Emerġenzi

112: in-numru tal-emerġenza wieħed tal-UE

Il-112 huwa n-numru tal-emerġenza Ewropew u jista' jintuża bla ħlas minn telefown fiss jew mowbajl fl-UE kollha. Dan għandu jqabbdek direttament mas-servizzi tal-emerġenza – il-pulizija, l-ambulanzi, il-ħaddiema tat-tifi tan-nar.

In-numri tal-emerġenza nazzjonali għadhom xorta waħda jintużaw, flimkien mal-112. Iżda l-112 hu l-uniku numru li tista' tuża biex tingħata aċċess għas-servizzi tal-emerġenza fil-pajjiżi kollha tal-UE.

Storja bħala eżempju

Skansar ta' diżastru

Anasthassios mill-Greċja kien qed jaqbadlu l-appartament f'Lisbona ftit wara li daħal fih biex jistudja. Ma kienx jaf in-numru Portugiż tas-servizzi tal-emerġenza, iżda hu ftakar li seta' juża l-112 bħala n-numru tal-emerġenza fil-Portugall, l-istess bħall-Greċja, pajjiżu, jew kullimkien fl-UE. Għalhekk hu ċempel il-112 u qabad direttament lis-servizzi tal-emerġenza ta' Lisbona li bagħtu l-ħaddiema tat-tifi tan-nar bla telf ta' żmien lejn l-appartament tiegħu.

Meta tkun qed tivvjaġġa fl-UE, ftakar biex tieħu miegħek il- Karta tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea (EHIC). Jekk ikun jeħtieġlek kura medika ta' emerġenza, il-karta EHIC tissimplifika l-mili tal-karti u tgħinek tingħata rimborż għal kwalunkwe spejjeż għal kura tas-saħħa pubblika.

116 000: tfal rappurtati neqsin

Jekk it-tifel jew tifla tiegħek jonqsu milli jirritornaw lura d-dar, kemm f'pajjiżek jew f'pajjiż ieħor tal-UE, tista' ċċempel 116 000,il-hotline għat-tfal rappurtati neqsin. Il-hotline 116 000 jinsab attwalment disponibbli fi 27 pajjiż tal-UE kollha.

Tista' tuża l-hotline biex tirrapporta tifel jew tifla neqsin; dan jipprovdi wkoll gwida u appoġġ lill-familji ta' tfal neqsin.

Storja bħala eżempju

Kif għandek tagħmel biex tirrapporta tifel jew tifla nieqsa

Waqt btala fi Franza, Andreas u Kirsten, koppja mill-Ġermanja kienu mitlufin ma jafux x'se jaqbdu jagħmlu meta binthom ma ġietx lura d-dar wara ġita. Xi ftit tas-sigħat wara kienu għadhom ma sabuhiex. Irrappurtaw il-każ lill-pulizija iżda ftakru wkoll in-numru disponibbli fil-Ġermanja biex jiġu rrappurtati każijiet ta' tfal neqsin. Billi kienu jafu li l-hotline 116 000 jaħdem fi Franza wkoll, ċemplu n-numru u ngħataw parir dwar kif kellhom isolvu l-każ tagħhom mal-awtoritajiet Franċiżi.

Mistoqsijiet frekwenti

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 05/10/2023
Ikkondividi din il-paġna