L-aħħar verifika : 06/04/2018

Ħaddiema - drittijiet ta' residenza

Deċiżjoni tar-Renju Unit li tinvoka l-Artikolu 50 tat-TUE: Aktar informazzjoni

Għalissa, ir-Renju Unit għadu membru sħiħ tal-UE u d-drittijiet u l-obbligi għadhom japplikaw bis-sħiħ fir-Renju Unit:

Għandek dritt tgħix f'kull pajjiż tal-UE fejn int impjegat, taħdem għal rasek jew inti ħaddiem stazzjonat.

Meta tgħix sa 3 xhur barra pajjiżek

Żomm il-karta tal-identità nazzjonali (ID) jew il-passaport tiegħek dejjem fuqek

Bħala ċittadin tal-UE, l-uniku rekwiżit biex toqgħod f'pajjiż ieħor tal-UE għal inqas minn 3 xhur hu li jkollok karta tal-identità nazzjonali valida, jew passaport validu.

F'ħafna pajjiżi tal-UE trid iżżomm dejjem fuqek il-karta tal-identità nazzjonali jew il-passaport.

F'dawn il-pajjiżi, tista' tkun immultat jew arrestat temporarjament jekk tħalli d-dokumenti tal-identità tiegħek id-dar - iżda ma tistax tintbagħat lura f'pajjiżek minħabba f'hekk biss.

Irrapporta l-preżenza tiegħek

Ċerti pajjiżi tal-UE jitolbu minnek li tirrapporta l-preżenza tiegħek lill-awtoritajiet rilevanti f'perjodu raġonevoli ta' żmien wara li tasal. Huma jistgħu jimponu penali, bħal multa, jekk ma tagħmilx dan.

Skopri aktar dwar kif tirrapporta l-preżenza tiegħek.

Deportazzjoni.

F'każijiet eċċezzjonali, il-pajjiż il-ġdid tiegħek jista' jiddeportak għal raġunijiet ta' politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika - iżda biss jekk ikun ippruvat li int ta' theddida serja.

Id-deċiżjoni ta' deportazzjoni għandha tingħatalek bil-miktub. Għandha tiddikjara r-raġunijiet kollha għad-deportazzjoni tiegħek u tispeċifika kif int tista' tappella u sa meta.

Meta tgħix barra pajjiżek għal aktar minn 3 xhur

Għandek dritt tgħix fi kwalunkwe pajjiż tal-UE jekk qed taħdem hemm.

Irreġistra r-residenza tiegħek

Matul l-ewwel 3 xhur taż-żjara tiegħek, il-pajjiż li jospitak jista' jitolbok li tirreġistra r-residenza tiegħek. Tista' tagħmel dan jekk tixtieq.

Wara 3 xhur, il-pajjiż li qed jospitak jista' jobbligak tirreġistra r-residenza tiegħek mal-awtoritajiet lokali biex turi li qed taħdem hemm, u tikseb dokument li jikkonferma d-dritt tiegħek li toqgħod.

Skopri kif tirreġistra r-residenza tiegħek f'pajjiż ieħor .

Jekk tingħata s-sensja

Jekk tingħata s-sensja meta tkun qed tgħix f'pajjiż ieħor, xorta tista' tibqa' hemm jekk int:

  • ma tistax taħdem temporanjament minħabba mard jew aċċident
  • irreġistrat mal-uffiċċju tax-xogħol bħala bla xogħol b'mod involuntarju. Jekk ilek impjegat għal inqas minn sena qabel ma spiċċajt bla xogħol, tista' żżomm id-dritt tiegħek għal trattament ugwali bħaċ-ċittadini għal perjodu limitat ta' mill-inqas 6 xhur.
  • wara taħriġ vokazzjonali. Jekk ma tkunx bla xogħol b'mod involuntarju, it-taħriġ għandu jkun relatat mal-impjieg li kellek qabel

Talba ta' tluq u deportazzjoni

Tista' tgħix fil-pajjiż l-ieħor tal-UE sakemm tkompli tissodisfa l-kundizzjonijiet għal residenza. Jekk ma tibqax tissodisfa dawn ir-rekwiżiti, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jobbligawk titlaq.

