Soluzzjoni informali/alternattiva għat-tilwim għall-konsumaturi

Is-soluzzjoni barra mill-qorti għat-tilwim

Mhux dejjem ikun meħtieġ li wieħed imur il-qorti biex isolvi tilwima dwar kuntratt jew xiri. Hemm għażliet oħrajn li tista’ tipprova qabel ma tikkunsidra l-qorti:

  • Ipprova asal bies issolvi t-tilwima direttament mal-kummerċjant
  • Agħmel kuntatt ma’ servizz tas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim
  • Ikkuntattja liċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumaturi.

Ipprova asal bies issolvi t-tilwima direttament mal-kummerċjant

L-ewwel nett, ipprova solvi t-tilwima direttament mal-kummerċjant. Dan huwa l-ewwel pass meħtieġ qabel ma jiġi kkuntattjat kwalunkwe servizz/korp tas-soluzzjoni alternattiva jew barra mill-qorti għat-tilwim. Fittex id-dettalji tad-dipartiment tas-servizz tal-assistenza lill-klijenti tal-kummerċjant fil-website tiegħu.

Mat-talba tiegħek ippreżenta evidenza bħall-irċevuta, il-fattura, il-kuntratt, eċċ.

Jekk dan ikun għalxejn, tista’ titlob għall-għajnuna mingħand servizz newtrali tas-soluzzjoni alternattiva barra mill-qorti għat-tilwim. Dawn is-servizzi huma disponibbli għat-tilwim fis-setturi kollha tas-suq, f’pajjiżek jew f’pajjiż ieħor tal-UE.

Agħmel kuntatt ma’ servizz tas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim

Jekk ippruvajt, u ma rnexxilekx, issib soluzzjoni għall-problema tiegħek direttament mal-kummerċjant, tista’ tikkuntattja lil servizz/korp tas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim. Biex issib lil min għandek tikkuntattja, trid tkun taf fejn ikun ibbażat il-kummerċjant. Normalment, dan tista’ ssir tafu mill-website tiegħu. Jekk in-negozjant huwiex obbligat jipparteċipa, jew jekk hemmx tariffa involuta, jiddependi mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

1. Jekk il-kummerċjant ikun f’pajjiżek

Tista’ tikkuntattja lil servizz tas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim f’pajjiżek. Kull pajjiż tal-UE għandu korp newtrali tas-soluzzjoni alternattiva barra mill-qorti għat-tilwim (ADR, alternative dispute resolution) li ġie stabbilit sabiex

  • jgħinek issib soluzzjoni għat-tilwima tiegħek dwar xiri jew kuntratt
  • jipproponi soluzzjoni, jew forsi jimponi waħda
  • jgħinek bi ftit spejjeż
  • iwassal għal riżultat fi żmien 90 jum.

Sib korp tas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim f'pajjiżek.

2. Jekk il-kummerċjant ikun f’pajjiż ieħor tal-UE (jew l-Iżlanda jew in-Norveġja)

Tista’ tikkuntattja lil servizz tas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim fil-pajjiż tal-kummerċjant. Sib korp tas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim fil-pajjiż rilevanti.

Ikkuntattja liċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumaturi

Tista’ tikkuntattja wkoll liċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumaturi (ECC, European Consumer Centre) f’pajjiżek (mhux fil-pajjiż fejn huwa bbażat il-kummerċjant). Iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi jeżistu fil-pajjiżi kollha tal-UE kif ukoll fin-Norveġja u fl-Iżlanda.

Dawn jistgħu jgħinuk jekk sibt problema wara li xtrajt prodott jew servizz f’dawn il-pajjiżi, fi kwalunkwe settur tas-suq (trasport, servizzi bankarji, telekomunikazzjoni, enerġija, oġġetti elettroniċi, apparat domestiku, kiri ta’ karozzi, dry cleaning eċċ).

L-ECC f’pajjiżek jista’

  • iwieġeb il-mistoqsija tiegħek bil-lingwa tiegħek stess
  • jinfurmak dwar drittijietek bħala konsumatur skont il-liġi tal-UE u l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-konsumaturi
  • jagħtik parir dwar x’possibbiltajiet għandek biex tipproċedi bl-ilment tiegħek
  • jgħinek tilħaq ftehim bonarju ma’ kummerċjant barra minn pajjiżek
  • jiddireġik lejn il-korp kompetenti jekk l-ECC ma jkunx jista’ jgħinek.

Ikkuntattja liċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumaturi f’pajjiżek.

Twissija

TWISSIJA: l-ECC l-ewwel jivverifika jekk tkunx diġà kkuntattjajt lill-kummerċjant biex tipprova ssolvi t-tilwima. Jekk ma tkunx għadek ikkuntattjajtu, se tingħata l-parir li tagħmel dan.

Storja bħala eżempju

Solvi t-tilwima tiegħek mal-kummerċjant

Jutta, mill-Italja, ma kinitx kuntenta bil-veloċità tal-konnessjoni tal-internet tagħha, li kienet aktar baxxa minn dik dikjarata fil-kuntratt tagħha. Ikkuntattjat lill-fornitur tal-internet biex tilmenta, u dan wassalhom biex iżidulha l-veloċità tal-konnessjoni. Jutta ma kellhiex bżonn tieħu aktar azzjoni.

Storja bħala eżempju

Agħmel kuntatt ma’ servizz tas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim

Armin, mill-Ġermanja, irċieva kont mingħand il-fornitur tal-internet tiegħu li kien ogħla mill-ammont stipulat fil-kuntratt tiegħu. Wara li pprova, għalxejn, isolvi l-problema mal-kummerċjant, Armin irrikorra lejn il-korp tas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim rilevanti fil-Ġermanja, fejn sab soluzzjoni bl-anqas inkonvenjent għalih innifsu.

Storja bħala eżempju

Ikkuntattja lill-ECC

Sofija, mill-Portugall, xtrat laptop mingħand bejjiegħ bl-imnut online Spanjol. Sfortunatament, meta wasal il-laptop skopriet li dan ma kienx jaħdem kif suppost. Il-kummerċjant taha l-parir li tibagħtu lura lill-manifattur għat-tiswija. Hekk għamlet, iżda ftit biss wara kellha l-istess problema.

Sofia kkuntattjat lill-kuntrattur mill-ġdid biex titlob flusha lura, iżda qalulha li t-talba tagħha ma tistax tiġi kkunsidrata sakemm il-laptop ma jkunx intbagħat għat-tiswija tliet darbiet. Hi ddeċidiet li tikkuntattja lill-ECC fil-Portugall għall-għajnuna. L-uffiċċju Portugiż tkellem mal-kontraparti tiegħu fi Spanja dwar il-każ, u dan ikkuntattja lill-kummerċjant. Wara l-intervent tal-ECC Spanjol, l-operatur ġabar il-laptop u lil Sofia taha flusha kollha lura.

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

L-aħħar verifika: 23/02/2026
Ikkondividi din il-paġna