L-aħħar verifika : 21/12/2018

Trasport u konsenja

Jekk ma tiġborx ix-xiri tiegħek mill-ewwel jew jekk ordnajtu biex jitwassallek id-dar in-negozjant għandu jwassalhulek sa 30 jum – sakemm ma taqbilx speċifikament dwar ħin ta' konsenja differenti.

Spejjez tal-konsenja

Jeħtieġlek dejjem tkun informat b'mod ċar dwar il- prezz totali għax-xiri tiegħek, inkluż il-konsenja u spejjeż relatati oħrajn.

In-negozjant jista' jiċċarġjak prezz differenti biex iwassal oġġetti lejn pajjiż ieħor tal-UE. Dan jista' jiġi ġġustifikat, peress li l-ispejjeż postali mhumiex l-istess fil-pajjiżi kollha tal-UE.

Jeħtieġlek tagħti l-kunsens espliċitu tiegħek għal kwalunkwe spiża addizzjonali, pereżempju jekk in-negozjant jixtieq joffrilek il-konsenja express, jew bit-tgeżwir f'karta tar-rigali. L-użu ta' kaxxa ttikkjata minn qabel fis-sit web tan-negozjant ma tikkostittwixxix kunsens ta' din ix-xorta u se tkun intitolat għal rimborż ta' kwalunkwe pagament li jkun inġabar b'dan il-mod.

Oġġetti danneġġjati

In-negozjant hu responsabbli għal kwalunkwe ħsara lill-oġġetti tiegħek minn meta jintbagħtu sakemm tirċevihom.

Għalhekk, jekk meta tirċievi xi ħaġa li ordnajt, tiskopri li l-oġġetti tiegħek huma difettużi jew li ma jaħdmux kif suppost, inti intitolat li titlob biex dawn jissewwew, jitbiddlu, jew, meta la waħda u l-anqas l-oħra ma jkunu possibbli, tista' titlob għal tnaqqis fil-prezz jew għal rimborż.

Ftakar li dejjem għandek minimu ta' sentejn garanzija bla ħlas, irrispettivament jekk xtrajtx l-oġġetti tiegħek minn ħanut jew minn xi mkien ieħor, pereżempju online, permezz ta' katalgu jew bit-telefown. Skopri aktar dwar il- garanziji u r-ritorni.

Konsenja mitlufa

Jekk ma tirċevix l-oġġetti tiegħek fi żmien 30 jum, jew fiż-żmien miftiehem, jeħtieġlek tfakkar lin-negozjant u tagħtih limitu ta' żmien addizzjonali raġonevoli għall-konsenja. Pereżempju, jekk in-negozjant infurmak li l-konsenja tiegħek se tittardja b'ġimgħa minħabba problemi mal-fornituri tiegħu għandek tikkunsidra li tagħtih dik il-ġimgħa żejda.

Jekk il-konsenja min-negozjant tibqa' ma ssirx fil-limitu ta' żmien estiż inti intitolat li ttemm il-kuntratt tiegħek u li tkun rimborżat malajr kemm jista' jkun. M'għandekx għalfejn tagħti lin-negozjant żmien addizzjonali jekk jirrifjuta li jikkonsenja jew meta perjodu ta' konsenja miftiehem hu essenzjali, pereżempju, jekk ikollok bżonn l-oġġetti għal avveniment speċifiku, bħal libsa għal tieġ, u tkun infurmajt lill-kummerċjant dwar dan minn qabel.

Storja bħala eżempju

Tista' tikkanċella ordni jekk l-oġġetti ma jaslulekx fil-ħin miftiehem

F'nofs Novembru Andrej mis-Slovakkja ordna kaxxa nbid online mill-Italja għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied tal-familja tiegħu. L-inbid ma wasalx qabel il-Milied.

Billi l-prodott ma wasalx fi żmien 30 jum, anki minkejja li fakkar in-negozjant u tah ftit taż-żmien żejjed għall-konsenja, Andrej intitolat għal rimborż min-negozjant.

Mistoqsijiet frekwenti

Leġiżlazzjoni tal-UE

Bżonn ta' aktar tagħrif dwar ir-regoli f'pajjiż speċifiku?

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Ikkondividi din il-paġna: