Azzjoni legali għall-konsumaturi
Jekk taħseb li drittijietek bħala konsumatur fl-UE ġew miksura u tixtieq tieħu azzjoni legali, hemm diversi għażliet disponibbli għalik. Dawn jinkludu proċedura tal-qorti, azzjoni rappreżentattiva, proċedura Ewropea għal talbiet żgħar, u mekkaniżmi simplifikati għal talbiet transfruntieri bħall-ordni ta’ ħlas Ewropea.
Il-proċeduri tal-qorti
Jekk temmen li drittijietek skont il-liġi tal-UE ġew miksura u tiddeċiedi li tibda proċedura tal-qorti. Jekk tagħmel dan, int intitolat għal:
- seduta pubblika ġusta f'limitu ta' żmien raġjonevoli quddiem qorti indipendenti u imparzjali
- servizzi ta' avukat biex jagħtik parir, jiddefendik u jirrappreżentak
Anki jekk il-fornitur tas-servizz jew in-negozjant huma bbażati barra l-pajjiż, il-każ tiegħek jista’ jinstema' f'pajjiżek jekk il-kumpanija hija attiva kummerċjalment jew professjonalment f'pajjiżek jew lejh.
Jekk ma tistax tħallas għal azzjoni legali formali, għandek tkun intitolat għall-għajnuna legali. Ikollok bżonn timla l-formola ta' applikazzjoni għall-għajnuna legali f'pajjiż ieħor tal-UE u tissottomettiha lill-qorti lokali tiegħek li tibgħatha lill-qorti kompetenti fil-pajjiż l-ieħor tal-UE.
Twissija
Jekk temmen li inti parti minn grupp ta’ konsumaturi kkonċernati mill-istess prattika illegali, jista’ jkun li tkun tista’ tingħaqad ma’ azzjoni rappreżentattiva.
Azzjoni rappreżentattiva (azzjoni kollettiva)
Jekk id-drittijiet tal-konsumatur tiegħek inkisru u diversi konsumaturi qed jiffaċċjaw l-istess problema, l-entitajiet kwalifikati (bħall-organizzazzjonijiet tal-konsumatur) jistgħu jmorru l-qorti f’ismek jew fuq inizjattiva tagħhom stess. Din it-tip ta’ azzjoni kollettiva tissejjaħ “azzjoni rappreżentattiva.”
Dawn l-entitajiet kwalifikati jistgħu jfittxu miżuri ta’ inġunzjoni (bħal li jġiegħlu
lin-negozjant iwaqqaf l-attività illegali) u rimedju (bħal kumpens, rimborż jew tiswija)
kontra negozjant kif xieraq għall-każ speċifiku. Entità kwalifikata tista’ tirrappreżenta
f’każ legali wieħed lill-konsumaturi minn pajjiżha jew lill-konsumaturi kollha kkonċernati
mill-istess prattika illegali mill-pajjiżi kollha tal-UE.
Jekk taħseb li inti wieħed minn ħafna konsumaturi li saritilhom ħsara mill-prattika illegali ta’ kummerċjant:
- ikkuntattja waħda mill-entitajiet kwalifikati f’pajjiżek en,
- Iċċekkja ma’ dik l-entità jekk bħalissa hemmx għaddejja azzjoni rappreżentattiva li jaf tikkonċernak.
- iċċekkja kif tista’ tingħaqad ma’ dik l-azzjoni.
Tgħallem aktar dwar l-azzjonijiet rappreżentattivi.
Il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar
Meta tista' tużaha
Tista' tuża l-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar biex tagħmel talba kontra persuna, organizzazzjoni jew negozju bbażati f'pajjiż tal-UE għal valur massimu ta' €5,000.
Twissija
Din il-proċedura mhix disponibbli għal talbiet fid-Danimarka.
Tista’ tuża l-proċedura biex titlob rimborż għal prodotti jew servizzi. Pereżempju, tista’ tagħmel talba għal prodott difettuż li tkun xtrajt f’pajjiż ieħor tal-UE, jew li tkun xtrajt onlajn mingħand xi ħadd li jgħix f’pajjiż differenti tal-UE. M’hemmx għalfejn tuża avukat biex tissottometti talba.
Kun af li xi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali mhumiex koperti mill-proċedura, inklużi:
- il-materji ta’ introjtu, doganali jew amministrattivi
- id-drittijiet tal-familja li jirriżultaw miż-żwieġ (bħall-manteniment), testmenti u suċċessjonijiet
- il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali u tal-impjiegi
- ir-responsabbiltà tal-istat
Kif tagħmel talba
Il-Proċedura għal Talbiet Żgħar hija essenzjalment proċedura bil-miktub. Biex tagħmel it-talba tiegħek, jeħtieġlek timla l-formola A u żżid kwalunkwe dokument li jappoġġja t-talba tiegħek. Meta timliha, għandek tibgħat il-formola u kwalunkwe dokument ta’ appoġġ, bħalma huma riċevuti jew fatturi, lil qorti kompetenti - jew f’pajjiżek jew fil-pajjiż l-ieħor tal-UE kkonċernat.
