Il-benefiċċji tal-familja

Fl-UE, il- pajjiż responsabbli għas-sigurtà soċjali tiegħek, inklużi l-benefiċċji tal-familja (benefiċċji tat-tfal, benefiċċji tat-trobbija tat-tfal u l-bqija), jiddependi mill-istatus ekonomiku u l-post ta' residenza tiegħek - mhux min-nazzjonalità tiegħek.

Il-liġijiet nazzjonali jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom il-ġenituri jitħallsu benefiċċji tal-familja. Normalment, il-ġenituri huma intitolati għal benefiċċji f'pajjiż partikulari tal-UE:

  • jekk jaħdmu hemmhekk
  • jekk jirċievu pensjoni statali taħt l-iskema tas-sigurtà soċjali ta' dak il-pajjiż (pereżempju pensjoni tax-xjuħija, tal-invalidità jew tas-superstiti)
  • jew sempliċement jekk jgħixu hemmhekk.

Oqgħod attent li l- benefiċċji tal-familja jvarjaw ħafna fl-Ewropa.

Il-familja kollha tiegħek tgħix f'pajjiż wieħed

Jekk tmur tgħix flimkien mal-membri kollha ta' familtek f' pajjiż ieħor tal-UE u int kopert biss mis-sistema tas-sigurtà soċjali ta' dak il-pajjiż, se tkun suġġett għall-iskema ta' benefiċċji tal-familja tal-pajjiż li qed jospitak.

Madankollu, jekk int tiġi kollokat taħdem f'pajjiż barrani għal żmien qasir (anqas minn sentejn) filwaqt li tibqa' kopert mis-sigurtà soċjali ta' pajjiżek, pajjiżek se jkun responsabbli biex iħallas il-benefiċċji tal-familja tiegħek.

Int u familtek tgħixu f'pajjiżi differenti

Jekk membri ta' familtek ma jgħixux fil-pajjiż fejn int inxurjat, tista' tkun intitolat għal benefiċċji tal-familja minn pajjiżi differenti.

L- awtoritajiet nazzjonali rilevanti jqisu s-sitwazzjonijiet taż-żewġ ġenituri mbagħad jiddeċiedu liema pajjiż għandu r-responsabbiltà primarja li jħallas il-benefiċċji. Id-deċiżjoni tagħhom tkun ibbażata fuq "regoli ta' prijorità".

Ir-regoli ta' prijorità

  • Ġeneralment, il-pajjiż ewlieni responsabbli li jipprovdi l-benefiċċji jkun il-pajjiż fejn id-dritt ta' familtek hu bbażat fuq ix-xogħol (int jew l-ex konjugu tiegħek intom impjegati jew taħdmu għal raskom)
  • Jekk id-dritt tiegħek hu bbażat fuq xogħol (impjieg jew xogħol għal rasek) fiż-żewġ pajjiżi, il-pajjiż fejn jgħixu wliedek hu responsabbli jekk wieħed mill-ġenituri jgħix hemm. Inkella l-pajjiż fejn jitħallsu l-ogħla benefiċċji jkun responsabbli.
  • Jekk id-dritt tiegħek hu bbażat fuq pensjoni fiż-żewġ pajjiżi, il-pajjiż fejn jgħixu wliedek hu responsabbli jekk dan il-pajjiż iħallas waħda mill-pensjonijiet. Inkella l-pajjiż fejn kont inxurjat jew fejn għext l-aktar fit-tul ikun responsabbli.
  • Jekk id-dritt tiegħek hu bbażat fuq ir-residenza fiż-żewġ pajjiżi, il-pajjiż fejn jgħixu wliedek ikun primarjament responsabbli.

Is-supplimenti

Jekk il-benefiċċji li tirċievi mill-pajjiż "ewlieni" ikunu anqas minn dawk li kieku tieħu mill-pajjiż "sekondarju" fejn kellek ukoll drittijiet, il- pajjiż sekondarju jħallsek suppliment ekwivalenti għad-differenza bejn iż-żewġ benefiċċji. B'hekk, int żgurat li tirċievi l-massimu ta' benefiċċji intitolat għalihom.

Il-ġenituri divorzjati

Jekk int iddivorzjat/a u r-raġel jew il-mara li kellek j/tirċievi l-benefiċċji iżda ma j/tużahomx għal uliedek, tista' tikkuntattja lill- awtorità tal-benefiċċji tal-familja fil-pajjiż fejn jgħixu wliedek biex titlob li l-benefiċċji jitħallsu direttament lilek minflok, peress li int il-persuna li fil-fatt tmantni l-familja.

Fejn għandek tapplika għall-benefiċċji tal-familja?

Tista' tapplika għall-benefiċċji tal-familja fi kwalunkwe pajjiż tal-UE fejn uliedek jew il-ġenitur l-ieħor huma intitolati għall-benefiċċji. L-awtorità fil-pajjiż fejn tapplika se taqsam l-applikazzjoni tiegħek mal-pajjiżi kollha li huma kompetenti fil-każ tiegħek.

Jekk tapplika għall-benefiċċji fil-ħin f'pajjiż wieħed, titqies li applikajt fil-ħin fi kwalunkwe pajjiż ieħor tal-UE fejn għandek id-drittijiet għall-benefiċċji tal-familja. Ma jistgħux jirrifjutaw li jagħtuk il-benefiċċji li int intitolat għalihom jekk il-pajjiż fejn applikajt għall-ewwel darba bagħat id-dokumenti tiegħek tard wisq lill-awtorità kompetenti f'pajjiż ieħor.

Twissija

Iċċekkja mal-awtoritajiet nazzjonali liema skadenzi japplikaw għall-benefiċċji tal-familja. Jekk taqbeż l-iskadenza, tista' titlef id-drittijiet tiegħek.

L-awtoritajiet nazzjonali huma obbligati li jikkooperaw flimkien u jiskambjaw kull informazzjoni meħtieġa biex jittrattaw l-applikazzjoni tiegħek. Biex tegħleb id-diffikultajiet relatati mal-lingwa, l-amministrazzjonijiet nazzjonali jużaw dokumenti standard meta jiskambjaw l-informazzjoni.

Il-benefiċċji tal-familja jvarjaw ħafna fl-Ewropa.

Il-pajjiżi tal-UE huma liberi li jistabbilixxu r-regoli tagħhom dwar l-inititolament għall-benefiċċji u s-servizzi. Il-pajjiżi kollha joffru benefiċċji tal-familja iżda l-ammonti u l-kundizzjonijiet ivarjaw ħafna. F'ċerti pajjiżi tirċievi pagamenti regolari, mentri f'pajjiżi oħra s-sitwazzjoni familjali tiegħek tista' twassal għal żieda fil-benefiċċji tat-taxxa minflok ħlasijiet.

Biex jiġu evitati l-miżinterpretazzjonijiet potenzjalment serji li jista' jkollhom impatt kbir fuq id-dħul ġenerali tiegħek, fittex dwar is- sistemi tas-sigurtà soċjali fil-pajjiż li qed jospitak.

Hawnhekk tista' ssib informazzjoni speċifika dwar il-benefiċċji tal-famiilja fil-pajjiż li hu responsabbli li jagħtihomlok:

  • Ċipruen
  • Franzaen
  • iċ-Ċekjaen
  • id-Danimarkaen
  • il-Belġjuen
  • il-Bulgarijaen
  • il-Finlandjaen
  • il-Ġermanjaen
  • il-Greċjaen
  • il-Kroazjaen
  • il-Latvjaen
  • il-Liechtensteinen
  • il-Litwanjaen
  • il-Lussemburguen
  • il-Pajjiżi l-Baxxien
  • il-Polonjaen
  • il-Portugallen
  • in-Norveġjaen
  • ir-Rumanijaen
  • is-Slovakkjaen
  • is-Slovenjaen
  • l-Awstrijaen
  • l-Estonjaen
  • l-Irlandaen
  • l-Islandaen
  • l-Isvezjaen
  • l-Isvizzeraen
  • l-Italjaen
  • l-Ungerijaen
  • Maltaen
  • Spanjaen

Il- konsulenti dwar l-impjiegi Ewropej ġeneralment jistgħu jipprovdu wkoll informazzjoni bażika dwar benefiċċji tal-familja li tkun intitolat għalihom fil-pajjiż il-ġdid tiegħek.

Mistoqsijiet frekwenti

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 04/04/2024
Ikkondividi din il-paġna