Garanziji

Garanzija legali

Skont ir-regoli tal-UE, jekk l-oġġetti li tixtri jkunu difettużi jew ma jkunux jidhru jew jaħdmu kif irreklamat, il-bejjiegħ irid isewwihom jew jibdilhom b’xejn. Jekk dan hu impossibbli jew il-bejjiegħ ma jistax jagħmel dan fi żmien raġonevoli u mingħajr inkonvenjenza sinifikanti għalik, int intitolat għal rifużjoni sħiħa jew parzjali. Dejjem għandek id-dritt għal garanzija minima ta’ sentejn mill-mument li tirċievi l-oġġetti. Madanakollu, ir-regoli nazzjonali f’pajjiżek jistgħu joffrulek protezzjoni addizzjonali.

Il-garanzija ta’ sentejn tibda malli tirċievi l-oġġetti tiegħek.

Jekk difett jitfaċċa fi żmien sena mill-konsenja, m’għandekx għalfejn tagħti prova li kien jeżisti fil-mument tal-konsenja. Hu preżunt li d-difett diġà kien jeżisti, sakemm il-bejjiegħ ma jkunx kapaċi jagħti prova li ma kienx. F’xi pajjiżi tal-UE, dan il-perjodu ta’ “riverżjoni tal-oneru tal-provi” hu ta’ sentejn.

L-oġġetti mixtrija mingħand individwi privati mhumiex koperti minn dawn ir-regoli.

Id-dritt nazzjonali ta’ xi pajjiżi tal-UE jipprevedi garanzija legali itwal. Biex tiskopri aktar dwar drittijietek, agħżel pajjiżek mil-lista ta’ hawn taħt:

  • Ċipruel
  • Franzaen
  • Iċ-Ċekjaen
  • Id-Danimarkaen
  • Il-Belġjuenfrnl
  • Il-Bulgarijaen
  • Il-Finlandjaen
  • Il-Ġermanjaen
  • Il-Greċjaen
  • Il-Kroazjaen
  • Il-Latvjaen
  • Il-Liechtensteinen
  • Il-Litwanjaen
  • Il-Lussemburguen
  • Il-Polonjaen
  • Il-Portugallen
  • In-Netherlandsnl
  • In-Norveġjaen
  • Ir-Rumanijaen
  • Is-Slovakkjaen
  • Is-Slovenjaen
  • L-Awstrijadeen
  • L-Estonjaen
  • L-Irlandaen
  • L-Italjaen
  • L-Iżlandaen
  • L-Iżvezjaen
  • L-Ungerijaen
  • Maltaen
  • Spanjaen

Storja bħala eżempju

Qatt inqas minn sentejn

Carla xtrat hairdryer b’garanzija kummerċjali ta’ 6 xhur. Meta waqfet taħdem wara 8 xhur, ħaditha lura l-ħanut. Tal-ħanut qalilha li l-garanzija kienet skaditilha u li ma kinitx eleġibbli għal rifużjoni. Carla qalet li kellha garanzija ta’ sentejn b’xejn, skont il-liġi tal-protezzjoni tal-konsumatur tal-UE, u li l-garanzija ta’ 6 xhur tal-bejjiegħ sempliċiment toffri servizzi addizzjonali. Il-ħanut qabel li jibdlilha l-hairdryer.

Storja bħala eżempju

Ikkuntattja lill-bejjiegħ it-tajjeb

Sabine, li tgħix il-Belġju, xtrat smartphone minn ħanut online fil-Ġermanja. Hi ddawnlowdjat applikazzjoni li tgħoddlok kemm tkun għamilt passi, iżda din ma ħadmitilhiex tajjeb, b’hekk talbet lill-ħanut biex jirranġaha. Il-ħanut ma kienx responsabbli minħabba li l-kuntratt tal-bejgħ kien japplika għall-ismartphone biss. Il-ħanut taha l-parir li tikkuntattja lill-bejjiegħ tal-applikazzjoni.

Storja bħala eżempju

Anke l-applikazzjonijiet installati minn qabel huma koperti

Johan xtara smart TV, iżda xahrejn wara, waħda mill-applikazzjonijiet installati minn qabel ma baqgħetx tinfetaħlu. Hu kkuntattja lill-bejjiegħ, li kien obbligat jipprovdilu l-aġġornament tas-software meħtieġ.

