Ir-roaming: meta tuża l-mobile fl-UE

Meta tivvjaġġa barra minn pajjiżek lejn pajjiż ieħor tal-UE, ma tħallasx tariffi addizzjonali biex tuża l-mobile tiegħek. Dan hu magħruf bħala “roaming” jew “roaming daqslikieku f’pajjiżek”. It-telefonati tiegħek (lejn mobiles u lejn telefowns fissi), il-messaġġi testwali (SMS) u l-użu tad-data (ibbrawżjar fuq l-internet, video-streaming, eċċ.) jiġu ċċarġjati bir-rati domestiċi, jiġifieri bl-istess prezz bħat-telefonati, bħall-SMS u bħad-data f’pajjiżek.

L-istess regola tapplika wkoll għal kull telefonata jew SMS li tirċievi meta tkun barra mill-pajjiż. M’intix se tiġi ċċarġjat iżjed biex tirċievi telefonati jew SMS waqt ir-roaming, anke jekk il-persuna li ċċempillek tkun qed tuża fornitur tas-servizzi differenti.

Storja bħala eżempju

L-ebda ħlas ieħor talli ċċempel jew tirċievi telefonati waqt ir-roaming

Michael jgħix l-Irlanda u għandu kuntratt ma’ operatur tal-mobile Irlandiż fejn iħallas €0.10 kull minuta għat-telefonati u €0.05 għall-SMSs fl-Irlanda. Meta jsiefer fuq xogħol lejn Spanja, Michael ma għandux għalfejn jinkwieta fuq ħlasijiet żejda għat-telefonati li jagħmel lil numri tal-UE jew li jirċievi mingħandhom.

Dawk li jċemplulu mill-Irlanda se jkunu ċċarġjati r-rata domestika normali. Jekk Michael iċempel numru lokali Spanjol, lil familtu fl-Irlanda jew lil ħaddieħor f’xi pajjiż ieħor tal-UE, hu jħallas il-prezzijiet domestiċi Irlandiżi – €0.10 il-minuta – għal dawn it-telefonati. L-SMS tiegħu fi Spanja, lejn l-Irlanda jew lejn xi pajjiż ieħor tal-UE se jiswewh €0.05, jiġifieri daqslikieku kien f’pajjiżu.

X’inhu r-roaming?

Ir-roaming hu meta tuża l-mobile tiegħek filwaqt lissiefer, kull tant żmien, barra mill-pajjiż fejn għandek abbonament tal-mobile, jiġifieri l-pajjiż fejn tgħix, taħdem, tistudja jew għandek rabtiet stabbli miegħu.

Sakemm tqatta’ aktar ħin f’pajjiżek milli barra minnu, jew tuża l-mobile tiegħek aktar f’pajjiżek milli barra minnu, titqies li qed roaming. Għaldaqstant, għat-telefonati, għall-SMS u għad-data tiegħek fl-UE se tiġi ċċarġjat il-prezzijiet domestiċi. Dan jitqies “użu ġust tas-servizzi tar-roaming".

Kull meta taqsam fruntiera fl-UE, tirċievi SMS mingħand l-operatur tal-mobile tiegħek biex jgħarrfek li inti qed tuża r-roaming u li jfakkrek dwar il-politika tal-użu ġust tiegħu. L-SMS jgħarrfek dwar il-prezzijiet personalizzati fl-abbonament tiegħek, dwar kwalunkwe servizz li jista’ joħloq tariffi żejda u dwar in-numri tal-kuntatt tal-emerġenza f’dak il-pajjiż.

Twissija

Jekk tuża l-mobile tiegħek barra minn pajjiżek b’mod permanenti, pereżempju jekk tmur tgħix barra minn pajjiżek u tkompli tuża s-SIM card ta’ pajjiżek, l-operatur tal-mobile tiegħek jista’ jiċċarġjak aktar għar-roaming. Madankollu, dawn it-tariffi huma limitati skont il-politika tal-użu ġust.

Il-politika tal-użu ġust (limiti fuq l-użu tad-data)

L-operaturi tal-mobile jista’ jkollhom “politika tal-użu ġust”, jiġifieri jistgħu jimponu limiti fuq l-ammont ta’ data li tista’ tuża bil-prezz domestiku tiegħek. F’ċertu każijiet speċifiċi (ara hawn taħt), jista’ jkollok tħallas iżjed għar-roaming tad-data. Dan il-ħlas addizzjonali ma jistax ikun ogħla mil-limiti massimu fuq il-prezz bl-ingrossa tad-data mal-UE kollha.

Il-limitu massimu fuq id-data fl-2025 hu stabbilit għal €1.30 / GB ta’ data + il-VAT, iżda dan jonqos maż-żmien. Mill-2027 ’il quddiem, dan se jkun limitat għal €1 / GB + il-VAT.

Għandi kard imħallsa minn qabel

Jekk għandek kard imħallsa minn qabel (jiġifieri jekk tħallas bil-quddiem biex tuża l-mobile) tista’ tuża t-telefown tiegħek f’pajjiżi oħrajn tal-UE mingħajr ma tħallas iżjed. Madankollu, jekk tħallas għal kull unità u l-prezz domestiku tal-unità tiegħek għad-data hu anqas minn €1.30 għal kull GB, l-operatur tal-mobile tiegħek jista’ japplika limitu tad-data waqt ir-roaming.

Jekk l-operatur tal-mobile tiegħek japplika limitu fuq il-volum tad-data, dan għandu tal-anqas ikun il-volum miksub meta tiddividi l-bqija tal-kreditu tal-kard tiegħek b’€1.30 malli tibda tuża s-servizzi tar-roaming tad-data. Inti tirċievi l-istess volum ta’ roaming tad-data li ħallast għalih minn qabel. Tista’ żżid il-kreditu tiegħek waqt li tkun imsiefer/imsiefra.

Storja bħala eżempju

Roaming b’kard imħallsa minn qabel: il-limiti tad-data

Jana tgħix is-Slovakkja u għandha kard imħallsa minn qabel bi kreditu ta’ €30 (inkluża l-VAT) għall-mobile tagħha, li jkopri t-telefonati, l-SMS u s-servizzi tad-data. Meta siefret lejn Spanja fuq btala, kien fadlilha €26 (eskluża l-VAT) kreditu fuq il-kard tagħha. Dan ifisser li waqt il-btala tagħha, Jana setgħet tuża volum tad-data daqs l-ammont ta’ kreditu li kien għad baqgħalha fuq il-kard imħallsa minn qabel tagħha. Jiġifieri kellha mill-anqas 20 GB ta’ data tar-roaming (€26 / €1.30 = 20).

Il-kuntratt tiegħi jinkludi data limitata

Jekk għandek kuntratt tal-mobile b’ammont limitat ta’ data, dan l-ammont tista’ tużah meta tkun qed tivvjaġġa fl-UE mingħajr ma tħallas aktar. L-ammont tad-data fil-kuntratt tiegħek hu l-limitu tiegħek waqt ir-roaming.

Madankollu, jekk fil-kuntratt tiegħek għandek prezz tal-unità tad-data tal-mobile irħis ħafna (anqas minn €1.30 / GB fl-2025 u li jonqos maż-żmien), l-operatur tiegħek jista’ japplika limitu tad-data ta’ “użu ġust” waqt ir-roaming. Dan il-limitu jista’ jkun anqas mill-ammont tad-data domestika.

Il-limitu jkun ibbażat fuq il-prezz tal-kuntratt tal-mobile domestiku tiegħek. L-operatur tiegħek għandu javżak minn qabel dwar dan il-limitu u jgħarrfek malli tilħqu. Malli tilħaq il-limitu, imbagħad, tkun tista’ tissokta bir-roaming tad-data, iżda l-operatur tiegħek jista’ jiċċarġjak iżjed. Madankollu, dan il-ħlas addizzjonali ma jistax ikun aktar mil-limitu massimu tad-data bl-ingrossa (€1.30 / GB + il-VAT fl-2025).

Il-kuntratt tiegħi jinkludi data bla limitu

Jekk għandek kuntratt tal-mobile fejn tħallas tariffa fissa fix-xahar u dan jinkludi pakkett ta’ servizzi b’data bla limitu, l-operatur tiegħek xorta jista’ jillimita l-ammont tad-data li tista’ tuża waqt ir-roaming. L-ammont eżatt jiddependi fuq kemm tħallas għall-kuntratt tal-mobile tiegħek. Il-volum tad-data għandu jkun tal-anqas id-doppju tal-ammont miksub meta tiddividi l-prezz tal-kuntratt tal-mobile tiegħek (eskluża l-VAT) bil-limitu massimu tad-data bl-ingrossa (€1.30 + il-VAT fl-2025).

L-operatur tiegħek għandu jgħidlek kemm tista’ tuża data waqt ir-roaming. Jekk taqbeż il-kwota tiegħek waqt ir-roaming, tiġi ċċarġjat aktar. Madankollu, dan il-ħlas addizzjonali ma jistax ikun aktar mil-limitu massimu tad-data bl-ingrossa (€1.30 / GB + il-VAT fl-2025).

Storja bħala eżempju

Kuntratt b’data bla limitu - kwota waqt ir-roaming

Fil-Lussemburgu, Paulina tħallas €13 (eskluża l-VAT) għall-kuntratt tal-mobile tagħha, li jinkludi telefonati bla limitu, SMS u data. Meta tuża l-mobile tagħha waqt btala fl-Italja, hi jkollha telefonati u SMS bla limitu u mill-anqas 20 GB ta’ data. Il-volum tad-data jiġi kkalkulat b’dan il-mod: 2 x (€13 / €1.30) = 20.

Kuntratti oħra

L-operaturi jistgħu wkoll joffru kuntratti mingħajr servizzi tar-roaming jew kuntratti tar-roaming alternattivi mfassla b’mod speċifiku b’tariffi li mhumiex regolati bir-regoli tal-UE, pereżempju jekk tagħżel tariffa differenti, jew jekk tuża r-roaming barra mill-UE. Dawn it-tipi ta’ għażliet trid tkun għamilthom inti stess b’mod speċifiku.

Monitoraġġ tal-użu tar-roaming

Bħala parti mill-politika ta’ użu ġust, l-operatur jista’ jissorvelja u jiċċekkja l-użu tar-roaming tiegħek fuq medda ta’ 4 xhur. Jekk tul dan il-perjodu, tkun qattajt aktar żmien barra milli f’pajjiżek U l-użu tar-roaming tiegħek jaqbeż l-użu domestiku, l-operatur tiegħek jista’ jikkuntattjak u jitolbok tiċċara s-sitwazzjoni tiegħek. Hu jagħtik 14-il jum biex tagħmel dan.

Jekk tibqa’ tqatta’ aktar żmien barra milli f’pajjiżek u l-konsum tar-roaming tiegħek ikompli jaqbeż l-użu domestiku tiegħek, l-operatur jista’ jibda jiċċarġjak iżjed waqt ir-roaming. Dan il-ħlas addizzjonali (eskluża l-VAT) ma jistax ikun ogħla minn

• €0.019 għal kull minuta telefonati

• €0.003 għal kull SMS

• €1.30 għal kull GB ta’ data (il-limitu fl-2025, li se jonqos maż-żmien sakemm mill-2027 ’il quddiem jilħaq it-tariffa ta’ €1 / GB).

Il-fornitur tal-mobile tiegħek għandu japplika awtomatikament limitu massimu waqt ir-roaming. Dan ifisser li meta tilħaq il-konsum totali ta’ €50 iżjed, jew xi limitu ieħor li tagħżel int, il-fornitur tal-mobile tiegħek se jgħarrfek li ma tistax tibqa’ tuża s-servizzi tar-roaming. F’dan il-każ, ikollok il-possibbiltà li tgħarraf lill-fornitur tiegħek li tixtieq tibqa’ tuża r-roaming, anke jekk tkun iċċarġjat iżjed.

Roaming għall-ħaddiema li jaqsmu l-fruntieri

Jekk taħdem f’pajjiż tal-UE u tgħix f’ieħor, tista’ tagħżel operatur tal-mobile minn wieħed mill-pajjiżi u tuża r-roaming b’SIM card mill-pajjiż fejn tgħix jew mill-pajjiż fejn taħdem. F’dan il-każ, il-politika tal-użu ġust tapplika xorta waħda: dment li taqbad imqar darba kuljum man-network tal-operatur domestiku tiegħek, dan ikun jgħodd bħala jum ta’ preżenza fil-pajjiż imnejn xtrajt il-kuntratt (anke jekk terġa’ toħroġ mill-pajjiż dakinhar stess).

Nista’ nuża r-roaming waqt li nkun qed nivvjaġġa bil-vapur jew bl-ajruplan?

Iva, iżda użah b’attenzjoni. M’għandekx tiġi ċċarġjat aktar biex tuża l-mobile tiegħek meta tkun qed tivvjaġġa bil-vapur jew bl-ajruplan, sakemm tkun konness ma’ network mobbli terrestri (ibbażat fuq l-art), eż. f’port, ma’ xmara, fl-ajruport. Iżda jekk is-servizzi tal-mobile jiġu pprovduti permezz ta’ sistemi bis-satelliti, ir-regoli tal-UE ma jibqgħux japplikaw u tiġi ċċarġjat għas-servizzi tar-roaming mhux regolati (mingħajr limitu fuq il-prezz). Biex tevita spejjeż żejda, itfi r-roaming fuq l-apparat tiegħek jew ixgħel il-modalità tat-titjir meta tkun abbord.

Roaming barra l-UE

L-iskema “uża r-roaming daqslikieku f’pajjiżek” hi disponibbli wkoll fil-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea: l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja. Minkejja li l-pajjiżi li jinsabu barra l-UE jew iż-ŻEE mhumiex koperti minn din l-iskema, bosta operaturi għażlu li jestendu dawn l-offerti għal dawn il-pajjiżi wkoll.

L-ispiża tar-roaming (b’mod partikolari r-roaming tad-data) barra mill-UE/miż-ŻEE tista’ tkun għalja. Biex tevita kontijiet għaljin, iċċekkja l-ispiża tar-roaming barra mill-UE mal-fornitur tiegħek qabel ma tivvjaġġa.

Jekk xi ħaġa tmur żmerċ – drittijietek bħala konsumatur

Jekk taħseb li l-fornitur tas-servizz tiegħek ma jħarisx drittijietek, għandek tikkuntattja lill-operatur tiegħek u tuża l-proċedura tal-ilment fis-seħħ.

Jekk ma tkunx sodisfatt(a) bi tweġibiethom tista’ tikkuntattja lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali Iftaħ bħala link estern rilevanti f’pajjiżek, normalment ir-regolatur nazzjonali tat-telekomunikazzjoni, biex jittratta l-każ tiegħek.

Mistoqsijiet frekwenti

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

L-aħħar verifika: 10/06/2025
Ikkondividi din il-paġna