L-aħħar verifika : 06/07/2018

Il-protezzjoni tad-data u l-privatezza online

Ir-regoli tal-protezzjoni tad-data tal-UE jiggarantixxu l-protezzjoni tad-data personali tiegħek kull meta tinġabar – pereżempju, meta tixtri xi ħaġa online, tapplika għal impjieg, jew titlob self bankarju. Ir-regoli japplikaw kemm għal kumpaniji u organizzazzjonijiet (pubbliċi u privati) fl-UE kif ukoll dawk ibbażati barra l-UE li joffru oġġetti jew servizzi fl-UE, bħall-Facebook u l-Amazon, kull meta dawn il-kumpaniji jitolbu jew jużaw mill-ġdid id-data personali tal-individwi fl-UE.

Ikun xi jkun il-format tad-data – online fuq sistema tal-kompjuter jew fuq il-karta f'fajl strutturat – kull meta tinħażen jew tiġi pproċessata direttament jew indirettament informazzjoni li tidentifikak bħala individwu, iridu jiġu rispettati d-drittijiet tal-protezzjoni tad-data tiegħek.

Meta hu permess l-ipproċessar tad-data?

Ir-regoli tal-protezzjoni tad-data personali tal-UE, magħrufin ukoll bħala r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-UE (jew il-GDPR), jiddeskrivu sitwazzjonijiet differenti fejn kumpanija jew organizzazzjoni għandha l- permess tiġbor jew tuża mill-ġdid l-informazzjoni personali tiegħek:

Fis-sitwazzjonijiet l-oħra kollha, il-kumpanija jew l-organizzazzjoni trid titolbok taqbel (magħruf bħala l-"kunsens") qabel ma tkun tista' tiġbor jew tuża mill-ġdid id-data personali tiegħek.

Il-qbil mal-ipproċessar tad-data – il-kunsens

Meta kumpanija jew organizzazzjoni titlob il-kunsens tiegħek, int trid twettaq azzjoni ċara li turi l-qbil ma' dan, pereżempju billi tiffirma formola ta' kunsens jew tagħżel iva minn għażla ċara ta' iva/le fuq paġna web. 

Mhux biżżejjed li tkun sempliċiment esklużjoni fakultattiva, pereżempju billi timmarka kaxxa li turi li ma tridx tirċievi emails tal-kummerċjalizzazzjoni. Trid tagħżel li tidħol fis-sistema u taqbel mal-fatt li d-data personali tiegħek se tinħażen u/jew tiġi użata mill-ġdid għal dan il-għan.

Trid ukoll tingħata din l-informazzjoni qabel tagħżel li tidħol fis-sistema:

Din l- informazzjoni kollha trid tiġi ppreżentata b'mod ċar u li jinftiehem.

L-irtirar tal-kunsens għall-użu tad-data personali u d-dritt li toġġezzjona

Jekk tajt il-kunsens tiegħek preċedentement lil kumpanija jew organizzazzjoni biex tuża d-data personali tiegħek, tista' tikkuntattja lill-kontrollur tad-data (il-persuna jew il-korp li qed tieħu ħsieb id-data personali tiegħek) u tirtira l-permess tiegħek fi kwalunkwe ħin. Hekk kif tirtira l-permess tiegħek, il-kumpanija jew l-organizzazzjoni ma tistax tuża iktar id-data personali tiegħek.

Meta organizzazzjoni tipproċessa d-data personali tiegħek fuq il-bażi tal-interess leġittimu tagħha jew bħala parti minn kompitu fl-interess pubbliku jew għal awtorità uffiċjali, int jista' jkollok id-dritt li toġġezzjona. F'xi każijiet speċifiċi, l-interess pubbliku jista' jipprevali u l-kumpanija jew l-organizzazzjoni tista' tingħata l-permess tkompli tuża d-data personali tiegħek. Pereżempju, dan jista' jkun il-każ għal riċerka u statistika xjentifiċi jew kompitu mwettaq bħala parti mir-rwol uffiċjali ta' awtorità pubblika.

Għall-emails ta' kummerċjalizzazzjoni diretta li jippromwovu marki jew prodotti partikolari, hu meħtieġ il-kunsens tiegħek minn qabel. Madankollu, jekk int konsumatur eżistenti ta' kumpanija partikolari, huma jistgħu jibagħtulek emails ta' kummerċjalizzazzjoni diretta dwar prodotti jew servizzi simili tagħhom stess. Int għandek id- dritt li toġġezzjona fi kwalunkwe ħin milli tirċievi kummerċjalizzazzjoni diretta bħal din u l-kumpanija trid tieqaf tuża d-data tiegħek b'mod immedjat.

Fil-każijiet kollha, trid dejjem tingħata informazzjoni dwar id-dritt li toġġezzjona għall-użu tad-data personali tiegħek l-ewwel darba li tikkuntattjak il-kumpanija jew l-organizzazzjoni.

Storja bħala eżempju

Inti tista' toġġezzjona li d-data tiegħek tiġi użata għall-kummerċjalizzazzjoni diretta

Anatolios xtara żewġ biljetti online biex jara l-grupp mużikali favorit tiegħu idoqq f'kunċert live. Minn meta xtara l-biljetti, Antolios beda jirċievi emails b'riklami għal kunċerti u avvenimenti li ma kienx interessat fihom. Hu kkuntattja lill-kumpanija tal-biljetti online u talabhom jieqfu milli jibagħtu dawn l-emails ta' reklamar. Il-kumpanija neħħietu mil-listi tal-kummerċjalizzazzjoni diretta tagħhom b'mod immedjat. Anatolios kien kuntent li ma rċeviex aktar emails tar-reklamar mingħandhom.

Regoli speċifiċi għat-tfal

Jekk uliedek iridu jużaw servizzi online, bħall-midja soċjali, jiddawnlowdjaw il-mużika jew il-logħob, ħafna drabi se jkollhom bżonn l-approvazzjoni mingħandek, bħala l- ġenitur jew il-kustodju legali tagħhom, peress li dawn is-servizzi jużaw id-data personali tat-tifel jew tifla. Hekk kif jagħlqu s-16-il sena (f'xi pajjiżi tal-UE dan il-limitu tal-età jista' jkun anke 13-il sena), uliedek mhux se jkollhom bżonn iktar il- kunsens tal-ġenituri. Il-kontrolli biex jiġi ċċekkjat il-kunsens tal-ġenituri jrid ikun effettiv, pereżempju billi jintuża messaġġ ta' verifika li jintbagħat fl-indirizz tal-email ta' ġenitur.

L-aċċess għad-data personali tiegħek

Tista' titlob l-aċċess għad-data personali li tinżamm dwarek minn kumpanija jew organizzazzjoni, u għandek id-dritt li ġġib kopja tad-data tiegħek, bla ħlas, f'format aċċessibbli. Huma jridu jirrisponduk fi żmien xahar u jridu jagħtuk kopja tad-data personali tiegħek u kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar kif id-data ġiet użata jew qed tintuża.

Storja bħala eżempju

Għandek id-dritt li tkun taf liema data hemm maħżuna dwarek u kif qed tiġi użata.

Maciej, mill-Polonja, reċentement abbona mal-iskema tal-lealtà tas-supermarket lokali tiegħu. Ftit wara li ngħaqad fl-iskema, innota li beda jirċievi vawċers ta' skont aħjar għax-xirja tiegħu. Hu ħaseb dwar kif dan jista' jkun relatat mal-iskema ta' lealtà, u għalhekk staqsa lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tas-supermarket biex jgħidlu liema informazzjoni qed tinħażen dwaru u kif qed tiġi użata. Maciej skopra li s-supermarket iżomm data dwar il-prodotti li jixtri kuljum u b'hekk kien f'pożizzjoni li jagħtih skonti relatati mal-prodotti speċifiċi li jieħu pjaċir jixtri.

Il-korrezzjoni tad-data personali tiegħek

Jekk kumpanija jew organizzazzjoni ħażnet data personali dwarek li mhijiex korretta jew li fiha xi informazzjoni nieqsa, int tista' titlobhom jikkoreġu jew jaġġornaw id-data tiegħek.