Garanziji kummerċjali

Il-ħwienet jew il-produtturi jistgħu joffrulek garanzija kummerċjali addizzjonali. Din tista’ toffrilek protezzjoni aqwa, iżda ma tista’ qatt teskludilek jew tnaqqaslek id-drittijiet li tagħtik il-garanzija minima ta’ sentejn. Il-kundizzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti b’mod ċar fid-dikjarazzjoni tal-garanzija kummerċjali. Jekk ikunu anqas vantaġġużi minn kwalunkwe kundizzjoni rreklamata, japplikaw dawk l-aktar vantaġġużi. B’mod partikolari, produttur jaf joffrilek garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà.

Storja bħala eżempju

Il-prodott sħiħ, il-perjodu kollu

Kaloyan jixtri proċessur tal-ikel ta’ klassi għolja minn ħanut online tal-bejgħ bl-imnut bit-tikketta tal-UE għal garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà ta’ 5 snin. Wara 4 snin jużah bla problemi, il-manku tal-iskutella tal-proċessur tal-ikel inqala’ u l-mutur ma baqax jaħdem tajjeb. Kaloyan jikkuntattja lill-ħanut online biex isewwilu jew jibdillu l-proċessur tal-ikel. Il-ħanut jgħid li l-garanzija legali skadiet sentejn ilu, iżda joffrilu skutella ġdida għall-prezz ta’ €80 jew proċessur tal-ikel ġdid fjamant bi skont ta’ 15%. Barra minn hekk, il-ħanut jirreferi lil Kaloyan lill-produttur.

Kaloyan jiftakar fit-tikketta tal-garanzija tal-UE fuq il-proċessur tal-ikel, u jaf din xi tfisser: garanzija kummerċjali ta’ 5 snin, offruta mill-produttur, li tapplika indipendentement mill-garanzija legali u li tkopri l-prodott sħiħ mingħajr l-ebda spiża addizzjonali. Kaloyan jikkuntattja lill-produttur, u dan jaqbel li jibgħatlu skutella ġdida b’xejn.

Oġġetti użati

Anke l-oġġetti użati li tixtri mingħand bejjiegħ professjonalihuma koperti mill-garanzija minima ta’ sentejn. F’ċerti pajjiżi tal-UE, tista’ taqbel li l-bejjiegħ jipprovdilek garanzija ta’ anqas minn sentejn. Madankollu, din m’għandhiex tkun iqsar minn sena. Dan għandu jiġi indikat b’mod ċar fil-mument tax-xiri.

Kontenut diġitali u servizzi diġitali

Għandek garanzija legali anke meta tixtri kontenut diġitali u servizzi diġitali bħal vidjos, mużika, applikazzjonijiet tal-mobile, logħob vidjo jew abbonamenti għal aħbarijiet online jew ħżin fil-cloud.

Ir-regoli japplikaw anke meta ma tħallasx flus għall-kontenut jew is-servizz diġitali iżda taċċetta li tipprovdi d-data personali tiegħek li l-fornitur juża biex jiġġenera dħul, eż. billi jtellagħlek reklami mmirati online.

Dejjem għandek id-dritt għal garanzija minima ta’ sentejn jekk il-kontenut jew is-servizz diġitali jinzerta difettuż, mhux kif irreklamat jew ma jaħdimx kif mistenni. Jekk il-fornitur ma jkunx jista’ jsewwi l-kontenut jew is-servizz fi żmien raġonevoli, b’xejn u mingħajr inkonvenjent sinifikanti għalik, tista’ titlob tnaqqis fil-prezz jew biex tittermina l-kuntratt.

Għal kwalunkwe difett f’xiri ta’ darba li jitfaċċa fi żmien sena, hu preżunt li kien jeżisti fil-mument tal-bejgħ, sakemm il-fornitur ma jkunx kapaċi jagħti prova li ma kienx. Madankollu, tista’ tippreżenta talba għal perjodu ta’ mill-anqas sentejn.

