  • tista’ tikseb it-trattament li teħtieġ mingħajr dewmien żejjed f’pajjiżek, meta jitqies l-istat kurrenti ta’ saħħtek u l-kors tal-marda tiegħek

Tista' ssib aktar dwar l-ispejjeż u r-rimborżi rilevanti direttament mill-istituzzjoni tal-kura tas-saħħa tiegħek jew mill-Punt ta' Kuntatt Nazzjonali fil-pajjiż tal-UE fejn int assigurat.

Mistoqsijiet frekwenti

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 29/11/2022
Ikkondividi din il-paġna