Iż-żwieġ
Iż-żwieġ ċivili hu status legali rikonoxxut fil-pajjiżi kollha tal-UE.
Ir-regoli li japplikaw għal sħubijiet bħal unjonijiet ċivili u sħubijiet reġistrati, jew għal unjonijiet de facto huma differenti mir-regoli li japplikaw għaż-żwieġ.
Ir-regoli nazzjonali għaż-żwieġ huma differenti minn pajjiż għal ieħor tal-UE, essenzjalment f'dak li jirrigwardja:
- id-drittijiet u l-obbligi ta’ koppji miżżewġin: pereżempju, dwar il-proprjetà tagħhom, u l-isem ta’ miżżewġin tagħhom
- ir-relazzjoni bejn iż-żwieġ ċivili u dak reliġjuż: xi pajjiżi tal-UE jirrikonoxxu ż-żwieġ reliġjuż bħala ekwivalenti għal żwieġ ċivili, oħrajn le. Jekk tmur tgħix f’pajjiż ieħor tal-UE wara li tkun għamilt żwieġ reliġjuż biss, iċċekkja l-konsegwenzi għall-istat ċivili tiegħek fil-pajjiż tal-UE li mort tgħix fih
- il-possibbiltà għal koppji tal-istess sess li jiżżewġu. Dawn li ġejjin huma l-pajjiżi tal-UE li jagħtu dan id-dritt: l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Portugall, Spanja u l-Iżvezja. Iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess hu possibbli wkoll fl-Iżlanda, fin-Norveġja u fl-Iżvizzera.
Sir af aktar dwar ir-regoli nazzjonali dwar iż-żwieġ u s-sistemi ta’ proprjetà matrimonjali.
Żwiġijiet transfruntieri fl-UE
Dawn jirreferu għal żwiġijiet li jinvolvu pajjiżi differenti tal-UE - pereżempju, għax tiżżewweġ lil xi ħadd ta’ nazzjonalità differenti, jew għax qed tippjana li tmur tgħix f’pajjiż ieħor tal-UE wara li tiżżewweġ.
X’għandek tagħmel qabel it-tieġ
Iċċekkja liema liġijiet ta’ liema pajjiż japplikaw għaż-żwieġ tiegħek u s-sistema tal-proprjetà matrimonjali tiegħek. Dan se jkollu konsegwenzi importanti fuq drittijietek u fuq l-obbligi tiegħek bħala wieħed jew waħda mill-miżżewġin.
Jekk se tiżżewweġ f'pajjiż differenti tal-UE minn dak li qed tgħix fih, iċċekkja mal-awtoritajiet fiż-żewġ pajjiżi tal-UE liema formalitajiet huma meħtieġa biex iż-żwieġ tiegħek ikollu effett sħiħ fiż-żewġ pajjiżi. Dawn jistgħu jinkludu rekwiżiti tar-reġistrazzjoni jew tal-pubblikazzjoni.
X’għandek tagħmel wara t-tieġ
Fil-prinċipju, iż-żwieġ tiegħek se jiġi rikonoxxut fil-pajjiżi kollha tal-UE l-oħra - iżda dan ma japplikax għaż-żwiġijiet tal-istess sess.
Jekk tiżżewweġ f’pajjiż tal-UE li mhux il-pajjiż tal-oriġini tiegħek, hu rakkomandat li tirreġistra ż-żwieġ tiegħek f’pajjiżek. Dan għandu jsir skont ir-regoli nazzjonali f’pajjiżek. Tista’ tiċċekkja wkoll mal-uffiċċju konsulari ta’ pajjiżek jekk tistax tirreġistra ż-żwieġ tiegħek fl-uffiċju konsulari jew jekk tridx tagħmel dan f’pajjiżek.
Twissija
Bħala regola ġenerali, mhux obbligatorju li tirreġistra ż-żwieġ tiegħek fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħek. Madankollu, jekk tixtieq tuża l-istat ċivili tiegħek (pereżempju, għal finijiet ta’ wirt jew ta’ taxxa), fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħek jew f’pajjiż ieħor tal-UE, jista’ jkollok bżonn tirreġistrah fir-reġistru ċivili jew tal-popolazzjoni f’dak il-pajjiż sabiex tikkonforma mar-regoli nazzjonali dwar ir-rikonoxximent taż-żwieġ.
Jekk tmur tgħix f'pajjiż ieħor tal-UE minħabba x-xogħol, żewġek jew martek tista’ tiġi tgħix miegħek hemmhekk. Iċċekkja r-regoli ta’ residenza:
Storja bħala eżempju
Żwieġ bejn żewġ persuni tal-istess sess - meta hemm liġijiet nazzjonali differenti
Emma, ċittadina Belġjana, iżżewġet lil Carine, ċittadina Franċiża, fil-Belġju. Meta Emma kellha tmur tgħix l-Italja minħabba x-xogħol, Carine marret magħha - iżda l-awtoritajiet ma qisuhomx bħala miżżewġin, billi ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess mhux rikonoxxut fl-Italja.
Madanakollu, billi s-sħubijiet irreġistrati bejn koppji tal-istess sess huma aċċettati fl-Italja, Emma u Carine ngħataw l-istess drittijiet bħall-koppji li għandhom sħubijiet irreġistrati skont il-liġi Taljana.