Validità tal-assigurazzjoni tal-karozza fl-UE
Validità tal-assigurazzjoni obbligatorja u fakultattiva
Meta tirreġistra karozza fi kwalunkwe pajjiż tal-UE, trid tassiguraha għar-responsabbiltà ta’ terzi. Din l-assigurazzjoni obbligatorja hi valida fil-pajjiżi l-oħra kollha tal-UE. Tkoprik jekk ikollok aċċident li jagħmel ħsara fuq proprjetà jew jekk iweġġa’ xi ħaddieħor minbarra s-sewwieq. Ma tkoprix spejjeż oħra (eż. l-ispejjeż tat-tiswijiet lill-vettura tiegħek).
Twissija
L-informazzjoni f’din il-paġna tapplika għat-tipi kollha ta’ vetturi bil-mutur.Tista’ takkwista wkoll assigurazzjoni addizzjonali u fakultattiva, imsejħa assigurazzjoni għad-danni proprji, li tkopri riskji oħra. Din l-assigurazzjoni testendi l-kopertura tiegħek (eż. jekk iweġġa’ s-sewwieq, jekk il-vettura tiegħek issirilha l-ħsara, jekk tinsteraq il-vettura tiegħek jew il-kontenuti tagħha, vandaliżmu, u assistenza legali).
Twissija
M’hemmx regoli tal-UE dwar l-assigurazzjoni fakultattiva tal-karozza.Ara t-termini u l-kundizzjonijiet mal-assiguratur lokali tiegħek qabel ma ssiefer. L-assiguraturi jistgħu japplikaw regoli differenti f’kull pajjiż. L-assigurazzjoni tiegħek tista’ tkun limitata biż-żmien (eż. xahar barra l-pajjiż) jew bid-distanza (eż. 150 km mill-fruntieri ta’ pajjiżek), jew tista’ teskludi xi pajjiżi għal ċerti tipi ta’ riskji, bħal serq.
L-assigurazzjoni tal-karozza fil-pajjiż li qed jospitak
Trid tirreġistra l-karozza tiegħek fil-pajjiż li tgħix fih is-soltu. M’għandekx għalfejn tirreġistra l-karozza tiegħek fil-pajjiż li qed jospitak jekk tkun tista’ turi li qed toqgħod hemm temporanjament biss eż. bħala student.
Meta tirreġistra, ikollok turi li kopert b’assigurazzjoni.
L-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni tal-karozzi fil-pajjiż li qed jospitak iridu jaċċettaw il-kopertura tal-assigurazzjoni minn kwalunkwe kumpanija tal-assigurazzjoni:
- ibbażata f’dak il-pajjiż jew b’uffiċċju hemmhekk
- mingħajr uffiċċju f’dak il-pajjiż iżda awtorizzata li tipprovdi servizzi hemm.
Twissija
Jekk se tmur tgħix f’pajjiż ieħor tal-UE u jkollok terġa’ tirreġistra l-karozza tiegħek, trid tiċċekkja mal-assiguratur tiegħek jekk il-kuntratt li għandek bħalissa ikunx validu fil-pajjiż li se tgħix fih.
Fil-prinċipju, tista’ wkoll tassigura l-karozza tiegħek f’pajjiż tal-UE li mhuwiex il-pajjiż ta’ residenza tiegħek. Madankollu, qis li tiċċekkja jekk il-kumpanija tal-assigurazzjoni tiegħek tkoprix lil dawk li mhumiex residenti jew lis-servizzi bejn il-pajjiżi.
Storja bħala eżempju
L-assigurazzjoni minn pajjiżi hija valida barra?
Lazlo hu Sloven u mar jgħix l-Irlanda. Miegħu ħa l-karozza tiegħu, li għaliha għandu polza tal-assigurazzjoni standard Slovena.
Kif jasal l-Irlanda, irid jirreġistra l-karozza tiegħu mal-awtoritajiet Irlandiżi u jrid jara jistax isuq bl-assigurazzjoni Slovena tiegħu. Jekk ma jistax, irid jitlob lill-uffiċċju nazzjonali tal-karta l-ħadra liema assiguraturi jista’ jikkuntattja biex jagħmel assigurazzjoni ġdida fl-Irlanda.
Skopri aktar dwar ir-regolamenti nazzjonali li jikkonċernaw l-assigurazzjoni tal-karozza
Agħżel il-pajjiż
Ixtri assigurazzjoni ġdida barra pajjiżek
Jekk il-kuntratt li għandek bħalissa mhuwiex validu fil-pajjiż fejn sejjer tgħix, jew jiskadi jekk terġa’ tirreġistra l-karozza tiegħek hemmhekk, tista' tikkuntattja lill-uffiċċju nazzjonali tal-kard ħadra / liċ-ċentru għall-informazzjoni biex tistaqsi dwar liema kumpaniji joffru assigurazzjoni tal-karozzi f’dak il-pajjiż.
Primjums tal-assigurazzjoni u rekord tal-klejms
Il-primjums tal-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur huma differenti minn pajjiż tal-UE għal ieħor, l-aktar minħabba d-differenzi fil-liġijiet kuntrattwali nazzjonali, il-valutazzjonijiet tar-riskju u l-iskemi ta’ kumpens jew l-amministrazzjoni tal-klejms internazzjonali kumplessi u li jiswew ħafna flus.
F’xi pajjiżi tal-UE, ir-rekord tal-klejms tiegħek jista’ jaffettwa l-primjums tal-assigurazzjoni tiegħek. Jista' jkun li smajt bis-sistemi ta’ no-claim bonus jew bonus-malus. Jekk ma tagħmilx klejms matul is-sena, l-assiguratur tiegħek jista’ jagħtik skont meta ġġedded il-kuntratt tiegħek. Iżda jekk tagħmel klejm, jaf tintalab tħallas aktar.
Meta trid, lill-assiguratur tiegħek tista’ titolbu rendikont tar-rekord tal-klejms. Dan id-dokument ikopri kwalunkwe aċċident li għalih tkun tlabt kumpens finanzjarju matul l-aħħar 5 snin. L-assiguraturi jridu jipprovdu r-rekord tal-klejms tiegħek fi żmien 15-il jum billi jużaw il-formola standardizzata tal-UE.
Meta tagħmel assigurazzjoni tal-karozza ġdida u turi r-rendikont tar-rekord tal-klejms tiegħek lill-assiguratur il-ġdid, dan:
- ma jistax jittrattak b’mod inġust jew jitolbok tariffi żejda minħabba ċ-ċittadinanza tiegħek, jew għaliex qabel għext f’pajjiż ieħor tal-UE
- irid japplika r-rekord tal-klejms tiegħek tal-passat għal kwalunkwe skont, eżatt kif jagħmel lir-residenti lokali.
Twissija
Xi assiguraturi jaf japplikaw skontijiet differenti abbażi tar-rekord tal-klejms tiegħek. Għalhekk qis li dejjem tqabbel il-kwoti u t-termini tal-poloz tal-assigurazzjoni biex tikseb l-aħjar rata. Assiguratur irid jippubblika ħarsa ġenerali dwar kif juża r-rendikonti tar-rekord tal-klejms.Storja bħala eżempju
F’pajjiżi għandi rekord tajjeb ta’ sewqan. Mela allura għaliex l-assiguratur barra minn pajjiżi qed jitlobni primjum għola?
Rosa hi Taljana u m’ilux marret tgħix Franza. Ilha 10 snin issuq l-Italja u qatt m’għamlet klejms, allura l-primjums tal-assigurazzjoni tagħha hemmhekk kienu pjuttost baxxi. Qabel ma telqet, ġabet ir-rekondikont tar-rekord tal-klejms tagħha mill-assiguratur Taljan u bdiet tfittex kopertura ġdida fi Franza. L-ewwel assiguratur Franċiż li kkuntattjat ma riedx jirrikonoxxi r-rekord tas-sewqan Taljan tagħha. Madankollu, Rosa kienet taf li l-assiguraturi tal-UE huma legalment obbligati li jqisu r-rekords tal-klejms minn pajjiżi oħra tal-UE. Wara li qaltlu b’dan, l-assiguratur aċċetta r-rekord tal-klejms Taljan tagħha. Biex tkun ċerta li jkollha l-aħjar offerta, Rosa kompliet tqabbel il-poloz tal-assigurazzjoni sakemm sabet assiguratur li offrielha l-aktar termini vantaġġużi u l-aħjar rati għal butha. Iċċekkjat ukoll il-kundizzjonijiet tal-kopertura biex tkun ċerta li dawn jissodisfaw il-bżonnijiet speċifiċi tagħha.