Twettiq ta' negozju
L-aħħar verifika : 24/01/2019

Il-garanziji u r-ritorn tal-oġġetti

Skont ir-regoli tal-UE, negozjant irid isewwi, jibdel, inaqqas il-prezz jew jagħtik rimborż jekk l-oġġetti li tkun xtrajt jirriżultaw bil-ħsara jew ma jidhrux jew ma jaħdmux kif ikunu ġew irriklamati.

Jekk tkun xtrajt prodott jew servizz online jew barra minn ħanut (bit-telefown, bil-posta, mingħand bejjiegħ bieb bieb), xorta għandek id-dritt li tikkanċella jew tirritorna l-ordni fi żmien 14-il ġurnata, għal kwalunkwe raġuni u mingħajr ġustifikazzjoni.

Aktar informazzjoni dwar:

Garanziji legali għal oġġetti bil-ħsara

Garanzija ta' sentejn mingħajr ħlas għall-oġġetti kollha

Int dejjem għandek dritt għal minimu ta' sentejn garanzija legali mingħajr ħlas, irrispettivament jekk xtrajtx l-oġġetti online, f'ħanut jew b'ordni postali.

Din il-garanzija ta' sentejn hija dritt minimu tiegħek, madankollu r-regoli nazzjonali f'pajjiżek jistgħu jagħtuk protezzjoni speċjali.

Jekk xi oġġetti li xtrajt fl-UE jirriżultaw bil-ħsara jew ma jidhrux jew ma jaħdmux kif irreklamati, il-bejjiegħ ikollu jsewwihom jew jibdilhom bla ħlas, jew inaqqaslek fil-prezz jew jagħtik rimborż sħiħ.

Normalement int se tkun tista' titlob għal rimborż parzjali jew sħiħ biss meta ma jkunx possibbli jew konvenjenti biex jissewwew jew jinbidlu l-oġġetti.

Jista' jkun li ma tkunx intitolat għall-flus lura jekk il-problema tkun żgħira, bħal xi girfa fuq il-kaxxa ta' CD.

Garanziji addizzjonali (garanziji u warranties kummerċjali)

Il-ħwienet jew il-manifatturi ħafna drabi joffrulek garanzija kummerċjali addizzjonali (dik li tissejjaħ ukoll " warranty"), jew billi jinkluduha fil-prezz tal-prodott jew għal prezz addizzjonali.

Din tista' tagħtik protezzjoni aħjar iżda qatt ma tista' tieħu l-post jew tnaqqas il-garanzija legali minima ta' sentejn, li dejjem se jkollok taħt ir-regoli tal-UE.

Bl-istess mod, jekk ħanut ibigħlek prodott ġdid irħas u jiddikjara li m'għandekx garanzija, dan ifisser biss li m'għandekx kwalunkwe protezzjoni addizzjonali. Xorta għandek id-dritt għal sentejn garanzija legali bla ħlas biex tfittex rimedju jekk il-prodott jinzerta difettuż jew mhux kif irreklamat.

Storja bħala eżempju

Il-garanzija legali tiegħek ta' sentejn ma tistax titqassar minn garanzija kummerċjali

Carla xtrat magna tat-tnixxif tax-xagħar b'garanzija tal-bejjiegħ ta' sitt xhur. Meta kellha l-ħsara wara tmin xhur, ħaditha lura l-ħanut. Tal-ħanut qalilha li l-garanzija tagħha kienet skadiet, u li ma kinitx eleġibbli għal flusha lura.

Carla korrettament qalet li kellha sentejn garanzija legali bla ħlas skont il-liġi tal-protezzjoni tal-konsumatur tal-UE, u li l-garanzija ta' sitt xhur tal-bejjiegħ sempliċiment tatha servizzi addizzjonali. Il-ħanut qabel li jibdel il-magna tat-tnixxif tax-xagħar.

Oġġetti użati

Oġġetti użati li tixtri mingħand negozjant huma wkoll koperti mill-garanzija legali minima ta' sentejn. Madankollu, l-oġġetti mixtrija mingħand individwi privati mhumiex koperti.

F'ċerti pajjiżi tal-UE, meta tixtri oġġetti użati tista' tiftiehem man-negozjant dwar perjodu ta' garanzija ta' inqas minn sentejn. Madankollu, m'għandhiex tkun ta' anqas minn sena u għandha tkun ċara fi żmien ix-xiri.

Kif l-oġġetti tiegħek jistgħu jissewwew, jinbidlu jew tingħata rimborż għalihom

Il-perjodu ta' sentejn garanzija legali jibda malli tirċievi l-oġġetti tiegħek. Jekk l-oġġetti tiegħek jinkisru fi żmien dawn is-sentejn, in-negozjant dejjem irid jipprovdi soluzzjoni għalik. F'xi pajjiżi tal-UE għandek ukoll id-dritt li titlob rimedju mill-manifattur.

  • Jekk il-prodott tiegħek jinkiser fi żmein sitt xhur, hu preżunt li l-problema kienet hemm meta rċevejt l-oġġetti, sakemm in-negozjant ma jippruvax mod ieħor. Għalhekk, għandek id-dritt għal tiswija jew sostituzzjoni bla ħlas, jew jekk din tirriżulta li tkun diffiċli jew għalja wisq, tista' tiġi offrut tnaqqis fil-prezz jew tingħata flusek lura.
  • Jekk il-prodott tiegħek jinkiser fi żmien sitt xhur, xorta għandek id-dritt għal tiswija jew sostituzzjoni bla ħlas, jew, għall-inqas, tnaqqis fil-prezz jew tingħata flusek lura. Madankollu, jista' jkollok bżonn li tipprova li l-problema kienet teżisti meta rċevejt l-oġġetti.

Iċ- Ċentru Ewropew tal-Konsumatur f'pajjiżek jista' jgħinek jekk għandek problema bl-oġġetti li xtrajt f'pajjiż ieħor tal-UE.

Għal informazzjoni aktar dettaljata dwar drittijietek skont il-liġi nazzjonali, iċċekkja r-regoli speċifiċi dwar il-garanziji legali u l-garanziji kummerċjali għall-pajjiż fejn wettaqt ix-xiri:

Id-dritt tiegħek li tikkanċella jew tirritorna ordni

Perjodu ta' "cooling off" ta' 14-il ġurnata

Fl-UE, jekk tkun xtrajt prodott jew servizz online jew barra minn ħanut bħal bit-telefown, bil-posta jew mingħand bejjiegħ bieb bieb, xorta għandek id-dritt li tirritorna l-ordni fi żmien 14-il ġurnata. Tista' tagħmel dan għal kwalunkwe raġuni – anke jekk sempliċiment ikun reġa' bdielek.

Il-perjodu ta' "cooling off" ta' 14-il ġurnata ma japplikax għall-affarijiet mixtrija kollha. Ċerti eżenzjonijiet huma:

  • biljetti tal-ajru u tal-ferrovija, kif ukoll biljetti tal-kunċerti, prenotazzjonijiet ta' akkomodazzjoni, riżervazzjonijiet ta' kiri tal-karozzi u servizzi ta' forniment tal-ikel għal dati speċifiċi
  • oġġetti u xorb li jitwasslulek b'kunsinna regolari – pereżempju kunsinna mingħand tal-ħalib.
  • oġġetti magħmulin apposta jew personalizzati b'mod ċar – bħal libsa magħmula minn ħajjat
  • software awdjo, tal-vidjow jew tal-kompjuter issiġillat, bħal DVDs, li tkun neħħejtilhom is-siġill meta tkun irċevejthom
  • kontenut diġitali online, jekk tkun diġà bdejt tiddawnlowdjah jew tagħmel streaming u qbilt li titlef id-dritt ta' rtirar tiegħek billi tibda tużah
  • oġġetti li tkun xtrajt mingħand individwu privat u mhux mingħand kumpanija
  • kuntratti ta' tiswijiet u manutenzjoni urġenti – jekk iċċempel lil plamer biex isewwilek xawer li qed jillikja, ma tistax tikkanċella x-xogħol jekk tkun qbilt fuq il-prezz tas-servizz.

Kun af li din il-lista mhijiex eżawrjenti.

Il-perjodu ta' "cooling off" jiskadi 14-il ġurnata wara l-ġurnata li fiha tirċievi l-affarijiet. Għal kuntratti ta' servizzi, il-perjodu ta' "cooling off" jiskadi 14-il ġurnata wara l-ġurnata li jispiċċa l-kuntratt. Jekk il-perjodu ta' "cooling off" jiskadi f'ġurnata li ma tkunx tax-xogħol, id-data ta' għeluq tiġi estiża sal-ġurnata tax-xogħol li jkun imiss.

Storja bħala eżempju

Ma jistax jerġa' jibdielek għal xi tipi ta' xiri

Jane xtrat biljett minn fuq l-internet għal kunċert tal-U2 fl-Irlanda. L-għada ntebħet li se tkun imsiefra fid-data tal-kunċert u ppruvat tikkanċella l-biljett. Madankollu, in-negozjant online rrifjuta li jikkanċella l-ordni jew li jagħtiha rimborż, peress li l-perjodu ta' "cooling off" ta' 14-il ġurnata ma japplikax għax-xiri ta' biljetti ta' kunċert.

Jekk tixtri oġġetti f'ħanut fiżiku, m'għandek ebda dritt legali tal-UE li tirritorna l-oġġetti (għal tibdil jew rimborż) sakemm l-oġġett ma jkunx difettuż. Madankollu, ħafna ħwienet, b'mod volontarju, jippermettu lill-konsumaturi li jirritornaw jew ibiddlu l-oġġetti matul ċertu perjodu ta' żmien, sakemm għandek l-irċevuta. Iċċekkja l-irċevuta tiegħek u l-politika ta' ritorn tal-ħanut fejn tkun xtrajt għal aktar informazzjoni.

 

Kif tikkanċella xiri

Trid tgħid lin-negozjant li trid tikkanċella x-xiri. Mhux biżżejjed li tibgħat l-oġġetti lura biss. In-negozjant irid jagħtik formola mudell tal-irtirar, li tista' tuża biex tinfurmah bid-deċiżjoni tiegħek iżda m'hemmx għalfejn tużaha. Tista' tinforma lin-negozjant u tibgħat l-oġġetti tiegħek lura fl-istess ħin, pereżempju, billi żżid dikjarazzjoni bil-miktub mal-oġġetti li tkun qed tibgħat lura bil-posta, billi tibgħat email, jew billi timla l-formoli online tas-sit web tan-negozjant.

Trid tibgħat l-oġġetti mhux użati lura fi żmien 14-il ġurnata minn meta tkun infurmajt lin-negozjant.

Xi negozjanti jistgħu ma jitolbux ħlas biex tibgħat lura l-oġġetti tiegħek. Madankollu, huma għandhom jgħidulek bil-quddiem (qabel ma tordna) jekk ikollokx tħallas jekk tiddeċiedi li tirritorna l-ordni tiegħek. Jekk ma jinfurmakx li trid tħallas, in-negozjant ikollu jħallas l-ispiża tar-ritorn. Ma trid tħallas ebda tariffa li ma tkunx ġejt infurmat dwarha.

Għal oġġetti kbar (bħal tagħmir tad-dar kbir jew għamara) in-negozjant irid jagħtik tal-inqas stima tal-ispiża biex tirritornahom. L-oġġetti kbar mixtrija barra l-ħanut, pereżempju minn fuq il-katalgu jew mingħand bejjiegħ bieb bieb u li jkunu twasslulek immedjatament, madankollu, dejjem iridu jinġabru min-negozjant bi spejjeż tiegħu.

Kif tikseb rifużjoni

In-negozjant irid jagħtik rimborż fi żmien 14-il ġurnata minn meta jirċievi t-talba tal-kanċellazzjoni tiegħek. Madankollu, jista' jdum iktar biex jibgħatlek ir-rimborż jekk ma jkunx irċieva l-oġġetti jew evidenza li int tkun bgħatthom.

Ir-rimborż tiegħek għandu jinkludi wkoll il-flus li nfaqt għall-posta meta ordnajt l-oġġett. Madankollu, in-negozjant jista' jiċċarġjak spejjeż tal-kunsinna jekk tkun speċifikament tlabt għal kunsinna mhux standard (pereżmpju kunsinna express). 

Mistoqsijiet frekwenti

Leġiżlazzjoni tal-UE

Bżonn ta' aktar tagħrif dwar ir-regoli f'pajjiż speċifiku?

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Ikkondividi din il-paġna: