‏Il-pensjonijiet tal-istat barra minn pajjiżek

Il-pensjonijiet tax-xjuħija

Biex tapplika għall-pensjoni

Jekk ħdimt f’aktar minn pajjiż wieħed tal-UE, jista’ jagħti l-każ li akkumulajt drittijiet tal-pensjoni f’kull pajjiż.

Tkun trid tapplika mal-awtorità tal-pensjonijiet fil-pajjiż fejn qed tgħix jew fejn ħdimt l-aħħar. Jekk qatt ma ħdimt fil-pajjiż fejn qed tgħix, il-pajjiż ospitanti jibgħat it-talba tiegħek lil-pajjiż fejn ħdimt l-aħħar.

Dak il-pajjiż, imbagħad, ikun responsabbli biex jipproċessa t-talba tiegħek u biex jiġbor flimkien ir-rekords tal-kontribuzzjonijiet tiegħek mill-pajjiżi kollha fejn tkun ħdimt.

F'ċerti pajjiżi, il-prassi hi li l-awtorità tal-pensjonijiet tibgħatlek il-formola tal-applikazzjoni għall-pensjoni qabel ma tkun wasalt għall-età tal-irtirar ta’ dak il-pajjiż. Jekk ma tirċevihiex, ikkuntattja lill-awtorità tal-pensjonijiet tiegħek sabiex tara jekk ikunux se jibagħtuhielek awtomatikament.

Twissija

Għandek titlob l-informazzjoni dwar kif tikseb il-pensjoni tiegħek mill-inqas sitt xhur qabel tirtira, għax il-proċedura biex tieħu pensjoni minn diversi pajjiżi tista’ tieħu fit-tul.

Id-dokumenti li jkollok bżonn

Dawn ivarjaw minn pajjiż għal ieħor, iżda normalment tkun trid tipprovdi d-dettalji tal-bank u xi forma ta’ identifikazzjoni.

Għal dettalji iktar preċiżi, ikkuntattja lill-awtorità tal-pensjonijiet li se tipproċessa t-talba tiegħek.

Differenzi fl-etajiet tal-irtirar

F’xi pajjiżi tal-UE ikollok iddum tistenna iktar milli f’pajjiżi oħrajn biex tibda tirċievi l-pensjoni tiegħek.

Tista' tirċievi l-pensjoni tiegħek biss mill-pajjiż fejn tgħix bħalissa (jew fejn ħdimt l-aħħar) malli tasal għall-età legali tal-irtirar f'dak il-pajjiż. Jekk akkumulajt drittijiet tal-pensjoni f’pajjiżi oħrajn, dawk il-partijiet tal-pensjoni tirċevihom biss malli tasal għall-età legali tal-irtirar f'dawk il-pajjiżi.

Għaldaqstant, huwa importanti li ssir taf minn qabel, mingħand il-pajjiżi kollha fejn ħdimt, xi tkun is-sitwazzjoni tiegħek jekk tibdel id-data meta taqbad tirċievi l-pensjoni.

Jekk tieħu pensjoni waħda qabel l-oħra, dan jista’ jaffettwa l-ammonti li tirċievi.

Tista’ tikseb aktar pariri mingħand l-awtorità rilevanti fil-pajjiż fejn tgħix u/jew fil-pajjiżi fejn ħdimt.

Sir af dwar l-etajiet tal-irtirar u s-sistemi tal-pensjoni f’pajjiżi differenti tal-UE:

Storja bħala eżempju

Kun af x’inhuma l-etajiet differenti tal-irtirar f'pajjiżi oħrajn (jistgħu jkunu ogħla!)

Caroline, minn Franza, ħadmet id-Danimarka għal 15-il sena u mbagħad marret lura Franza lejn tmiem il-karriera tagħha. Meta għalqet 62 sena, applikat għall-pensjoni, kif inhu normali fi Franza, iżda tawha waħda baxxa ħafna.

Ta' 62 sena, Caroline hi intitolata biss għall-parti Franċiża tal-pensjoni tagħha. Il-parti Daniża ma tirċevihiex qabel tagħlaq 67 sena, l-età legali tal-irtirar fid-Danimarka għall-faxxa tal-età li tagħmel parti minnha.

Il-perjodi tal-eliġibbiltà

F’xi wħud mill-pajjiżi tal-UE, trid tkun ħdimt mill-inqas għal ċertu perjodu ta’ żmien biex ikollok dritt għal pensjoni.

F'każijiet bħal dawn, l-awtorità tal-pensjonijiet trid tikkunsidra l-perjodi kollha li tkun ħdimt f'pajjiżi oħrajn tal-UE, bħallikieku kont qed taħdem f'dak il-pajjiż f’dak iż-żmien kollu, biex tivvaluta jekk ikollokx dritt għal pensjoni (il-prinċipju tal-aggregazzjoni tal-perjodi).

Jekk dan ma jseħħx, ikkuntattja lis-servizzi tal-assistenza Iftaħ bħala link estern tagħna biex jgħinuk.

Storja bħala eżempju

Tom ħadem għal erba’ snin fil-Ġermanja u għal 32 sena fil-Portugall.

Fil-Ġermanja, trid tkun ħdimt għal mill-inqas ħames snin biex tkun intitolat għal pensjoni. Tom normalment ma jikkwalifikax għall-iskema nazzjonali tal-pensjoni fil-Ġermanja peress li kien ħadem hemm għal 4 snin biss.

Madankollu, l-awtorità tal-pensjoni Ġermaniża kellha tqis is-snin li Tom ħadem fil-Portugall. Irrikonoxxiet id-dritt tiegħu u qed tħallsu pensjoni għall-erba’ snin li ħadem fil-Ġermanja.

Perjodi ta’ assigurazzjoni ta’ inqas minn sena

Jekk kont kopert għal inqas minn sena f'pajjiż partikulari, jista’ jkun li tapplika regola speċjali, peress li xi pajjiżi tal-UE ma jipprovdux pensjoni f’każ ta’ perjodi qosra: ix-xhur ta' assigurazzjoni jew residenza fil-pajjiż fejn ħdimt għal perjodu qasir ma jintilfux iżda jiġu kkunsidrati fil-kalkolu tal-pensjoni tiegħek fil-pajjiżi fejn ħdimt għal perjodu itwal.

Jekk ikollok problema biex tikseb il-ħlas ta' pensjoni għal perjodi ta' xogħol ta' inqas minn sena, tista' tikkuntattja lis-servizzi tal-assistenza Iftaħ bħala link estern tagħna għall-għajnuna.

Kif tinħadem il-pensjoni tiegħek

L-awtoritajiet tal-pensjonijiet f'kull pajjiż tal-UE fejn ħdimt janalizzaw il-kontribuzzjonijiet li ħallast fis-sistema tagħhom, kemm ħallast f'pajjiżi oħrajn, u għal kemm żmien ħdimt f'pajjiżi differenti.

Ir-rata ta’ ekwivalenza tal-UE

Kull awtorità tal-pensjonijiet tikkalkula l-parti tal-pensjoni li għandha tħallas billi tqis il-perjodi li tkun ħdimt fil-pajjiżi kollha tal-UE.

Biex tagħmel dan, l-awtorità tgħodd flimkien il-perjodi li tkun għamilt taħdem fil-pajjiżi kollha tal-UE u tikkalkula kemm kont tieħu pensjoni li kieku kkontribwejt fl-iskema tagħha matul iż-żmien kollu (imsejjaħ l-ammont teoretiku).

Dan l-ammont, imbagħad, jiġi aġġustat biex jirrifletti ż-żmien li fih attwalment kont kopert f'dak il-pajjiż (imsejjaħ il-benefiċċju pro rata).

Ir-rata nazzjonali

Jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet biex tkun intitolat għal pensjoni nazzjonali irrispettivament minn kwalunkwe perjodu meta ħdimt f'pajjiżi oħrajn, l-awtorità tal-pensjonijiet tikkalkula wkoll il-pensjoni nazzjonali (magħrufa bħala benefiċċju indipendenti).

Ir-riżultat

L-awtorità nazzjonali mbagħad tqabbel il-benefiċċju pro rata u l-benefiċċju indipendenti, u inti tirċievi l-ogħla pensjoni minnhom it-tnejn mingħand il-pajjiż tal-UE inkwistjoni.

Id-deċiżjoni ta' kull pajjiż fuq it-talba tiegħek tiġi spjegata f'nota speċjali li jibgħatulek, il-formola P1.

Storja bħala eżempju

Rosa ħadmet għal 20 sena fi Franza u għal 10 snin fi Spanja.

