Protezzjoni konsulari

Għajnuna liċ-ċittadini tal-UE barra l-UE

Jekk għandek bżonn assistenza konsulari barra minn pajjiżek, l-ewwel trid tikkuntattja lill-ambaxxata jew lill-konsolat lokali tal-pajjiż tal-UE tan-nazzjonalità tiegħek, jew lill-ministeru għall-affarijiet barranin tiegħek.

Jekk għandek bżonn l-assistenza f’pajjiż barra l-UE li l-pajjiż tal-UE tiegħek m’għandux ambaxxata jew konsolat fih, tista’ titlob l-assistenza lill-ambaxxata jew lill-konsolat ta’ kwalunkwe pajjiż ieħor tal-UE. Int intitolat tirċievi l-istess appoġġ bħaċ-ċittadini tal-pajjiż tal-UE li tikkuntattja lill-ambaxxata jew lill-konsolat tiegħu.

F’dan il-każ, trid tagħti prova tal-identità tiegħek (permezz ta’ passaport jew karta tal-identità). Jekk id-dokumenti tal-ivjaġġar tiegħek jintilfu jew jinsterqu, in-nazzjonalità tiegħek tkun trid tiġi ċċekkjata b’mezzi oħra (permezz ta’ verifika mal-awtoritajiet tal-pajjiż tal-UE tan-nazzjonalità tiegħek).

F’xi każijiet, il-pajjiż tal-UE tiegħek ikun ikkonkluda arranġament ma’ pajjiż speċifiku ieħor tal-UE biex jipprovdi assistenza konsulari. F’dan il-każ, jaf tintalab tikkuntattja lil dak il-pajjiż tal-UE sakemm is-sitwazzjoni ma tkunx teħtieġ assistenza urġenti.

Tipi ta’ assistenza

L-ambaxxata jew il-konsolat jistgħu jgħinuk jekk pereżempju, titlef id-dokument tal-ivjaġġar tiegħek, f’każ ta’ inċidenti serji jew mard, jekk tkun vittma ta’ reat jew jarrestawk, jew jekk ikollok bżonn ta’ ripatrijazzjoni f’każ ta’ emerġenza.

Jekk titlef id-dokumenti tal-ivjaġġar tiegħek, jinħariġlek Dokument provviżorju tal-ivjaġġar tal-UE en li bih tkun tista’ tmur lura pajjiżek.

Il-persunal tal-ambaxxata jew tal-konsolat jista’ jipprovdi wkoll appoġġ u jgħin jekk imut xi ħadd mill-maħbubin tiegħek (reġistrazzjoni, jinforma lill-qraba, ripatrijazzjoni tal-fdalijiet).

Kun af li l-ambaxxati u l-konsolati għandhom limitu ta’ x’jistgħu jagħmlu għalik, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi.

Qabel tivvjaġġa

Qabel tivvjaġġa, iċċekkja jekk il-pajjiż tal-UE tiegħek għandux ambaxxata jew konsolat fil-pajjiż mhux tal-UE fejn se tivjaġġa. Jekk pajjiżek mhux rappreżentat, iċċekkja d-dettalji tal-ambaxxati u l-konsolati ta’ pajjiżi oħra tal-UE en u żomm din l-informazzjoni lesta f’każ li jkollok bżonnha.

Trid ukoll tiċċekkja r-rekwiżiti tad-dħul (pereżempju, il-validità tal-passaport, il-viża) u kwalunkwe restrizzjoni oħra li tista’ tapplika fil-pajjiż li qed tivvjaġġa fih kif ukoll kwalunkwe kundizzjoni meta terġa’ lura pajjiżek. Fl-aħħar nett, ara li tiċċekkja l-aktar pariri riċenti en tal-pajjiż tal-UE tiegħek (mogħtijin mill-awtoritajiet nazzjonali) għall-ivjaġġar fid-destinazzjoni tiegħek, u rreġistra l-vjaġġ tiegħek mal-pajjiż tal-UE tiegħek jekk dan jipprovdi pjattaforma biex tagħmel dan.

Ara wkoll:

Skeda informattiva dwar il-protezzjoni konsulari PDF en

Protezzjoni konsulari – Il-Kummissjoni Ewropea

Protezzjoni konsulari – EEAS en

Dokumenti tal-ivvjaġġar għaċ-ċittadini tal-UE

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

L-aħħar verifika: 12/09/2025
Ikkondividi din il-paġna