Sib qorti kompetenti u ċċekkja r-regoli fil-pajjiż tal-qorti dwar kif tissottometti t-talba tiegħek.
Twissija
Ftakar, l-ammont mitlub ma jistax jaqbeż €5,000, esklużi l-imgħax u l-ispejjeż.
Ladarba tirċievi t-talba tiegħek, il-qorti se tivverifika l-formola u d-dokumenti ta’ appoġġ u tiddeċiedi jekk it-talba taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura. Tista' tiġi mitlub timla l-formola B jekk ikun hemm xi informazzjoni meħtieġa nieqsa.
Jekk il-każ tiegħek ikun ammissibbli taħt il-Proċedura għal Talbiet Żgħar, il-qorti tikkuntattja lill-konvenut (il-persuna li qed tagħmel l-allegazzjoni kontriha). Il-konvenut għandu 30 jum biex iwieġeb.
Fi żmien 30 jum mill-wasla tat-tweġiba tal-konvenut (jekk dawn jiddeċiedu li jwieġbu), il-qorti jew:
- tagħti sentenza fuq it-talba tiegħek
- se titlob aktar dettalji bil-miktub mingħandek jew mingħand il-konvenut, jew
- titolbok tattendi seduta ta’ smigħ
Kif tinforza
Id-deċiżjoni tal-qorti hi rikonoxxuta awtomatikament f'pajjiżi oħra tal-UE. Madankollu, jekk il-konvenut ma jikkonformax mad-deċiżjoni, inti tista’ tikkuntattja l-awtoritajiet tal-infurzar f’pajjiżhom.
Se jkollok tipprovdi:
- il-kopja oriġinali tas-sentenza,
- iċ-ċertifikat tas-sentenza (magħruf ukoll bħala l-formola D) - li għandu mnejn ikun meħtieġ li jiġi tradott
L-awtoritajiet tal-infurzar jinfurzaw id-deċiżjoni billi jsegwu r-regoli nazzjonali.
Spiża tal-proċedura
Normalment ikollok tħallas tariffa tal-qorti u tiġi rrimborżat jekk tirbaħ il-każ tiegħek. L-ammont li tħallas jiddependi mill-pajjiż tal-qorti.
Fuq il-Portal Ġustizzja-e hemm disponibbli aktar informazzjoni dwar il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar.
Ordni ta’ Ħlas Ewropea (ordni għal proċedura ta' ħlas)
Meta tista' tużaha
Inti tista’ tuża l-Ordni ta' Ħlas Ewropea biex tirkupra talbiet monetarji minn pajjiż ieħor tal-UE. Din tapplika għal talbiet ċivili u kummerċjali mhux kontestati, pereżempju fejn talba diġà ġiet deċiża fil-qorti u hemm qbil magħha mid-debitur.
Twissija
Din il-proċedura mhix disponibbli għal talbiet fid-Danimarka.
Kif tagħmel talba
L-Ordni ta' Ħlas Ewropea hi proċedura kompletament bil-miktub, u m’għandikx bżonn tidħol il-qorti biex tużaha.
Biex tibda l-proċedura, l-ewwel trid timla l-formola A, u tipprovdi d-dettalji kollha tal-partijiet ikkonċernati, in-natura u l-ammont tat-talba. Meta timliha, għandek tibgħat il-formola lil qorti kompetenti.
Il-Qorti mbagħad tivverifika t-talba tiegħek. Jekk il-każ tiegħek ikun ammissibbli taħt il-proċedura għal Ordni ta' Ħlas Ewropea, il-qorti toħroġ l-Ordni ta’ Ħlas Ewropea fi żmien 30 jum.
Twissija
Fl-Ungerija, l-Ordni ta’ Ħlas Ewropea joħorġuha n-nutara, iżda fil-pajjiżi l-oħra kollha tal-UE tinħareġ mill-qrati.
Kif tinforza
Hekk kif jirċievu l-Ordni ta' Ħlas Ewropea, id-debitur (il-persuna li qed titlob il-flus mingħandha) għandu 30 jum biex jew jaċċetta jew jikkontesta t-talba tiegħek.
Jekk id-debitur jikkontesta l-Ordni ta’ Ħlas Ewropea, il-każ tiegħek se jiġi trasferit lejn il-proċedura ċivili ordinarja u jiġi trattat skont il-liġi nazzjonali. Jekk ma jopponux it-talba , l-Ordni ta’ Ħlas Ewropea se ssir infurzabbli awtomatikament.
Biex l-ordni tiġi infurzata, ibgħat kopja tal-Ordni ta' Ħlas Ewropea, u jekk ikun hemm bżonn traduzzjoni, lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-pajjiż tal-UE rilevanti.
Fil-Portal Ġustizzja-e hemm disponibbli aktar informazzjoni dwar l-Ordni ta' Ħlas Ewropea.