Iż-żewġ pajjiżi japplikaw perjodu minimu ta’ 15-il sena xogħol sabiex jingħata d-dritt għal pensjoni. Kull wieħed miż-żewġ pajjiżi jikkalkula l-pensjoni ta’ Rosa:

L-awtorità Franċiża tagħmel kalkolu doppju:

  • Tikkalkula l-pensjoni nazzjonali ta' Rosa għall-20 sena li ħadmet fi Franza — ejjew ngħidu €800.
  • Tikkalkula wkoll ammont teoretiku, il-pensjoni li Rosa kien ikollha kieku ħadmet it-30 sena sħaħ fi Franza — ejjew ngħidu €1,500. Imbagħad, tiddetermina l-pensjoni prorata, li hi l-parti ta’ dan l-ammont li għandha titħallas għas-snin li ħadmet fi Franza: 1,500x20 sena fi Franza/total ta’ 30 sena = €1,000.

Rosa għandha dritt għall-ogħla ammont — €1,000 fix-xahar.

L-awtorità Spanjola ma tikkalkulax il-pensjoni nazzjonali għax Rosa ħadmet fi Spanja anqas mill-perjodu minimu rikjest. Tikkalkula biss ir-rata ekwivalenti tal-UE — billi tibda mill-ammont teoretiku, il-pensjoni li Rosa kien ikollha kieku ħadmet it-30 sena kollha fi Spanja — ejjew ngħidu €1,200.

Imbagħad, tiddetermina l-pensjoni pro rata — il-parti ta’ dan l-ammont li għandha titħallas għas-snin li ħadmet fi Spanja: 1,200x10 snin fi Spanja/total ta’ 30 sena = €400.

Fl-aħħar mill-aħħar, Rosa se tirċievi pensjoni ta’ €1,400.

It-tassazzjoni fuq il-pensjonijiet tal-istat

Ir-regoli dwar it-tassazzjoni fuq il-pensjonijiet tal-istat minn barra l-pajjiż ivarjaw minn pajjiż għal ieħor. Pereżempju, l-awtoritajiet ta’ pajjiż partikulari jistgħu jintaxxaw il-pensjonijiet barranin tar-residenti, iżda jistgħu wkoll jagħtu krediti tat-taxxa għal taxxi li jkunu diġà tħallsu barra mill-pajjiż. Jekk tirċievi pensjonijiet minn aktar minn pajjiż wieħed tal-UE, trid tiċċekkja r-regoli ta’ liema pajjiż tal-UE japplikaw għal kull pensjoni. Sir af x’inhuma r-regoli fil-pajjiż jew pajjiżi rilevanti.

Il-ħlas tal-pensjoni tiegħek

Kull pajjiż li jagħtik pensjoni ġeneralment iħallas l-ammont korrispondenti f'kont tal-bank fil-pajjiż tar-residenza tiegħek — jekk tgħix fl-UE.

Jekk ma tgħixx fl-UE, jista' jagħti l-każ li jkollok tiftaħ kont tal-bank f'kull pajjiż tal-UE li jagħtik pensjoni.

Il-pensjonijiet tal-invalidità / tas-superstiti

Ir-regoli msemmijin hawn fuq japplikaw ukoll għall-kalkolu tal-pensjonijiet tal-invalidità u tal-pensjonijiet tas-superstiti. Importanti li tkun taf li:

  • Jekk tagħmel talba għal pensjoni tal-invalidità jew għal benefiċċju tal-invalidità, kull pajjiż fejn ħdimt jista’ jinsisti li jeżaminak separatament — u kull pajjiż jista’ jasal għal konklużjonijiet differenti. Pajjiż wieħed jista’ jevalwa l-inkapaċità tiegħek bħala serja filwaqt li pajjiż ieħor jaf jikkonkludi li m’hemmx każ ta’ inkapaċità.
  • Xi pajjiżi tal-UE ma jagħtux pensjonijiet tas-superstiti. Jekk żewġek jew martek jaħdmu barra mill-pajjiż u qed isserraħ fuq il-possibbiltà ta' pensjoni tas-superstiti, ivverifika jekk dan il-benefiċċju jeżistix f'dak il-pajjiż.

Mistoqsijiet frekwenti

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 25/04/2025
Ikkondividi din il-paġna