Governanza
Il-governanza tirreferi għar-regoli u r-responsabbiltajiet li jiddefinixxu kif kumpanija titmexxa u tiġi ġestita. Id-daqs, l-istruttura jew l-attivitajiet tal-kumpanija tiegħek jiddeterminaw ir-regoli speċifiċi tal-UE li jaf japplikaw għalik f’dan il-qasam.
Biex tiġi żgurata aktar ugwaljanza bejn il-ġeneri fuq il-post tax-xogħol, ir-regoli tal-UE jirrikjedu li l-kumpaniji kbar elenkati itejbu l-bilanċ bejn il-ġeneri fuq il-bordijiet tagħhom.
Id-diretturi tal-kumpaniji fl-UE jistgħu jinżammu personalment responsabbli għall-kumpaniji tagħhom. Filwaqt li kull pajjiż tal-UE għandu l-liġijiet tal-kumpaniji tiegħu, ir-regoli li japplikaw fil-livell tal-UE jiżguraw standards minimi li n-negozji jridu jħarsu.
Fil-każ ta’ tfixkil kbir fil-katina tal-provvista, l-UE tista’ tattiva miżuri skont l-Att dwar l-Emerġenza u r-Reżiljenza tas-Suq Intern (IMERA). Dan il-qafas jistabbilixxi kif l-awtoritajiet jikkoordinaw man-negozji u jipprovdu informazzjoni waqt kriżi biex jiżguraw il-kontinwità tal-ktajjen tal-provvista.