Biex tirreġistra bħala impjegatur f’pajjiż ieħor tal-UE

Jekk tħaddem nies f’pajjiż ieħor tal-UE, trid tirreġistra mal-awtoritajiet lokali bħala impjegatur. Dan isir biex jiġi żgurat li tkun tikkonforma mal-liġijiet lokali tax-xogħol, inklużi l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u t-tassazzjoni. Għandek tkun taf b’dan li ġej:

  • il-proċess tar-reġistrazzjoni tal-impjegatur: Kull pajjiż għandu l-proċeduri tar-reġistrazzjoni speċifiċi tiegħu, u l-impjegaturi jridu jikkuntattjaw lill-awtoritajiet rilevanti (spiss ikunu l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jew l-awtoritajiet tat-taxxa) biex jirreġistraw bħala impjegatur.
  • in-numru ta’ identifikazzjoni tal-impjegatur: Wara r-reġistrazzjoni, min iħaddem spiss jirċievi numru ta’ identifikazzjoni tal-impjegatur biex jintuża għad-dikjarazzjonijiet relatati mas-sigurtà soċjali u mat-taxxa.

Ir-reġistrazzjoni tal-impjegati għall-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali

Wara li tirreġistra bħala impjegatur, jeħtieġ li tirreġistra lill-impjegati fil-pajjiż fejn ikunu se jaħdmu biex jiġi żgurat li jkunu koperti mis-sistema lokali tas-sigurtà soċjali. Żomm f’moħħok dan li ġej:

Il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali

L-impjegati li jaħdmu f’pajjiż tal-UE ġeneralment ikunu soġġetti għar-regoli tas-sigurtà soċjali ta’ dak il-pajjiż, u l-impjegaturi huma responsabbli għaż-żamma u t-trasferiment tal-kontribuzzjonijiet kemm tal-impjegatur kif ukoll tal-impjegat. Kull pajjiż għandu rati u rekwiżiti differenti rigward il-kontribuzzjonijiet, li jkopru:

  • l-assigurazzjoni tas-saħħa
  • il-kontribuzzjonijiet għall-pensjoni
  • l-assigurazzjoni kontra l-qgħad
  • benefiċċji soċjali oħrajn (eż. il-liv tal-ġenituri, l-assigurazzjoni tad-diżabilità)

Il-proċess tar-reġistrazzjoni

  • Trid tinnotifika lill-awtoritajiet lokali tas-sigurtà soċjali dwar impjegati ġodda filwaqt li tipprovdi dettalji bħall-informazzjoni personali tal-impjegat, id-data tal-bidu, id-deskrizzjoni tan-natura tal-impjieg, u l-paga.
  • Il-proċess u l-iskeda ta’ żmien għar-reġistrazzjoni tal-impjegati jistgħu jvarjaw u f’xi pajjiżi jridu jitlestew qabel ma l-impjegat jibda jaħdem.

Twissija

Skont il-liġi tal-UE, individwu ma jistax ikun kontemporanjament soġġett għal sistema tas-sigurtà soċjali ta’ aktar minn pajjiż wieħed, anke jekk ikun qed jaqsam il-fruntieri minħabba x-xogħol. Il-pajjiż applikabbli ġeneralment jiġi ddeterminat min-natura u l-post tax-xogħol tal-impjegat.

Każijiet partikulari

  • Ħaddiema ppostjati: Fil-każ ta’ impjegati li jintbagħtu jaħdmu temporanjament f’pajjiż ieħor tal-UE (ħaddiema ppostjati), ġeneralment min iħaddem ma jkollux għalfejn jirreġistra bħala impjegatur fil-pajjiż ospitanti. L-impjegat jibqa’ kopert mis-sistema tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż tal-oriġini, dment li l-ippostjar ma jaqbiżx l-24 xahar u jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet. L-impjegaturi jridu jitolbu formola A1 PDF en biex jiċċertifikaw il-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali li tkun tapplika u jikkonfermaw li l-ħaddiem ma jkollu l-ebda obbligu li jħallas il-kontribuzzjonijiet f’pajjiż ieħor tal-UE
  • Ħaddiema transfruntieri: L-impjegati li jaħdmu f’pajjiż tal-UE iżda jgħixu f’ieħor huma ġeneralment soġġetti għar-regoli tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż fejn jaħdmu. L-impjegaturi għandhom jivverifikaw iċ-ċirkostanzi speċifiċi mal-awtoritajiet rilevanti, peress li jistgħu japplikaw xi eċċezzjonijiet.

Ikseb aċċess għall-informazzjoni nazzjonali minn hawn taħt.

Ara wkoll

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Il-Konsulent EURES tiegħek hu

Il-Konsulent EURES tiegħek jista’ jinfurmak kemm dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll jgħinek fil-proċeduri ta’ reklutaġġ f’pajjiżek jew fir-reġjun bejn il-fruntieri tiegħek.

Għandek xi mistoqsijiet dwar kif topera negozju transfruntier, pereżempju l-esportazzjoni jew l-espansjoni lejn pajjiż ieħor tal-UE? Jekk hu l-każ, Enterprise Europe Network jista’ jagħtik pariri b’xejn.

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

L-aħħar verifika: 15/03/2025
Ikkondividi din il-paġna