Unjonijiet ċivili u partnerships irreġistrati

F'ħafna pajjiżi tal-UE, tista' tuffiċjalizza l-partnership tiegħek mingħajr ma tiżżewweġ, permezz ta' unjoni ċivili jew partnership irreġistrat.

L-unjoni ċivili tippermetti li 2 minn nies li jgħixu flimkien bħala koppja jirreġistraw ir-relazzjoni tagħhom mal-awtoritajiet pubbliċi rilevanti fil-pajjiż ta' residenza tagħhom.

Hemm differenzi enormi bejn il-pajjiżi tal-UE f'dan il-qasam, u jinkludu:

  • jekk tistax tidħol f'unjoni ċivili f'pajjiż speċifiku
  • x'tintitolak unjoni ċivili
  • jekk pajjiż speċifiku jirrikonoxxix unjoni ċivili li tkun saret f'pajjiż ieħor

Iċċekkja liema regoli japplikaw għalik

Huma involuti żewġ pajjiżi tal-UE jew aktar – pereżempju minħabba li ġarrejtu wara li rreġistrajtu, jew irreġistrajtu f'pajjiż ieħor?

Id-drittijiet tal-proprjetà u d-drittijiet tal-manteniment għal persuni f'partnerships irreġistrati m'humiex applikati bl-istess mod fil-pajjiżi kollha tal-UE: id-drittijiet li tikseb minn partnership irreġistrat f'pajjiż partikolari jistgħu jkunu differenti sew minn dawk li tikseb f'pajjiż ieħor.

Skopri l-liġijiet ta' liema pajjiż japplikaw għall-partnership tagħkom Iftaħ bħala link estern – dawn ikollhom konsegwenzi importanti għad-drittijiet u d-dmirijiet tagħkom bħala partners irreġistrati.

Rikonoxximent ta' unjonijiet ċivili

L-unjonijiet ċivili u l-partnerships irreġistrati huma kkunsidrati ekwivalenti jew komparabbli maż- żwieġ f'xi pajjiżi tal-UE.

Il-pajjiżi kollha li jippermettu żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess ġeneralment jirrikonoxxu l-partnerships irreġistrati bejn persuni tal-istess sess li saru f'pajjiżi oħrajn.

F'pajjiżi fejn ma jistax isir żwieġ bejn persuni tal-istess sess iżda li introduċew xi forma ta' partnership irreġistrat, żwieġ bejn persuni tal-istess sess f'pajjiż barrani normalment jagħtik fihom l-istess drittijiet daqs partnership irreġistrat.

Madankollu, il-liġijiet ta' dawn il-pajjiżi tal-UE ma jipprovdux għal partnerships irreġistrati:

  • Il-Bulgarija
  • Il-Latvja
  • Il-Litwanja
  • Il-Polonja
  • Ir-Rumanija
  • Is-Slovakkja

Tmur toqgħod f'pajjiż ieħor ml-partner ċivili tiegħek

Fejn l-unjonijiet ċivili huma meqjusin ekwivalenti jew komparabbli maż-żwieġ, jagħtuk l-istess drittijiet għall-finijiet tal-immigrazzjoni: il-partner irreġistrat tiegħek ikollu d-dritt jiġi miegħek u jgħix f'dak il-pajjiż.

Jekk trid tmur tgħix f'pajjiż ieħor tal-UE fejn il-partnerships irreġistrati assolutament mhumiex rikonoxxuti, ir-relazzjoni tagħkom tiġi kkunsidrata bħala relazzjoni għal tul ta' żmien ippruvata kif jitqies meħtieġ. Il-pajjiż ġdid tiegħek għandu jiffaċilita d-dħul u r-residenza tal-partner tiegħek.

Aqra aktar dwar id-dritt tiegħek għal residenza f'pajjiż ieħor.

Storja bħala eżempju

Tista' toqghod – bis-saħħa ta' relazzjoni reġistrata

Nina hi intraprenditriċi minn pajjiż "A" tal-UE li kienet qed tifli opportunità ta' negozju f'pajjiż "B" u xtaqet li l-partner irreġistrat tagħha, Hans – bla xogħol dak iż-żmien – jingħaqad magħha hemmhekk.

Għalkemm il-pajjiż "B" ma jirrikonoxxix partnerships irreġistrati, l-eżistenza tal-partnership serviet bħala prova li huma t-tnejn qegħdin f'relazzjoni għal żmien twil, u Hans seta' jġorr ma' Nina, għalkemm ma kellux riżorsi finanzjarji tiegħu.

Mistoqsijiet frekwenti

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 07/06/2024
Ikkondividi din il-paġna