Storja bħala eżempju

Għandek id-dritt tikkoreġi data mhux korretta dwarek.

Alison xtaqet tixtri dar ġdida fl-Irlanda u applikat għal self ipotekarju mill-bank tagħha. Meta mliet il-formola tar-reġistrazzjoni, bi żball daħlet data tat-twelid ħażina u l-bank irreġistra l-età tagħha b'mod mhux korrett fis-sistema tiegħu.

Meta Alison irċeviet l-offerti għas-self ipotekarju ġdid tagħha u l-assigurazzjoni tal-ħajja assoċjata, indunat bl-iżball, peress li l-primjum tal-assigurazzjoni tagħha kien ħafna ogħla minn dak attwali tagħha. Ikkuntattjat lill-bank u talbitu jikkoreġi d-data personali tagħha fis-sistema tiegħu. Imbagħad irċeviet verżjoni ġdida tal-offerta tal-assigurazzjoni li kienet tindika d-data tat-twelid korretta tagħha.

It-trasferiment tad-data personali tiegħek (id-dritt għall-portabbiltà tad-data)

F'ċerti sitwazzjonijiet, tista' tistaqsi kumpanija jew organizzazzjoni biex tirritornalek id-data jew tittrasferiha direttament lil kumpanija oħra, jekk dan hu teknikament possibbli. Dan hu magħruf bħala l-"portabbiltà tad-data". Pereżempju, tista' tuża dan id-dritt meta tiddeċiedi li taqleb minn servizz għal servizz ieħor simili – pereżempju meta tmur minn sit tal-midja soċjali wieħed għal ieħor ġdid – u tixtieq li l-informazzjoni personali tiġi ttrasferita malajr u bla problemi għas-servizz il-ġdid. 

It-tħassir tad-data personali tiegħek (id-dritt li tkun minsi)

Jekk id-data personali tiegħek m'għadhiex meħtieġa jew qed tintuża b'mod illegali tista' titlob li d-data tiegħek titħassar. Dan hu magħruf bħala d-"dritt li tkun minsi". 

Dawn ir- regoli japplikaw ukoll għall-magni tat-tiftix, bħall-Google, peress li dawn jitqiesu wkoll bħala kontrolluri tad-data. Tista' tistaqsi għal-links għall-paġni tal-web li jinkludu ismek biex jitneħħew mir-riżultati tal-magna tat-tiftix, jekk l-informazzjoni mhijiex eżatta, mhijiex xierqa, hi irrilevanti jew eċċessiva.

Jekk kumpanija poġġiet id-data personali tiegħek disponibbli online u inti titlobha biex tħassarha, il-kumpanija għandha wkoll tinforma lil kwalunkwe sit web ieħor fejn ġiet ixxerjata li int tlabt li titħassar id-data tiegħek u l-links għaliha.

Xi data tista' ma tiġix imħassra awtomatikament, biex jiġu protetti drittijiet oħrajn, bħal-libertà tal-espressjoni. Pereżempju, dikjarazzjonijiet kontroversjali li jkunu saru minn nies pubbliċi, jistgħu ma jitħassrux jekk iż-żamma tagħhom online iservi aħjar l-interess pubbliku.

Storja bħala eżempju

Tista' titlob biex id-data personali tiegħek titħassar u titneħħa minn siti web oħrajn.

Alfredo ddeċieda li ma jridx juża aktar siti tal-midja soċjali, u għalhekk ħassar il-profil tiegħu mis-siti tal-midja soċjali li kien qed juża. Madankollu, ftit ġimgħat wara sab li ritratti tal-profil tal-imgħoddi tiegħu mill-kontijiet tas-siti tal-midja soċjali kienu għadhom viżibbli meta fittex ismu f'magna tat-tiftix tal-internet. Alfredo kkuntattja l-kumpaniji tal-midja soċjali u talabhom jiżguraw it-tneħħija ta' dawn ir-ritratti. Meta fittex xahar wara, fil-fatt ir-ritratti kienu tneħħew u ma baqgħux jidhru fir-riżultati tal-magna tat-tiftix.

