Riċetti barra mill-pajjiż spejjeż u rimborżi

Meta tixtri mediċini bir-riċetta tat-tabib f'pajjiż ieħor, jista' jagħti l-każ li jkollok tħallasha kollha int mill-ewwel, avolja kieku f'pajjiżek ma tħallasx. Tista’ titlob rimborż mingħand l-assiguratur tas-saħħa tiegħek meta tasal f’pajjiżek, jekk il-mediċina tkun koperta mill-assigurazzjoni tas-saħħa nazzjonali tiegħek.

Kemm jekk ikollok tħallas għall-mediċina bir-riċetta tat-tabib barra pajjiżek u kemm jekk le, jiddependi mill-kopertura tal-kura tas-saħħa tiegħek u mir-regoli tal-pajjiż tal-UE li tkun qed iżżur.

Kif tuża l-EHIC fl-ispiżerija

Il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (EHIC) tintitolak biex tirċievi l-kura meħtieġa bl-istess drittijiet għall-kura tas-saħħa bħan-nies assigurati fil-pajjiż li qed toqgħod fih. Jekk għandek riċetta tat-tabib mill-pajjiż fejn tinsab, għandek tippreżentaha flimkien mal-EHIC meta tmur fl-ispiżerija.

Dan ifisser li se tħallas l-istess rata fl-ispiżerija bħal xi ħadd li hu assigurat f’dak il-pajjiż. F’xi pajjiżi tal-UE dan jista’ jfisser li ma tħallas xejn, filwaqt li f’oħrajn tista’ tkun meħtieġ tħallas parti mill-ispiża jew l-ispiża kollha tar-riċetta tiegħek.

Jekk m'għandekx EHIC jew għandek riċetta transfruntiera

Probabbilment se jkollok tħallas il-prezz sħiħ tal-prodott miktub fir-riċetta tat-tabib fl-ispiżerija jekk:

  • m'għandekx EHIC jew insejt tieħu l-EHIC miegħek barra pajjiżek, jew
  • ikollok riċetta tat-tabib minn pajjiż ieħor tal-UE (riċetta transfruntiera)

Kun ċert li tistaqsi l-ispiżerija għal irċevuta. Skont il-kopertura tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek, għandek imbagħad titlob rimborż mingħand l-assiguratur tiegħek meta tmur lura f’pajjiżek.

Storja bħala eżempju

Hemm mnejn ikollok tħallas għall-mediċini bir-riċetta tat-tabib tiegħek

Federica għandha riċetta mingħand it-tabib tagħha fl-Italja għal mediċina tal-allerġiji li hi tqis li tista’ tiġi bżonn matul vaganza tas-sajf tagħha fi Franza. Fl-Italja tingħata l-mediċina mingħajr ħlas.

Waqt il-btala tagħha fi Franza, Federica tieħu r-riċetta Taljana tagħha biex tikseb il-mediċina tal-allerġiji tagħha. Hi sorpriża li l-ispiżjar talabha biex tħallas €25 għall-mediċina tagħha.

Federica għandha titlob rimborż meta tasal lura f’pajjiżha.

Mistoqsijiet frekwenti

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 31/10/2022
Ikkondividi din il-paġna