Reġimi tal-proprjetà għall-koppji internazzjonali

Ir-regoli tal-UE dwar ir-reġimi tal-proprjetà jagħmluha eħfef għall- koppji internazzjonalili huma miżżewġin jew f'partnership reġistrat biex jimmaniġġjaw il-proprjetà fuq bażi ta' kuljum, u biex jiddividuha f'każ ta' separazzjoni jew ta' mewt ta' wieħed jew waħda mill-miżżewġin / mill-partners.

Koppji internazzjonali tirreferi għaż-żwiġijiet u l-partnerships reġistrati bejn ċittadini ta' nazzjonalità tal-UE jew mhux tal-UE li:

  • jgħixu fl-UE u jkollhom nazzjonalitajiet differenti, jew
  • jgħixu f'pajjiż tal-UE li mhux il-pajjiż tal-oriġini tagħhom, jew
  • ma jgħixux fl-UE iżda jkollhom assi f'pajjiż tal-UE.

Regoli u proċeduri

Ir-regoli tal-UE dwar ir-reġimi tal-proprjetà tal-koppji internazzjonali japplikaw fi 18-il pajjiż tal-UE: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Portugall, is-Slovenja, Spanja u l-Iżvezja.

Dawn ir-regoli jiddeterminaw:

  • il-qorti tal-pajjiż tal-UE kompetenti li tittratta ma' kawża dwar ir-reġimi tal-proprjetà tal-koppja
  • il-liġi applikabbli għall-każ (din tista' tkun il-liġi ta' pajjiż tal-UE jew il-liġi ta' pajjiż mhux tal-UE, u
  • ir-regoli għar-rikonoxximent u l-inforzar f'pajjiż tal-UE ta' deċiżjonijiet mogħtija f'pajjiż ieħor tal-UE.

Twissija

Il-Polonja, l-Ungerija, id-Danimarka, l-Irlanda, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, is-Slovakkja u r-Rumanija ma japplikawx ir-regoli tal-UE dwar ir-reġimi tal-proprjetà tal-koppji internazzjonali. Il-liġi nazzjonali tapplika f'dawn il-pajjiżi.

Ir-regoli tal-UE dwar ir-reġimi tal-proprjetajiet ta' koppji internazzjonali ma jkoprux il-kwistjonijiet relatati:

  • mad-drittijiet legali tal-miżżewġin jew partners
  • mal-eżistenza, il-validità jew ir-rikonoxximent ta' żwieġ jew partnership (il-kompetenza tad-definizzjoni tal-familja u ż-żwieġ taqa' taħt il-liġi nazzjonali)
  • l-obbligi ta' manteniment bejn miżżewġin jew partners wara separazzjoni jew divorzju
  • is-suċċessjoni għall-patrimonju ta' miżżewweġ/a jew partner deċedut/a.

Storja bħala eżempju

Ir-regoli tal-UE dwar ir-reġimi tal-proprjetà jġibu ċertezza legali

Alain, ċittadin Franċiż hu miżżewweġ lil Marie ċittadina Belġjana. Huma żżewġu fil-Belġju u jgħixu hemm b'mod permanenti. Fin-nuqqas ta' ftehim dwar l-għażla tal-liġi, ir-reġim tal-proprjetà tagħhom se jkun iggvernat bil-liġi Belġjana. Sentejn wara, huma xtraw villeġġatura fi Franza b'żieda mal-proprjetà tagħhom fil-Belġju.

Jekk il-koppja tiddivorzja, il-qorti kompetenti tal-pajjiż tal-UE li tittratta d-divorzju tagħha tittratta wkoll id-diviżjoni tal-proprjetà tagħha (dan se jinkludi l-proprjetajiet tagħha kemm fi Franza kif ukoll fil-Belġju).

Liema pajjiż għandu ġurisdizzjoni?

Mewt, divorzju/separazzjoni legali, xoljiment ta' partnership reġistrat

F'każ ta' mewt tal-mara/ir-raġel / tal-partner tiegħek il-qorti kompetenti tal-pajjiż tal-UE li tittratta l-wirt tal-mara/ir-raġel / tal-partner tiegħek tittratta wkoll il- kwistjonijiet tar-reġim tal-proprjetà tal-koppja tagħkom.

L-istess, il- qorti kompetenti tal-UE li tittratta d-divorzju / is-separazzjoni legali jew max-xoljiment tal-partnership reġistrat tagħkom tittratta l- kwistjonijiet tar-reġim tal-proprjetà tagħkom.

Każijiet oħrajn

F'każijiet oħra, il-qorti kompetenti li tittratta r-reġimi tal-proprjetà tal-koppja tiegħek se tkun il-qorti fil-pajjiż tal-UE:

  • tar-residenza abitwali attwali taż-żewġ miżżewġin/partners, jew fin-nuqqas ta' dan
  • tal-aħħar residenza abitwali taż-żewġ miżżewġin/partners, jew fin-nuqqas ta' dan
  • tar-residenza abitwali tar-rispondent, jew fin-nuqqas ta' dan
  • tan-nazzjonalità komuni tal-miżżewġin / tal-partners, jew fin-nuqqas ta' dan
  • taħt liema liġi kien irreġistrat il-partnership reġistrat.

Għażla tal-ftehim dwar il-qorti

Apparti każijiet ta' wirt jew ta' divorzju / ta' separazzjoni legali jew ta' xoljiment tal-partnership reġistrat, bħala miżżewweġ/miżżewġa jew partner tista' taqbel mal-miżżewweġ/miżżewġa jew mal-partner biex tfasslu għażla ta' ftehim tal-qorti (bil-miktub, iffirmat u ddatat miż-żewġ partijiet). Tista' tagħżel jew:

  • il-qrati tal-pajjiż tal-UE li l-liġi tiegħu hi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà tiegħek jew
  • il-qrati tal-pajjiż tal-UE fejn iż-żwieġ tiegħek kien konkluż jew fejn kien irreġistrat il-partnership tiegħek.

Jekk pajjiż tal-UE jikkunsidra li żwieġ jew il-partnership reġistrat ma jistax jiġi rikonoxxut għall-finijiet ta' proċedimenti tar-reġim tal-proprjetà, inti tista' tressaq il-każ tiegħek quddiem qorti fi kwalunkwe pajjiż ieħor tal-UE fejn jeżisti fattur ta' rabta.

Liġi applikabbli u għażla ta' ftehim dwar il-liġi

Bħala miżżewweġ/a jew partner reġistrat, tista' tiftiehem mal-mara / mar-raġel jew il-partner tiegħek biex tfassal għażla formali ta' ftehim dwar il-liġi (bil-miktub, iffirmat u ddatat miż-żewġ partijiet) biex tagħżlu l-liġi li tapplika għar-reġim tal-proprjetà tagħkom. Għażla ta' ftehim dwar il-liġi tista' titfassal qabel, qabel ma jsir iż-żwieġ jew il-partnership reġistrat jew matulu. Il-miżżewġin jew il-partners jistgħu jagħżlu l-liġi:

  • tal-pajjiż ta' residenza taż-żewġ miżżewġin / partners jew ta' wieħed jew waħda minnhom jew,
  • tal-pajjiż taċ-ċittadinanza ta' wieħed mill-miżżewġin jew mill-partners, jew
  • tal-pajjiż fejn ġie rreġistrat l-partnership tiegħek, jekk int f'partnership reġistrat.

Twissija

Skont ir-regoli tal-UE, il-liġi tal-pajjiż (pajjiż tal-UE jew mhux tal-UE) li tapplika għar-reġim tal-proprjetà tiegħek tkopri l-assi tiegħek kollha, irrispettivament minn fejn jinsabu.

Jekk ma għamiltx għażla formali ta' ftehim dwar il-liġi, il-liġi applikabbli tkun il-liġi tal-pajjiż:

  • tal-ewwel residenza abitwali komuni tal-miżżewweġ/a wara ż-żwieġ
  • tan-nazzjonalità komuni tal-miżżewġin fil-mument taż-żwieġ
  • li miegħu l-miżżewġin flimkien ikollhom l-aktar rabtiet mill-qrib fil-mument taż-żwieġ, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi kollha
  • fejn ġie reġistrat l-partnership tiegħek, jekk int f'partnership reġistrat.

Rikonoxximent u inforzar tad-deċiżjonijiet tal-qorti

Deċiżjonijiet tal-Qorti dwar kwistjonijiet ta' proprjetà mogħtija f'pajjiż wieħed tal-UE huma rikonoxxuti f'pajjiżi oħrajn tal-UE mingħajr ebda proċedura speċjali. Madankollu, l-inforzar tagħhom mhux awtomatiku u jeħtieġ dikjarazzjoni ta' eżegwibbiltà. Il-pajjiż tal-UE ta' inforzar jista' jirrifjuta li jirrikonoxxi d-deċiżjoni tal-qorti jekk hi:

  • manifestament inkompatibbli mal-politika pubblika
  • tikkontradixxi kwalunkwe deċiżjoni preċedenti tal-qorti dwar l-istess kwistjoni.

Strumenti awtentiċi (spiss atti notarili) huma rikonoxxuti u inforzati bl-istess mod bħala deċiżjonijiet tal-qorti.

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

L-aħħar verifika: 10/10/2023
Ikkondividi din il-paġna