Koppji mhux miżżewġin

Din il-paġna hija dwar partners f'relazzjoni stabbli li mhumiex miżżewġin jew irreġistrati ma' xi awtorità.

Sir af dwar id-drittijiet tal- partners ċivili jew irreġistrati.

Jekk tgħix ma' partner b'mod stabbli u kontinwu, għandek xi drittijiet madwar l-UE, anki jekk ma rreġistrajtx is-sħubija tiegħek ma' awtorità.

Ġarr lejn pajjiż ieħor tal-UE

Jekk tmur tgħix mal- partner de facto tiegħek f' pajjiż ieħor tal-UE, dak il-pajjiż għandu jiffaċilita l-wasla u r-residenza tagħkom hemm - kemm jekk il-partner tiegħek hux ċittadin/a tal-UE jew le.

Għandek tkun tista' turi li tgħixu flimkien u li qegħdin f'relazzjoni fit-tul. Madankollu, ħafna mill-pajjiżi tal-UE, m'għandhomx definizzjoni eżatta ta' kif għandek turi li qiegħed f'relazzjoni twila jew koabitazzjoni.

Drittijiet u obbligi

F'pajjiżi tal-UE li jirrikonoxxu l-unjonijiet de facto, ikollok ukoll id-drittijiet u l-obbligi dwar proprjetà, wirt, u ħlas ta' manteniment f'każ ta' separazzjoni.

Dawn id-drittijiet huma partikolarment importanti għall-koppji tal-istess sess, billi mhux il-pajjiżi kollha tal-UE jaċċettaw li dawn jiżżewġu jew jirreġistraw is-sħubija tagħhom b'xi mod ieħor.

Kuntratti ta' koabitazzjoni

Jekk tgħix f'pajjiż fejn ma tistax tiżżewweġ, ma tistax tidħol f'partnership irreġistrat, jew jekk tagħżel li ma tagħmel ebda waħda minn dawn l-għażliet, tista' toħloq kuntratt ta' koabitazzjoni mal-partner tiegħek u tiftiehem dwar aspetti prattiċi jew legali tal-koabitazzjoni tagħkom.

Mandakollu, fil-prattika, anke b'kuntratt ta' koabitazzjoni xorta tista' tkun diffiċli li tgawdi mid-drittijiet tiegħek. Jekk jinqalgħu kunflitti dwar proprjetà, normalment tapplika l-liġi tal-pajjiż fejn inqalgħu il-problemi.

Mistoqsijiet frekwenti

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 07/06/2024
Ikkondividi din il-paġna