L-aċċess mhux awtorizzat għad-data tiegħek (il-ksur tad-data)

Jekk l-informazzjoni personali tiegħek tinsteraq, tintilef jew ikun hemm aċċess illegali għaliha – magħruf bħala " ksur tad-data personali" – il-kontrollur tad-data (il-persuna jew il-korp li qed tittrattata d-data personali tiegħek) irid jirrapporta dan lill- awtorità għall-protezzjoni tad-data nazzjonalien. Il-kontrollur tad-data jrid jinfurmak ukoll b'mod dirett jekk hemmx riskji serji relatati mad-data personali jew mal-privatezza tiegħek minħabba l-ksur.

Kif tressaq ilment

Jekk taħseb li d-drittijiet tal-protezzjoni tad-data tiegħek ma ġewx rispettati, tista' tressaq ilment direttament mal- awtorità għall-protezzjoni tad-data nazzjonalien tiegħek li se tinvestiga l-ilment tiegħek u twieġbek fi żmien 3 xhur.

Tista' wkoll tagħżel li tressaq każ direttament il-qorti kontra l-kumpanija jew l-organizzazzjoni kkonċernata minflok ma' l-ewwel toqgħod tmur għand l-awtorità għall-protezzjoni tad-data nazzjonali tiegħek.

Tista' tkun intitolat għall-kumpens jekk issofri danni materjali, bħal telf finanzjarju, jew danni mhux materjali, bħal tbatija psikoloġika, minħabba l-fatt li kumpanija jew organizzazzjoni ma rrispettatx ir-regoli tal-protezzjoni tad-data tal-UE.

U dwar il-cookies?

Il-cookies huma faljs żgħar ta' test li s-sit web jitlob lill-brawżer tiegħek biex jaħżinhom fuq il-kompjuter jew l-apparat mobbli tiegħek. Il-cookies jintużaw b'mod wiesa' biex is-siti web jaħdmu b'mod aktar effiċjenti billi jissejvjaw il-preferenzi tiegħek. Jintużaw ukoll biex isegwu l-użu tal-internet tiegħek int u tibbrawżja, ifasslu profili tal-utent u mbagħad juru reklamar online immirat skont il-preferenzi tiegħek.

Kwalunkwe sit web li jixtieq juża l-cookies irid jakkwista l-kunsens tiegħek qabel jinstalla cookie fuq il-kompjuter jew l-apparat mobbli tiegħek. Sit web ma jistax sempliċiment jinfurmak li huma jużaw il-cookies, jew jispjegalek kif tiddiżattivawhom.

Hu mistenni li s-siti web jispjegaw kif se tintuża l-informazzjoni dwar il-cookie. Għandek ukoll tkun kapaċi tirtira l-kunsens tiegħek. Jekk tiddeċiedi li tagħmel dan, is-sit web xorta jrid jipprovdilek xi tip ta' servizz minimu, pereżempju, jagħtik aċċess għal parti mis-sit web.

Mhux il-cookies kollha jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Il-cookies użati għall-iskop uniku li jwettqu t-trażmissjoni ta' komunikazzjoni ma jeħtiġux il-kunsens. Dan jinkludi, pereżempju, cookies użati għall-"ibbilanċjar tat-tagħbija" (li jippermetti li t-talbiet fuq is-server tal-web jiġu distribwiti fuq ġabra ta' magni u mhux fuq waħda biss). Il-cookies li huma strettament neċessarji biex jingħata s-servizz online li int tlabt b'mod espliċitu wkoll ma jeħtiġux il-kunsens. Dan jinkludi, pereżempju, cookies użati meta timla formola online jew meta tuża basket tax-xiri waqt ix-xiri online.

Mistoqsijiet frekwenti

Leġiżlazzjoni tal-UE

Bżonn ta' aktar tagħrif dwar ir-regoli f'pajjiż speċifiku?

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Ikkondividi din il-paġna: