Persuni li qed ifittxu xogħol — id-drittijiet ta’ residenza
Bħala ċittadin tal-UE għandek id-dritt li tmur toqgħod u tfittex ix-xogħol f'pajjiż ieħor tal-UE.
Jekk kont qed taħdem f'pajjiż ieħor tal-UE u tlift xogħlok, jew jekk taħdem għal rasek u x-xogħol naqaslek, b’ċerti kundizzjonijiet tista' żżomm id-dritt tiegħek li tgħix hemmhekk.
Agħżel sitwazzjoni:
- Ġarrejt lejn pajjiż ieħor tal-UE u qed infittex impjieg.
- Diġà ħdimt fil-pajjiż ospitanti tiegħi tal-UE iżda tlift l-impjieg hemm.
Meta tasal
Bħala ċittadin tal-UE, tista’ toqgħod f’pajjiż ieħor tal-UE sa 3 xhur qabel ma tintalab tirreġistra r-residenza tiegħek. Madankollu, kun af li xi pajjiżi tal-UE jitolbuk tirrapporta l-preżenza tiegħek lill-awtoritajiet rilevanti fi żmien 3 xhur mill-wasla (ħafna drabi fil-muniċipju jew fl-għassa tal-pulizija lokali).
Jekk tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol, l-awtoritajiet jagħtuk perjodu ta’ żmien biex jippermettulek issib impjieg. Dan il-perjodu normalment idum 6 xhur, għalkemm tista’ tintalab tipprovdi evidenza li qed tfittex impjieg u/jew li qed tieħu passi biex tkun tista’ ssib impjieg tul dak il-perjodu.
Irreġistra mas-servizzi tal-impjiegi
Jekk qed tirċievi l-benefiċċji tal-qgħad mill-pajjiż tal-oriġini tiegħek, tkun trid tirreġistra mas-servizz tal-impjiegi fil-pajjiż ospitanti tiegħek. Int u familtek xorta tkunu koperti mis-sistema tas-sigurtà soċjali fil-pajjiż ta’ oriġini tagħkom, eż. għall-ispejjeż tas-servizzi tas-saħħa.
Anke jekk ma tirċevix benefiċċji tal-qgħad mill-pajjiż tal-oriġini tiegħek, jaf xorta tkun kopert mis-sistema tas-sigurtà soċjali tiegħu: iċċekkja mal-awtorità tas-sigurtà soċjali fil-pajjiż tal-oriġini tiegħek.
Waqt li tkun qiegħed kopert mill-assigurazzjoni tas-saħħa tal-pajjiż tal-oriġini tiegħek, il-proċeduri tas-saħħa jistgħu jkunu eħfef jekk ikollok Karta Ewropea tal-Assikurazzjoni tas-Saħħa (EHIC) valida.
Storja bħala eżempju
M’għandekx għalfejn tirreġistra r-residenza tiegħek immedjatament
Marta hi Portugiża u marret tgħix Spanja 4 xhur ilu biex tipprova tfittex xogħol hemmhekk. Bħalissa qed tgħix għand ħabiba tagħha. Il-pulizija Spanjola talbuha tirreġistra r-residenza fil-muniċipju u biex tipprova li għandha biżżejjed mezzi biex issostni ruħha fi Spanja.
Bħala persuna li qed tfittex xogħol, Marta hi intitolata toqgħod fi Spanja għal tal-anqas 6 xhur mingħajr il-bżonn li tirreġistra r-residenza tagħha hemmhekk. Trid tipprova biss li hi qed tfittex xogħol attivament. L-awtoritajiet Spanjoli ma jistgħux jitolbuha turi li tista' ssostni lilha nnifisha finanzjarjament.
Jekk għadek qed tfittex xogħol wara li jgħaddu 6 xhur
Evalwazzjoni tad-dritt tiegħek li toqgħod hemm
Jekk ma tkunx sibt xogħol fl-ewwel 6 xhur fil-pajjiż, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jevalwaw id-dritt tiegħek li tibqa' hemm għal aktar żmien. Għal dan, se jitolbuk evidenza li:
- qed tfittex xogħol attivament u
- għandek ċans tajjeb li ssib wieħed.
Dejjem żomm kopji tal-applikazzjonijiet għall-impjiegi li tibgħat, it-tweġibiet mill-impjegaturi potenzjali, l-istediniet għall-intervisti, eċċ.
M’għandekx għalfejn tirreġistra mas-servizzi tal-impjiegi fil-pajjiż il-ġdid tiegħek jekk qed tirċievi l-benefiċċji tal-qgħad mill-pajjiż tal-oriġini tiegħek. Iżda jekk tirreġistra, dan għandu jgħinek turi li qed tfittex xogħol attivament.
Tista’ tiġi ddeportat jew tintalab titlaq?
Il-pajjiż li qed jospitak jista' wkoll jitolbok titlaq jekk ma tkunx tista’ turi li għandek ċans realistiku li ssib xogħol hemmhekk.
F'każijiet eċċezzjonali, il-pajjiż ospitanti jista' jiddeportak għal raġunijiet ta' politika pubblika, ta’ sigurtà pubblika, jew ta’ saħħa pubblika, iżda dan jista’ jiġri biss jekk ikun f’pożizzjoni li jagħti prova li int ta’ theddida serja.
Id-deċiżjoni dwar id-deportazzjoni jew it-talba biex titlaq trid tingħatalek bil-miktub, u trid tiddikjara r-raġunijiet kollha għad-deportazzjoni tiegħek filwaqt li tispeċifika kif tista’ tappella u sa meta.
Trattament indaqs
Bħala persuna li qed tfittex xogħol, int intitolat li tiġi ttrattat bl-istess mod bħaċ-ċittadini tal-pajjiż ospitanti fir-rigward ta’:
- aċċess għax-xogħol
- appoġġ mis-servizzi tal-impjieg biex issib xogħol
Jista' jkun li l-pajjiż ospitanti jistenna sakemm tkun stabbilixxejt rabta ġenwina mas-suq tax-xogħol lokali qabel ma jagħtik xi tip ta' appoġġ finanzjarju biex jgħinek issib xogħol, bħal self bi mgħax baxx għall-persuni bla xogħol biex isegwu taħriġ. Li tkun fil-pajjiż u tkun qed tfittex xogħol għal perjodu raġonevoli ta’ żmien jista’ jitqies bħala rabta ġenwina.
Madankollu, fiż-żmien meta tkun qed toqgħod hemm bħala persuna li qed tfittex xogħol, m’għandekx id-dritt għal benefiċċji soċjali mhux kontributorji.
Jekk kont qed taħdem f'pajjiż ieħor tal-UE u tlift xogħlok, jew jekk taħdem għal rasek u x-xogħol naqaslek, b’ċerti kundizzjonijiet tista' żżomm id-dritt tiegħek li tgħix hemmhekk.
Kemm tista' ddum jiddependi minn kemm tkun ilek taħdem fil-pajjiż il-ġdid tiegħek u mit-tip ta' kuntratt li kellek qabel tlift xogħlok.
Jekk għal żmien temporanju ma tkunx tista’ taħdem minħabba mard jew aċċident, tista' toqgħod hemm sakemm din il-kundizzjoni tgħaddilek u ma tibqax ixxekklek milli taħdem.
Trattament indaqs
Fiż-żmien meta tkun fil-pajjiż ospitanti wara li tkun tlift xogħlok, għandek tkompli tgawdi l-istess drittijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż, inklużi:
- il-benefiċċji soċjali (inkluż il-benefiċċju tal-qgħad)
- l-aċċess għax-xogħol
- l-assistenza mis-servizzi pubbliċi tal-impjieg
Tista’ tintalab titlaq jew tiġi deportat?
F’każijiet eċċezzjonali, il-pajjiż ospitanti jista' jiddeportak għal raġunijiet ta’ politika pubblika, ta’ sigurtà pubblika, jew ta’ saħħa pubblika, iżda dan jista’ jiġri biss jekk ikun f’pożizzjoni li jagħti prova li int ta’ theddida serja. Id-deċiżjoni dwar id-deportazzjoni trid tingħatalek bil-miktub, u trid tiddikjara r-raġunijiet kollha għad-deportazzjoni tiegħek filwaqt li tispeċifika kif tista’ tappella u sa meta.
Ara xi drittijiet għandek biex toqgħod fil-pajjiż skont x’inhi s-sitwazzjoni tiegħek:
- Ħdimt fil-pajjiż ospitanti tiegħi għal anqas minn sena
- Ħdimt fil-pajjiż ospitanti tiegħi għal aktar minn sena
- Qed nattendi taħriġ vokazzjonali
Jekk kellek kuntratt permanenti jew kuntratt b'terminu fiss għal anqas minn sena u tlift xogħlok qabel it-tmiem tal-perjodu ta' sena, għandek dritt tibqa' fil-pajjiż ospitanti għal tal-anqas 6 xhur oħra, sakemm tkun qed tfittex xogħol.
Il-perjodu ta' 6 xhur jibda mill-mument li jispiċċa l-kuntratt tiegħek.
Trid tirreġistra mas-servizz pubbliku tal-impjiegi bħala persuna mingħajr xogħol b'mod involontarju u li qed tfittex xogħol.
Storja bħala eżempju
Tista’ tibqa’ barra pajjiżek anke jekk titlef l-impieg tiegħek
Sabrina hi Ġermaniża li marret il-Greċja biex taħdem f'lukanda żgħira. Kellha kuntratt ta' 9 xhur iżda l-impjegatur tagħha ddeċieda li jwaqqaf il-kuntratt tagħha wara l-ewwel 4 xhur. Wara li rreġistrat bħala persuna mingħajr xogħol b'mod involontarju mas-servizzi tax-xogħol Griegi, setgħet toqgħod hemm għal 6 xhur oħra waqt li bdiet tfittex xogħol ġdid.
Jekk titlef xogħlok wara li tkun ħdimt għal aktar minn sena fil-pajjiż ospitanti, għandek dritt tibqa' tgħix hemmhekk, sakemm tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol u tkompli tissodisfa l-kundizzjonijiet biex titqies bħala persuna li qed tfittex xogħol.
Biex iżżomm id-dritt li tgħix fil-pajjiż ospitanti meta titlef xogħlok jew m'intix professjonalment attiv (jekk taħdem għal rasek), trid tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol mas-servizz tal-impjiegi fil-pajjiż ospitanti.
Tista' toqgħod hemm sakemm int irreġistrat bħala persuna li qed tfittex xogħol mas-servizz pubbliku tal-impjiegi u tkompli tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa minn xi ħadd li qed ifittex xogħol.
Jekk tispiċċa mingħajr xogħol b'mod involontarju u tibda taħriġ vokazzjonali, għandek id-dritt li toqgħod fil-pajjiż il-ġdid tiegħek tul iż-żmien kollu tat-taħriġ tiegħek.
Jekk tispiċċa mingħajr xogħol b'mod volontarju, għandek id-dritt li toqgħod fil-pajjiż li qed jospitak tul iż-żmien kollu tat-taħriġ tiegħek, dment li t-taħriġ ikun relatat max-xogħol li kellek.
Jekk ma jkunx relatat, tista' toqgħod fil-pajjiż il-ġdid tiegħek bl-istess kundizzjonijiet tal-istudenti.
Sir af aktar dwar id-drittijiet u l-kundizzjonijiet tal-istudenti.
Biex iżżomm id-dritt tiegħek li tibqa' fil-pajjiż il-ġdid tiegħek għat-tul ta' żmien kollu tat-taħriġ vokazzjonali tiegħek, trid tirreġistra mal-awtoritajiet tal-pajjiż ospitanti bħala persuna li qed tfittex xogħol. Dan japplika wkoll jekk int persuna mingħajr xogħol b'mod involontarju.