Provvista kontinwa

Fil-każ ta’ provvista kontinwa, bħas-servizzi ta’ ħżin fil-cloud, il-fornitur hu responsabbli għal kwalunkwe difett li jitfaċċa matul iż-żmien li l-kontenut jew is-servizz diġitali jrid jiġi pprovdut (kif stabbilit fil-kuntratt). Għall-kontenut jew is-servizzi diġitali pprovduti fuq bażi kontinwa, id-difett hu preżunt li kien jeżisti matul dak il-perjodu.

Il-fornitur għandu jagħtik struzzjonijiet ċari dwar kif tinstalla l-kontenut jew is-servizz diġitali, u r-rekwiżiti tekniċi li huma meħtieġa biex toperah.

Il-fornituri għandhom jiżguraw ukoll li inti tikseb l-aġġornamenti meħtieġa. Għall-kontenut jew is-servizzi diġitali pprovduti fuq bażi kontinwa, għandhom jiġu pprovduti aġġornamenti matul il-perjodu kollu, kif stabbilit fil-kuntratt.

Id-data tiegħek bi skambju għal kontenut jew servizz

Jekk inti tajt lill-fornitur id-data personali tiegħek bi skambju għal kontenut jew servizz diġitali iżda dan mhux qed jaħdem kif reklamat, għandek id-dritt li tittermina l-kuntratt, anke jekk id-difett hu żgħir. Il-fornitur għandu jieqaf juża d-data tiegħek ladarba l-kuntratt jiġi tterminat, u jagħtik l-għażla li tieħu lura kwalunkwe kontenut li ħloqt (pereżempju, jekk pjattaforma tal-media soċjali bħal Facebook tippermettilek li jkollok kont bi skambju għad-data personali u r-ritratti, il-vidjos u l-posts tiegħek, din għandha tieqaf tużahom malli tittermina l-kuntratt).

Storja bħala eżempju

Adam ħallas biex jiddawnlowdja film fuq l-ismart TV tiegħu. Madankollu, il-kwalità tal-ħoss kienet fqira, minkejja li kien żgura li t-TV tiegħu jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi. Hu kkuntattja lill-fornitur, li infurmah li din il-kwistjoni tal-kwalità ma tistax tissewwa. Il-fornitur offra lil Adam l-għażla li jew iżomm il-film u jagħtih skont, jew li ma jżommx il-film u jagħtih rifużjoni sħiħa. Adam għażel li jżommu u jieħu xi flus lura.

Storja bħala eżempju

Alex iddawnlowdja applikazzjoni ta’ streaming ta’ mużika fuq it-tablet tiegħu. Wara 6 xhur irċieva email li tgħid li se jkun meħtieġ titjib biex jiġi akkomodat l-għadd dejjem akbar ta’ utenti. Il-klijenti eżistenti setgħu jiksbu t-titjib b’xejn skont it-termini tal-kuntratt, għalkemm ma kien hemm l-ebda obbligu li jsir dan.
Madankollu, wara t-titjib, il-veloċità tal-istreaming naqset b’mod sinifikanti. Alex iddeċieda li jittermina l-kuntratt u jieħu flusu lura. Dan hu possibbli sa 30 jum wara l-aġġornament.

Fejn tista’ tikseb l-għajnuna

Għal informazzjoni aktar dettaljata dwar drittijietek skont id-dritt nazzjonali, ikkonsulta r-regoli speċifiċi dwar il-garanziji legali u kummerċjali għall-pajjiż fejn għamilt ix-xiri tiegħek.

Jekk għandek problema biex tikkanċella kuntratt jew biex tikseb servizz ta’ tiswija jew rifużjoni f’pajjiż ieħor tal-UE, iċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumaturi f’pajjiżek jista’ jgħinek.

Jekk m’intix ċert liema sitwazzjoni tapplika għalik, tista’ anke tipprova tuża l-għodda tagħna għad-drittijiet tal-konsumatur biex tgħinek tifhem drittijietek meta tixtri fl-UE.

Mistoqsijiet frekwenti

Ara wkoll

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

L-aħħar verifika: 04/11/2025
Ikkondividi din il-paġna