Saħħa u sikurezza fuq ix-xogħol
L-obbligi ta’ min iħaddmek
Min iħaddmek irid jiżgura s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema kollha tiegħu. Dan ifisser li min iħaddmek, fost rekwiżiti oħra, irid iwettaq valutazzjoni tar-riskju biex jidentifika r-riskji kollha li jaf tkun espost għalihom u jistabbilixxi miżuri preventivi u protettivi.
Ir-rekwiżiti dettaljati għall-valutazzjonijiet tar-riskji jistgħu jvarjaw minn pajjiż għal ieħor iżda jridu dejjem jinkludu l-identifikazzjoni, il-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji, inkluż għall-ħaddiema partikolarment vulnerabbli. Min iħaddmek irid jipprovdilek informazzjoni u taħriġ dwar is-saħħa u s-sikurezza li jkopru eż. l-ewwel għajnuna, it-tifi tan-nar, jew il-miżuri għall-evakwazzjoni tal-bini. Bħala ħaddiem, inti u/jew ir-rappreżentanti tiegħek għandkom id-dritt li tiġu kkonsultati dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mas-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol.
F’kull pajjiż tal-UE, il-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom jistgħu jilmentaw mal-awtorità responsabbli għas-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol jekk jaraw li l-miżuri meħuda mhumiex adegwati.
L-obbligi tiegħek bħala ħaddiem
Id-dettalji tar-regoli għall-ħaddiema jistgħu jvarjaw minn pajjiż għal ieħor, iżda bħala regola ġenerali, inti trid tieħu l-passi biex tipproteġi saħħtek u s-sikurezza tiegħek waqt li tkun fuq ix-xogħol kif ukoll is-saħħa u s-sikurezza ta’ persuni oħra affettwati mill-azzjonijiet jew min-nuqqasijiet tiegħek. Dan jinkludi lil min iħaddmek u l-kollegi tiegħek.
Trid issegwi wkoll it-taħriġ u l-istruzzjonijiet mogħtija minn min iħaddmek biex tiżgura li l-ambjent tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol speċifiċi għall-qasam tiegħek ma joħolqu l-ebda riskju għas-saħħa u s-sikurezza.
Regoli nazzjonali u tal-UE
Teżisti leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali f’ħafna oqsma, li l-pajjiżi kollha tal-UE jridu japplikaw. Għal aktar dettalji dwar l-obbligi u d-drittijiet speċifiċi għal min iħaddem u għall-ħaddiema f’pajjiżek, iċċekkja r-regoli mill-awtorità nazzjonali rilevanti.