Ristrutturar f’pajjiżi differenti tal-UE
Jekk tixtieq tespandi n-negozju tiegħek fl-UE, tista’ tqis ir-ristrutturar tal-kumpanija tiegħek barra mill-pajjiż. Bis-saħħa tar-regoli tal-UE, il-kumpaniji b’responsabbiltà limitata jkunu jistgħu jingħaqdu, jinfirdu, jew jikkonvertu l-forma legali tagħhom filwaqt li jippreservaw id-drittijiet tal-azzjonisti, l-impjegati u l-kredituri.
Dawn l-għażliet ta’ ristrutturar imfasslin biex issibha faċli li tikber, tirriorganizza jew iċċaqlaq l-operazzjonijiet tan-negozju tiegħek f’pajjiżi differenti tal-UE, u fl-istess ħin iżżomm il-kontinwità legali.
Twissija
Ir-regoli tal-UE dwar il-fużjonijiet, id-diviżjonijiet, u l-konverżjonijiet japplikaw fil-biċċa l-kbira tal-każijiet għal kumpaniji b’responsabbiltà limitata bbażati f’mill-inqas żewġ pajjiżi differenti tal-UE. Madankollu, il-kumpaniji ta’ investiment (kemm jekk pubbliċi kif ukoll jekk privati) huma eżentati minn dawn ir-regoli.
Fużjonijiet ta’ kumpaniji f’pajjiżi differenti
Permezz ta’ fużjoni transfruntiera, żewġ kumpaniji jew aktar minn pajjiżi differenti tal-UE jkunu jistgħu jingħaqdu f’waħda. Dan jista’ jsir billi kumpanija tassorbi oħra jew billi tiġi ffurmata kumpanija kompletament ġdida. Il-fużjonijiet huma mezz komuni kif tkabbar in-negozju tiegħek, tidħol fi swieq ġodda, jew tikkonsolida l-operazzjonijiet.
Ir-regoli tal-UE jiżguraw li d-drittijiet tal-azzjonisti, tal-kredituri u tal-impjegati jkunu protetti tul il-proċess kollu.
Fużjoni permezz ta’ akkwiżizzjoni
Meta ssir fużjoni permezz ta’ akkwiżizzjoni, il-kumpanija tiegħek tassorbi kumpanija waħda jew aktar minn waħda minn pajjiżi oħra tal-UE. Il-kumpaniji akkwistati jittrasferixxu l-assi u r-responsabbiltajiet kollha tagħhom lill-kumpanija tiegħek, u min-naħa l-oħra, l-azzjonisti tagħhom jirċievu l-ishma tal-kumpanija tiegħek.
Punti ewlenin:
- Il-kumpanija tiegħek tieħu taħt idejha l-assi u r-responsabbiltajiet tal-kumpaniji akkwistati.
- L-azzjonisti tal-kumpaniji akkwistati jsiru azzjonisti tal-kumpanija tiegħek, b’mod proporzjonali għall-valur tal-parteċipazzjoni oriġinali tagħhom.
- Aġġustament fi flus (sa 10 % tal-valur tal-ishma) huwa permess biex jindirizza d-differenzi fil-valur.
- Il-kumpaniji akkwistati jiġu xolti iżda mhux likwidati. Dan ifisser li legalment ma jibqgħux jeżistu iżda l-assi u r-responsabbiltajiet tagħhom jibqgħu taħt il-kumpanija tiegħek.
Storja bħala eżempju
Tkabbir ta’ negozju permezz ta’ akkwiżizzjoni
Kumpanija Taljana ddeċidiet li tikber billi takkwista żewġ negozji iżgħar. Wieħed ibbażat fi Spanja u l-ieħor fin-Netherlands. Minflok ma xtrat l-ishma tagħha direttament, il-kumpanija Taljana għamlet fużjoni transfruntiera permezz ta’ akkwiżizzjoni.
Bħala parti mit-tranżazzjoni, l-assi u d-djun kollha tal-kumpanija Spanjola u dik Olandiża ġew trasferiti fil-kumpanija Taljana. Min-naħa l-oħra, l-azzjonisti tal-kumpanija Spanjola u dik Olandiża rċevew ishma fil-kumpanija Taljana bl-istess valur tal-parteċipazzjonijiet oriġinali tagħhom.
Madankollu, il-valuri tal-ishma m’allinjawx perfettament. Il-valur tal-ishma tal-kumpanija Taljana kien kemxejn inqas minn dak taż-żewġ kumpaniji fil-mira. Biex tneħħi dan id-distakk, il-kumpanija Taljana inkludiet pagament fi flus ta’ 8 % tal-valur nominali tal-ishma ġodda maħruġa. Skont ir-regoli tal-UE, dan it-tip ta’ kumpens fi flus huwa permess sa 10 %.
Wara l-fużjoni, il-kumpanija Spanjola u dik Olandiża ġew xolti iżda mhux likwidati. Dan ifisser li waqfu jeżistu legalment iżda l-assi u r-responsabbiltajiet tagħhom ġew assorbiti kompletament mill-kumpanija Taljana.
Fużjoni permezz tal-formazzjoni ta’ kumpanija ġdida
F’din it-tip ta’ fużjoni, żewġ kumpaniji jew aktar minn pajjiżi differenti tal-UE jingħaqdu biex joħolqu kumpanija kompletament ġdida. Kull kumpanija soġġetta għall-fużjoni tittrasferixxi l-assi u r-responsabbiltajiet lill-kumpanija li tkun għadha kif ġiet ffurmata, li min-naħa tagħha ssir is-suċċessur legali tagħha.
Punti ewlenin:
- Il-kumpaniji kollha soġġetti għall-fużjoni jittrasferixxu l-assi u r-responsabbiltajiet tagħhom lill-kumpanija l-ġdida.
- L-azzjonisti tal-kumpaniji soġġetti għall-fużjoni jsiru azzjonisti tal-kumpanija l-ġdida, b’mod proporzjonali għall-valur tal-parteċipazzjoni oriġinali tagħhom.
- Aġġustament fi flus (sa 10 % tal-valur tal-ishma) huwa permess biex jiġu bbilanċjati d-differenzi fil-valwazzjoni.
- Il-kumpaniji soġġetti għall-fużjoni jiġu xolti mingħajr ma jiġu likwidati.
Storja bħala eżempju
Żewġ ditti tal-enerġija nadifa ħolqu kumpanija ġdida.
Żewġ kumpaniji ta’ daqs medju – waħda bbażata fi Franza u l-oħra fl-Awstrija – kienu qed jaħdmu flimkien mill-qrib fis-settur tal-enerġija nadifa. Dawn iddeċidew li jikkombinaw l-elementi b’saħħithom tagħhom billi jingħaqdu f’kumpanija li tkun għadha kif ġiet iffurmata u stabbilita fin-Netherlands.
Minflok ma kumpanija waħda assorbiet lill-oħra, huma ħolqu kumpanija kompletament ġdida li ħadet taħt idejha l-assi, ir-responsabbiltajiet u l-operazzjonijiet kummerċjali taż-żewġ kumpaniji soġġetti għall-fużjoni. Min-naħa l-oħra, l-azzjonisti tal-kumpaniji oriġinali rċevew ishma fil-kumpanija l-ġdida b’mod proporzjonali għall-valur tal-parteċipazzjoni oriġinali tagħhom.
Peress li l-kumpanija Awstrijaka ġiet ivvalutata kemxejn inqas, l-azzjonisti tagħha ingħataw pagament ċkejken fi flus – daqs 8 % tal-valur nominali tal-ishma maħruġa – biex tiġi bbilanċjata d-differenza. Dan it-tip ta’ aġġustament fi flus huwa permess skont il-liġi tal-UE dment li ma jaqbiżx l-10 %. Spiss jintuża biex jiġu bbilanċjati d-differenzi fil-valwazzjoni jew biex jiġi evitat il-ħruġ ta’ ishma frazzjonali.
Wara l-fużjoni, il-kumpanija Franċiża u dik Awstrijaka soġġetti għall-fużjoni, waqfu jeżistu mingħajr likwidazzjoni, u n-negozju kompla bla xkiel taħt il-kumpanija l-ġdida bi sjieda konġunta.
Fużjonijiet ta’ kumpaniji kbar
Jekk il-fatturat tan-negozji kombinati hu ikbar minn ċerti ammonti speċifikati en kemm fid-dinja kollha kif ukoll fl-UE, trid titlob l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Dan irrispettivament minn fejn hi bbażata l-kumpanija tiegħek. Il-Kummissjoni teżamina l-impatt tal-fużjoni proposta fuq il-kompetizzjoni fl-UE.
Jekk il-fużjoni titqies li tillimita b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni, din tinċaħad. Madankollu, ħafna minn dawn il-fużjonijiet li joħolqu tħassib dwar il-kompetizzjoni, jiġu approvati b’mod kundizzjonali. Pereżempju, iż-żewġ partijiet jistgħu jbigħu parti min-negozju kombinat biex jingħataw approvazzjoni.
Twissija
Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jagħżlu li ma japplikawx ir-regoli għal fużjonijiet transfruntiera msemmija hawn fuq, li jinvolvu soċjetajiet kooperattivi, anki jekk huma definiti bħala kumpaniji b’responsabbiltà limitata.Diviżjonijiet: l-assi jiġu trasferiti lil entitajiet ġodda
Diviżjoni sseħħ meta kumpanija tittrasferixxi l-assi u r-responsabbiltajiet kollha tagħha jew parti minnhom lil entità ġdida (jew aktar minn waħda) li għadha kif ġiet stabbilita. Id-diviżjonijiet jistgħu jkunu sħaħ (li jirriżultaw fix-xoljiment tal-kumpanija oriġinali) jew parzjali (meta l-kumpanija li tkun qed tiġi diviża tibqa’ topera flimkien ma’ dawk ġodda li jkunu għadhom kif inħolqu).
In-negozji jistgħu jagħżlu din l-għażla biex jispeċjalizzaw f’ċerti attivitajiet, jidħlu fi swieq ġodda, jew jisseparaw l-operazzjonijiet għal raġunijiet strateġiċi. Bħal fil-każ tal-fużjonijiet, ir-regoli tal-UE jiżguraw il-protezzjonijiet legali għall-partijiet ikkonċernati kollha.
Diviżjoni sħiħa
F’diviżjoni sħiħa, kumpanija bbażata f’pajjiż tal-UE tittrasferixxi l-assi u r-responsabbiltajiet kollha tagħha f’żewġ kumpaniji ffurmati ġodda jew aktar stabbiliti f’pajjiżi differenti tal-UE. Kull kumpanija ġdida tirċievi porzjon tal-ishma u r-responsabbiltajiet tal-kumpanija oriġinali, u tkompli n-negozju tagħha.
Punti ewlenin:
- Il-kumpanija li qed tiġi diviża tiġi xolta mingħajr likwidazzjoni.
- L-assi u r-responsabbiltajiet kollha tal-kumpanija li qed tiġi diviża jridu jiġu trasferiti lill-kumpaniji l-ġodda li jkunu għadhom kif ġew iffurmati.
- L-azzjonisti tal-kumpanija li qed tiġi diviża jsiru azzjonisti tal-kumpanija l-ġdida li tkun għadha kif ġiet iffurmata, b’mod proporzjonali għall-valur tal-parteċipazzjoni oriġinali tagħhom.
- Aġġustament fi flus (sa 10 % tal-valur tal-ishma) huwa permess biex jiġu bbilanċjati d-differenzi fil-valwazzjoni.
Storja bħala eżempju
Diviżjoni sħiħa: negozju wieħed jinqasam fi tlieta
Grupp Belġjan tal-manifattura għadda minn diviżjoni sħiħa. Dan wassal għall-ħolqien ta’ tliet kumpaniji ġodda bbażati fi Franza, in-Netherlands u l-Awstrija.
Kull kumpanija ġdida rċeviet porzjon tal-assi, l-operazzjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-grupp, u b’hekk setgħu jiffukaw fuq swieq u oqsma kummerċjali differenti. Il-kumpanija Belġjana ġiet xolta iżda mhux likwidata peress li l-assi u r-responsabbiltajiet kollha tagħha kienu ġew trasferiti lill-kumpaniji l-ġodda li kienu għadhom kif ġew iffurmati.
L-azzjonisti tal-kumpanija Belġjana oriġinali rċevew ishma fil-kumpanija Franċiża, dik Olandiża u dik Awstrijaka b’mod proporzjonali għall-valur tal-ishma oriġinali tagħhom. Peress li l-valur tal-ishma l-ġodda ma kienx jaqbel preċiż għall-azzjonisti kollha, xi wħud irċevew pagament fi flus ta’ 6 % tal-valur nominali tal-ishma biex jikkumpensaw id-differenza. Skont il-liġi tal-UE, kumpens fi flus sa 10 % huwa permess biex jiġu bbilanċjati d-diskrepanzi fil-bilanċ tal-valwazzjoni f’tali ristrutturar.
Bis-saħħa ta’ dan, in-negozju seta’ jorganizza ruħu mill-ġdid f’pajjiżi oħra u jkompli jopera fi struttura ġdida u aktar sempliċi.
Diviżjoni parzjali
F’diviżjoni parzjali, kumpanija tittrasferixxi parti mill-assi u r-responsabbiltajiet tagħha lill-kumpaniji ġodda (jew kumpanija ġdida waħda biss) li jkunu għadhom kif ġew iffurmati, stabbiliti f’pajjiżi oħra tal-UE. Għall-kuntrarju ta’ diviżjoni sħiħa, il-kumpanija oriġinali tibqa’ teżisti u topera.
Punti ewlenin:
- Tiġi trasferita biss parti mill-assi u r-responsabbiltajiet tal-kumpanija li qed tiġi diviża.
- Xi wħud mill-azzjonisti tal-kumpanija li qed tiġi diviża jsiru azzjonisti tal-kumpanija (jew kumpaniji) l-ġdida li tkun għadha kif ġiet iffurmata. Fl-istess ħin, xi wħud mill-azzjonisti tal-kumpanija li qed tiġi diviża jridu jibqgħu fil-kumpanija li qed tiġi diviża jew inkella jridu jsiru azzjonisti tat-tnejn li huma, skont kif tiġi allokata s-sjieda.
- Il-kumpanija li qed tiġi diviża ma tiġix xolta.
- Jista’ jiġi inkluż aġġustament fi flus (sa 10 % tal-valur tal-ishma) biex jiġu bbilanċjati d-differenzi fil-valwazzjoni.
Storja bħala eżempju
Diviżjoni parzjali: iċ-ċaqliq ta’ parti minn kumpanija f’waħda ġdida
Kumpanija tal-manifattura ddeċidiet li tissepara l-operazzjonijiet loġistiċi tagħha f’negozju ddedikat. Minflok ma tagħlaq u tibda mill-ġdid, wettqet diviżjoni parzjali.
Ittrasferiet parti mill-assi u r-responsabbiltajiet tagħha – prinċipalment trakkijiet, imħażen, u kuntratti relatati – lil kumpanija ġdida li għadha kif ġiet iffurmata, iffukata esklużivament fuq il-loġistika.
L-azzjonijiet tal-kumpaniji oriġinali rċevew ishma fil-kumpanija tal-loġistika l-ġdida, b’mod proporzjonali għas-sjieda oriġinali fil-kumpanija oriġinali. Peress li l-valur tal-ishma bejn iż-żewġ kumpaniji ma kienx allinjat preċiżament, xi azzjonisti rċevew pagament fi flus ta’ 7 % tal-valur nominali tal-ishma biex jibbilanċjaw id-differenza. Skont ir-regoli tal-UE, tali kumpens fi flus huwa permess sa 10 %.
Il-kumpanija oriġinali żammet in-negozju ewlieni tagħha u kompliet topera mingħajr ma ġiet xolta jew reġistrata mill-ġdid.
Konverżjonijiet: meta ċċaqlaq il-kumpanija tiegħek f’pajjiż ġdid
Bis-saħħa ta’ konverżjoni transfruntiera, il-kumpanija tiegħek tista’ ċċaqlaq l-uffiċċju reġistrat tagħha għal pajjiż tal-UE ieħor filwaqt li żżomm il-personalità legali tagħha. Dan ifisser li m’hemmx għalfejn xoljiment, stralċ jew likwidazzjoni biex tikkonverti l-kumpanija tiegħek fil-forma legali tal-pajjiż tad-destinazzjoni.
Bħal fil-każ tal-fużjonijiet u d-diviżjonijiet, ir-regoli tal-UE jiżguraw protezzjoni legali għall-azzjonisti, il-kredituri u l-impjegati.
Konverżjoni (bidla fil-forma legali)
Punti ewlenin:
- Il-kumpanija tiegħek iżżomm il-personalità, l-assi, u r-responsabbiltajiet legali tagħha.
- L-azzjonisti tal-kumpanija tiegħek jibqgħu azzjonisti tal-kumpanija konvertita.
- L-uffiċċju reġistrat jiġi trasferit, u l-kumpanija tikkonverti fil-forma legali tal-pajjiż tad-destinazzjoni tal-UE.
- Trid issegwi r-rekwiżiti legali kemm tal-pajjiż li se tħalli kif ukoll tal-pajjiż li sejjer fih.
- Trid tfassal, tapprova u tippubblika l-abbozz tat-termini qabel il-konverżjoni.
Storja bħala eżempju
Ċaqliq ta’ negozju lejn pajjiż ieħor tal-UE
Kumpanija żgħira tat-teknoloġija oriġinarjament irreġistrata l-Italja bħala S.r.l. (il-verżjoni Taljana ta’ kumpanija privata b’responsabbiltà limitata) iddeċidiet li ċċaqlaq il-kwartieri ġenerali tagħha lejn in-Netherlands biex ikollha aċċess aħjar għall-investituri.
Minflok m’għalqet u bdiet kumpanija ġdida, għaddiet minn konverżjoni transfruntiera. Ittrasferiet l-uffiċċju reġistrat tagħha fin-Netherlands u saret B.V. Olandiża, li hija l-ekwivalenti Olandiża ta’ kumpanija privata b’responsabbiltà limitata. Il-kumpanija żammet l-assi, l-impjegati u l-azzjonisti tagħha, iżda minn dak il-mument ’l hemm bdiet topera skont ir-regoli Olandiżi dwar il-kumpaniji u l-governanza.
Tħejjija tal-abbozz tat-termini
Meta l-kumpanija tiegħek tkun involuta f’fużjoni, diviżjoni jew konverżjoni transfruntiera, trid tfassal dokument magħruf bħala l-abbozz tat-termini. Dan id-dokument jistabbilixxi d-dettalji essenzjali tal-operazzjoni ppjanata biex l-azzjonisti, l-impjegati, u l-awtoritajiet rilevanti jkunu jistgħu jifhmu l-ambitu u l-implikazzjonijiet tagħha qabel japprovawha.
X’għandek tinkludi fl-abbozz tat-termini tiegħek
L-abbozz tat-termini għandu jkun fih l-informazzjoni kollha rilevanti tal-operazzjoni, bħal dan li ġej:
- l-isem, il-forma legali, u l-uffiċċju reġistrat tal-kumpaniji involuti, u tal-kumpanija li tirriżulta
- il-proporzjon tal-kambju, kwalunkwe pagament fi flus applikabbli, u t-termini għall-allokazzjoni tal-ishma fil-kumpanija li jirriżultaw mill-operazzjoni transfruntiera (jiġifieri fil-każ ta’ fużjoni jew diviżjoni transfruntiera, kemm jirċievu ishma l-azzjonisti u l-ammont tal-pagamenti fi flus kontanti (jekk applikabbli))
- l-effetti probabbli fuq l-impjegati
- id-data minn meta l-azzjonisti l-ġodda għandhom id-dritt għad-dividenti fil-każ ta’ fużjoni jew diviżjoni
- l-istrumenti ta’ kostituzzjoni u meta applikabbli, l-istatuti tal-kumpanija li tirriżulta mill-operazzjoni transfruntiera
- l-informazzjoni dwar il-proċeduri għall-arranġamenti li l-impjegati għandhom jagħmlu meta jindirizzaw il-membri tal-bord tal-kumpanija li tirriżulta mill-operazzjoni (meta xieraq)
- l-informazzjoni dwar l-evalwazzjoni tal-assi u r-responsabbiltajiet li qed tiġi ttrasferita lill-kumpanija li tirriżulta mill-fużjoni transfruntiera.
Pubblikazzjoni tal-abbozz tat-termini
Trid tiżvela l-abbozz tat-termini mill-inqas xahar qabel id-data tal-laqgħat ġenerali tal-kumpaniji involuti. Dan jista’ jsir billi:
- tippubblika l-abbozz tat-termini fir-reġistru kummerċjali tal-pajjiż tal-UE fejn jinsabu l-kumpaniji
- tippubblika l-abbozz tat-termini fuq is-siti web tal-kumpanija, jekk ikun meħtieġ mil-liġi nazzjonali tal-pajjiż tal-UE fejn tinsab il-kumpanija tiegħek
Approvazzjoni tal-abbozz tat-termini
L-abbozz tat-termini jrid jiġi approvat mill-azzjonisti fil-laqgħat ġenerali tal-kumpaniji involuti fl-operazzjoni transfruntiera.
Tħejjija tar-rapporti għal-laqgħa ġenerali
Normalment għandek tħejji dawn iż-żewġ rapporti qabel il-laqgħat ġenerali. Madankollu, jekk l-azzjonisti kollha tal-kumpaniji involuti jaqblu, tista’ ma tagħmilx ir-rapport tal-esperti indipendenti.
Rapport tal-korp maniġerjali jew amministrattiv
Dan ir-rapport
- jispjega l-implikazzjonijiet legali u ekonomiċi tal-fużjoni, tad-diviżjoni jew tal-konverżjoni għall-azzjonisti u l-impjegati
- irid jinqasam mal-azzjonisti u r-rappreżentanti tal-impjegati (jew mal-impjegati nfushom) mill-inqas 6 ġimgħat qabel id-data tal-laqgħa ġenerali
- jinkludi kwalunkwe opinjoni tal-impjegati jew tar-rappreżentanti tagħhom.
Rapport tal-esperti indipendenti
Dan ir-rapport
- jispjega l-proporzjon tal-kambju tal-ishma u l-kumpens fi flus għall-azzjonisti li jopponu l-approvazzjoni tal-abbozz tat-termini
- irid ikun lest mill-inqas xahar qabel il-laqgħa ġenerali
- jista’ ma jsirx jekk jaqblu l-azzjonisti kollha.
Parteċipazzjoni tal-impjegati
Bħala regola ġenerali, jekk inti l-kumpanija akkwirenti jew li għadha kif ġiet iffurmata, id-drittijiet għall-parteċipazzjoni tal-impjegati – jiġifieri d-drittijiet li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-kumpanija, bħal li jkollok rappreżentanti fil-bord tad-diretturi jew fil-bord superviżorju – huma ddeterminati mir-regoli tal-pajjiż tal-UE fejn hi rreġistrata l-kumpanija tiegħek.
Madankollu, skont ir-regoli tal-operazzjonijiet tal-UE, jekk l-impjegati kellhom tali drittijiet għall-parteċipazzjoni qabel l-operazzjoni (eż. siġġijiet fil-bord maniġerjali), il-kumpanija li tirriżulta trid iżżomm l-istess livell ta’ involviment tal-impjegati.
Jekk il-kumpanija tiegħek (jew kwalunkwe kumpanija involuta) kellha għadd sinifikanti ta’ impjegati – mill-inqas 80 % tal-limitu legali għall-parteċipazzjoni f’pajjiżhom – fi żmien 6 xhur qabel ma tħabbar l-operazzjoni, ma tistax tapplika awtomatikament ir-regoli għall-parteċipazzjoni tal-impjegati tal-pajjiż tad-destinazzjoni tal-UE jew tal-kumpanija li tirriżulta mill-fużjoni jew mid-diviżjoni. Dan biex iwaqqaf lill-kumpaniji milli jevitaw id-drittijiet tal-impjegati permezz ta’ konverżjoni, fużjoni jew diviżjoni f’pajjiż tal-UE bi protezzjonijiet aktar dgħajfa.
Verifiki legali u ċertifikat ta’ qabel l-operazzjoni
Qabel isseħħ l-operazzjoni, l-awtoritajiet f’kull pajjiż tal-UE involut iridu jivverifikaw il-legalità tagħha. Dan tipikament isir minn qorti, nutar jew awtoritajiet kompetenti oħrajn skont il-pajjiż. Ladarba jiġu ssodisfati r-rekwiżiti legali kollha, jinħareġ ċertifikat ta’ qabel l-operazzjoni.
Wara li jsir dan, l-awtorità kompetenti fil-pajjiż tad-destinazzjoni tal-UE (għall-konverżjonijiet) jew fil-pajjiż tal-UE tal-kumpanija li tirriżulta (għall-fużjonijiet u d-diviżjonijiet) se tivverifika
- li l-abbozz tat-termini ġie approvat
- li tħarsu l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni tal-impjegati
- u fil-każ ta’ kumpaniji l-ġodda, il-legalità tal-formazzjoni tagħhom.
Meta jidħol fis-seħħ ir-ristrutturar
L-operazzjoni tidħol fis-seħħ skont il-liġijiet tal-pajjiżi tad-destinazzjoni tal-UE (għall-konverżjonijiet), tal-pajjiż tal-UE tal-kumpanija li tirriżulta mill-fużjoni (għall-fużjonijiet) u tal-pajjiż tal-UE tal-kumpanija li qed tiġi diviża (għad-diviżjonijiet). Ir-reġistri kummerċjali fil-pajjiżi rilevanti tal-UE jridu jinfurmaw lil xulxin ladarba titlesta l-operazzjoni. Se jaġġornaw ukoll ir-rekords tagħhom biex jirriflettu l-formazzjoni tal-kumpaniji l-ġodda jew it-tneħħija tal-kumpaniji xolti.
Aċċessa l-informazzjoni nazzjonali hawn taħt.