Responsabbiltà għall-prodott

Int responsabbli għad-difetti fil-prodotti tiegħek. Jekk jikkawżaw dannu lill-konsumaturi tiegħek: mewt, korriment personali jew ħsara materjali lill-oġġetti personali (aktar minn EUR 500), il-kumpanija tiegħek tista’ tinżamm responsabbli.

Kemm ikunu difettużi l-prodotti tiegħek jiġi ddeterminat skont kemm tkun nieqsa s-sikurezza li l-konsumaturi għandhom id-dritt jistennew, mhux skont kemm ikunu tajbin għall-użu.

Kun prudenti meta:

  • timmanifattura prodott finali
  • timmanifattura partijiet biex jiġu inkorporati fi prodott ieħor
  • timporta fl-UE prodott maħsub biex jerġa’ jinbiegħ.

Jekk ikun hemm aktar minn negozju wieħed li jkun responsabbli għas-sikurezza tal-istess prodott, min ikun sofra d-dannu jista’ jtella’ l-qorti lil kwalunkwe wieħed minnhom.

Ir-regoli dwar ir-responsabbiltà japplikaw ukoll għall-prodotti tal-elettriku u agrikoli. Il-kuntratt tal-bejgħ tiegħek ma jistax ikun fih klawżoli li jnaqqsu mir-responsabbiltà tiegħek għal prodott difettuż.

Talbiet għal kumpens

Biex jitlob kumpens għad-dannu, min ikun sofra d-dannu jrid jagħti prova li:

  • ikun seħħ dannu
  • il-prodott tiegħek kien difettuż
  • kien hemm rabta bejn id-difett u d-dannu.

Storja bħala eżempju

Talba għal kumpens fil-każ ta’ scooters difettużi

Zephir hija proprjetarja ta’ kumpannija li timmanifattura scooters elettriċi. Klijent wieħed indarab meta l-brejkijiet tal-iscooter ma ħadmux waqt li kien qiegħed jużah. Wara li ppreżenta talba għall-kumpens, il-klijent ta prova li seħħ il-korriment, li l-brejkijiet kienu difettużi, u li d-difett kien il-kawża diretta tal-inċident. Saret investigazzjoni li kkonfermat li d-difett kien jeżisti meta l-prodott tqiegħed fis-suq, u l-kumpanija Zephir inżammet responsabbli għall-kumpens.

Biex jitlob kumpens, min ikun ġarrab id-dannu għandu żmien 3 snin, li jibdew jgħoddu minn dakinhar li jsir jaf:

  • bid-dannu;
  • bid-difett;
  • bl-identità tal-produttur.

Inti ma tibqax responsabbli għad-dannu kkawżat mill-prodott tiegħek kemm-il darba jkun ilu fis-suq għal 10 snin, sakemm xi ħadd ma jkunx talab kumpens mingħandek matul dak il-perjodu.

Każijiet meta m’intix responsabbli

M’intix responsabbli jekk tista’ turi li:

  • ma kontx int li poġġejt il-prodott fis-suq
  • ma kontx int li mmanifatturajt il-prodott għall-bejgħ
  • id-difett li kkawża d-dannu ma kienx jeżisti meta l-prodott tqiegħed fis-suq
  • id-difett irriżulta biss minħabba li l-prodott tiegħek kellu jissodisfa rekwiżiti tekniċi obbligatorji
  • skont l-aħħar standards xjentifiċi u tekniċi, ħadd ma seta’ jbassar id-difett fil-mument meta poġġejt il-prodott fis-suq
  • immanifatturajt biss element wieħed, u d-difett kien ikkaġunat mid-disinn tal-prodott finali.

Storja bħala eżempju

Prova ta’ nuqqas ta’ responsabbiltà: Meta difett ma jkunx tort tiegħek

Anaïs timmanifattura komponenti taċ-ċinturin tas-sikurezza. Wara inċident bil-karozza, is-sewwieq li weġġa’ afferma li ċ-ċinturin tas-sikurezza ma ħadimx kif suppost.

L-investigaturi sabu li d-difett kien ikkawżat mid-disinn tal-karozza, u mhux mill-komponent ta’ Anaïs. Hija tat prova li l-prodott tagħha ma kienx difettuż meta tqiegħed fis-suq, u d-difett irriżulta minn fatturi lil hinn mill-kontroll tagħha. B’riżultat ta’ dan, Anaïs ma nżammitx responsabbli.

Ikseb aċċess għall-informazzjoni nazzjonali hawn taħt.

Ara wkoll

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Għandek xi mistoqsijiet dwar kif topera negozju transfruntier, pereżempju l-esportazzjoni jew l-espansjoni lejn pajjiż ieħor tal-UE? Jekk hu l-każ, Enterprise Europe Network jista’ jagħtik pariri b’xejn.

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

L-aħħar verifika: 13/03/2025
Ikkondividi din il-paġna