Is-saħħa u s-sikurezza fil-post tax-xogħol

Bħala impjegatur, trid tiggarantixxi s-saħħa u s-sikurezza tal-impjegati tiegħek f’kull aspett relatat max-xogħol. Dan ifisser li trid tivvaluta r-riskji kollha li l-ħaddiema tiegħek jistgħu jkunu esposti għalihom u ddaħħal fis-seħħ il-miżuri preventivi u protettivi meħtieġa. Dan jinkludi l-għoti ta’ informazzjoni u taħriġ adegwati lill-ħaddiema dwar is-saħħa u s-sikurezza u l-organizzazzjoni tar-riżorsi meħtieġa biex jiġi żgurat ambjent tax-xogħol sikur.

Trid ukoll tinnomina wieħed jew aktar mill-membri mħarrġin tal-persunal biex jagħmlu attivitajiet relatati mal-prevenzjoni tar-riskji fil-post tax-xogħol. Jekk ma jkun hemm ħadd fl-organizzazzjoni tiegħek li jista’ jagħmel dawn l-attivitajiet, trid tirrikorri għal servizzi jew individwi esterni kompetenti.

Barra minn hekk, trid iddaħħal proċeduri tal-ewwel għajnuna, tat-tifi tan-nar, u tal-evakwazzjoni li jkunu mfasslin skont in-natura u d-daqs tan-negozju tiegħek, u tistabbilixxi kuntatt mas-servizzi esterni ta’ emerġenza jekk ikun meħtieġ. Irid ikollok ħaddiema magħżulin li jkunu mħarrġin u attrezzati biex jimplimentaw dawn il-proċeduri u jikkollaboraw mas-servizzi ta’ emerġenza.

Il-valutazzjoni tar-riskji

M’hemm l-ebda regola tal-UE li tiddeskrivi eżattament kif għandek twettaq il-valutazzjonijiet tar-riskji, u r-regoli nazzjonali jista’ jkollhom rekwiżiti speċifiċi. Madankollu, valutazzjoni komprensiva tar-riskji ġeneralment tkun tinvolvi:

  • L-identifikazzjoni tar-riskji potenzjali kollha, bħall-esponiment għal sustanzi perikolużi, art li tiżloq, jew tagħmir mhux sikur
  • L-evalwazzjoni tar-riskji, li tinkludi l-probabbiltà u s-severità potenzjali tagħhom
  • It-tneħħija jew it-tnaqqis tar-riskji, pereżempju billi jinbidel it-tagħmir perikoluż
  • Id-dokumentazzjoni tal-valutazzjoni tar-riskji billi jiġu elenkati r-riskji identifikati, il-ħaddiema affettwati, il-miżuri preventivi u protettivi ppjanati, u l-iskedi taż-żmien għall-implimentazzjoni
  • Ħarsa mill-ġdid regolari lejn il-valutazzjoni biex jiġi żgurat li l-kontenut tagħha u l-miżuri preventivi u protettivi ppjanati jkunu jkopru kwalunkwe bidla fiċ-ċirkostanzi
  • Il-ġbir ta’ informazzjoni rilevanti, bħal informazzjoni dwar l-inċidenti li jseħħu

Meta tagħmel valutazzjoni tar-riskji, trid ukoll tagħti kas il-ħaddiema li jaf ikunu partikolarment vulnerabbli (eż. impjegati tqal, ħaddiema akbar fl-età, jew dawk b’diżabilità) jew li jwettqu xogħlijiet b’riskji speċifiċi.

Il-ħaddiema jew ir-rappreżentanti tal-ħaddiema nnominati biex ikunu responsabbli speċifikament għas-sikurezza fil-post tax-xogħol jingħataw aċċess għall-valutazzjoni tar-riskju u jiġu infurmati bi kwalunkwe miżura preventiva jew protettiva. Dawn ir-rappreżentanti għandhom ukoll id-dritt li jipproponu jew jitolbu miżuri addizzjonali.

Informazzjoni utli dwar kif titwettaq valutazzjoni tar-riskji tinsab fil-gwida dwar il-valutazzjoni tar-riskji fil-post tax-xogħol en li ħarġet il-Kummissjoni Ewropea.

Speċjalist fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza fil-post tax-xogħol

Jekk m’intix f’qagħda li twettaq il-valutazzjoni tar-riskji jew li torganizza l-miżuri preventivi u protettivi fir-rigward tas-saħħa u s-sikurezza fil-kumpanija tiegħek, jeħtieġ titlob lil speċjalist fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza biex jagħmilhomlok.

Skont it-tip ta’ negozju li qed topera u l-liġi f’pajjiżek, tista’ twettaq ukoll valutazzjoni tar-riskji bl-għajnuna ta’ għodda online bla ħlas en .

Miżuri tas-saħħa u tas-sikurezza speċifiċi għas-settur jew għall-każ

Trid tiżgura li l-ħaddiema jkollhom it-tagħmir u jieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex jindirizzaw riskji speċifiċi fil-post tax-xogħol. Xi eżempji tar-rekwiżiti speċifiċi deskritti fir-regoli tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali jinkludu:

  • Tagħmir tal-protezzjoni personali: trid tipprovdi tagħmir tal-protezzjoni personali mingħajr ħlas fejn ikun meħtieġ. Il-ħaddiema jistgħu jintalbu jikkontribwixxu għall-ispejjeż jekk it-tagħmir ikun għall-użu ġenerali u mhux esklużiv għall-post tax-xogħol, skont il-liġi nazzjonali.
  • Testijiet tal-għajnejn u tal-vista: il-ħaddiema li normalment jużaw tagħmir bl-iskrin bħala parti sinifikanti mix-xogħol normali tagħhom huma intitolati għal testijiet regolari tal-vista u għal apparat korrettiv speċjali, jekk ikun meħtieġ għal xogħolhom.
  • Aġenti bijoloġiċi: fil-każ ta’ xogħlijiet fejn ikun hemm riskju ta’ esponiment għal aġenti bijoloġiċi, l-impjegaturi jridu jipprovdu, meta jkun meħtieġ, ilbies protettiv u jipprojbixxu ċerti attivitajiet bħall-konsum tal-ikel jew tax-xorb f’żoni tar-riskju.

Dawn huma biss ftit eżempji. Għal stampa sħiħa tal-miżuri u l-obbligi speċifiċi għas-settur żur is-sit elettroniku dwar is-saħħa u s-sikurezza fil-post tax-xogħol .

Il-konsultazzjoni u t-taħriġ tal-ħaddiema

Inti obbligat(a) tinvolvi lill-ħaddiema u/jew lir-rappreżentanti tagħhom fil-proċess li jiggarantixxi s-saħħa u s-sikurezza fil-post tax-xogħol:

  • Konsultazzjoni: trid tikkonsulta lill-ħaddiema u/jew lir-rappreżentanti tagħhom dwar dak kollu li huwa relatat mas-saħħa u s-sikurezza fil-post tax-xogħol. Il-liġijiet nazzjonali jispeċifikaw il-proċeduri eżatti, iżda din il-konsultazzjoni trid tkopri l-miżuri rilevanti kollha b’rabta mas-saħħa u s-sikurezza
  • Appelli: jekk il-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom iħossu li l-miżuri tas-saħħa u s-sikurezza li jkun qed jieħu l-impjegatur ma jkunux adegwati, dawn huma intitolati li jappellaw quddiem l-awtorità nazzjonali rilevanti
  • Taħriġ għar-rappreżentanti: ir-rappreżentanti tal-ħaddiema li għandhom rwoli speċifiċi fil-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza fil-post tax-xogħol iridu jitħarrġu kif xieraq biex ikunu jistgħu jaqdu dmirijiethom b’mod effettiv.

Għal aktar dettalji dwar ir-rekwiżiti tas-saħħa u s-sikurezza fil-post tax-xogħol f’xi pajjiż partikolari tal-UE, żur is-sit elettroniku tal-awtoritajiet nazzjonali hawn taħt:

Ara wkoll

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Għandek xi mistoqsijiet dwar kif topera negozju transfruntier, pereżempju l-esportazzjoni jew l-espansjoni lejn pajjiż ieħor tal-UE? Jekk hu l-każ, Enterprise Europe Network jista’ jagħtik pariri b’xejn.

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

L-aħħar verifika: 03/10/2025
Ikkondividi din il-paġna