F'każijiet eċċezzjonali, il-pajjiż li jospitak jista' jiddeportak għal raġunijiet ta' politika pubblika jew sigurtà pubblika - iżda biss jekk jista' juri li int ta' theddida serja.

Id-deċiżjoni ta' deportazzjoni jew it-talba biex titlaq għandha tingħatalek bil-miktub. Għandha tiddikjara r-raġunijiet kollha għad-deportazzjoni tiegħek u tispeċifika kif int tista' tappella u sa meta.

Residenza permanenti

Jekk inti għext legalment bħala ħaddiem f'pajjiż ieħor tal-UE, għal żmien kontinwu ta' 5 snin, inti awtomatikament tikseb id-dritt ta' residenza permanenti hemm. Dan ifisser li tista' ddum tgħix fil-pajjiż kemm trid.

Il-kontinwità ta' residenza tiegħek mhix affettwata minn:

  • assenzi temporanja (inqas minn 6 xhur fis-sena)
  • assenzi itwal għal servizz militari obbligatorju
  • assenza waħda ta' 12-il xahar konsekuttivi, għal raġunijiet importanti bħal tqala jew twelid ta' tarbija, mard serju, xogħol, taħriġ vokazzjonali jew stazzjonar ta' xogħol f'pajjiż ieħor

Tista' titlef id-dritt tiegħek għal residenza permanenti jekk tgħix barra l-pajjiż għal aktar minn sentejn konsekuttivi.

Residenza permanenti qabel 5 snin

Għandek mnejn tikkwalifika għal residenza permanenti f'inqas minn 5 sninf'dawn is-sitwazzjonijiet:

  • jekk tirtira u tkun ħdimt fil-pajjiż għal tal-anqas sena jew tkun għext hemm kontinwament għal 3 snin.
  • jekk tieqaf taħdem minħabba li ma tkunx kapaċi tkompli taħdem u tkun għext fil-pajjiż kontinwament għal sentejn
  • jekk tieqaf taħdem minħabba li ma tkunx kapaċi tkompli taħdem minħabba aċċident fuq il-post tax-xogħol jew mard konness max-xogħol. F'dan il-każ għandek dritt tibqa' tgħix hemm ikun xi jkun it-tul ta' żmien li tkun għext fil-pajjiż qabel l-aċċident jew il-mard
  • jekk taqbad taħdem f'pajjiż ieħor tal-UE bħala ħaddiem fil-fruntiera- trid tmur lura fil-pajjiż ta' residenza għall-inqas darba fil-ġimgħa - iżda qabel ħdimt fil-pajjiż fejn tixtieq tikseb ir-residenza permanenti għal 3 snin kontinwi.

Dokument ta' residenza permanenti

Skopri kif tikseb dokument ta' residenza permanenti : dan jiċċertifika d-dritt tiegħek li tgħix fil-pajjiż li qed jospitak mingħajr kundizzjonijiet.

Deportazzjoni.

F'każijiet eċċezzjonali, il-pajjiż fejn tgħix permanentament jista' jiddeċiedi li jiddeportak għal raġunijiet ta' politika pubblika jew ta' sigurtà pubblika - iżda biss jekk ikun jista' juri li int ta' theddida serja ħafna.

Id-deċiżjoni ta' deportazzjoni għandha tingħatalek bil-miktub. Għandha tiddikjara r-raġunijiet kollha għad-deportazzjoni tiegħek u tispeċifika kif int tista' tappella u sa meta.

Leġiżlazzjoni tal-UE

Bżonn ta' aktar tagħrif dwar ir-regoli f'pajjiż speċifiku?

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Ikkondividi din il-paġna: