L-obbligi ta’ min iħaddem b’rabta mal-pensjonijiet
Skont ir-regoli tal-UE, min iħaddem għandu obbligi legali speċifiċi relatati kemm mal-pensjonijiet statutorji (il-pensjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-istat) kif ukoll mal-pensjonijiet okkupazzjonali supplimentari.
Il-pensjonijiet tas-sigurtà soċjali
Għalkemm kull pajjiż tal-UE huwa responsabbli għall-ġestjoni tas-sistema tal-pensjonijiet tiegħu, ir-regoli tal-UE jiżguraw li jkun hemm koordinazzjoni bejniethom jekk ikun hemm element transfruntier f’sitwazzjoni ta’ ħaddiem.
Bħala impjegatur, trid tirreġistra lill-impjegati fis-sistema tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż fejn ikunu jaħdmu. Jekk impjegati jiċċaqilqu lejn pajjiż ieħor tal-UE biex jaħdmu għalik, trid tiżgura li jkunu rreġistrati fis-sistema tas-sigurtà soċjali nazzjonali u li jħallsu l-kontribuzzjonijiet f’konformità mar-regoli lokali.
Meta l-ħaddiema jiġu biex jirtiraw, kull pajjiż li fih ikunu ħadmu jikkalkula l-intitolament tal-pensjoni tagħhom separatament, fuq il-bażi tal-perjodi ta’ assigurazzjoni li jkunu akkumulaw f’kull pajjiż. L-impjegati rtirati mbagħad jirċievu pagamenti separati minn kull pajjiż.
Twissija
Hija r-responsabbiltà tiegħek li tiżgura li l-impjegati jkunu koperti minn sistema nazzjonali waħda biss kull darba u li tikkoordina mal-awtoritajiet rilevanti biex jiġi evitat kwalunkwe nuqqas ta’ kopertura. Dan ma jfissirx li trid tirreġistra n-negozju tiegħek bħala entità legali f’kull pajjiż fejn timpjega n-nies.
Jekk impjegati jintbagħtu jaħdmu temporanjament f’pajjiż ieħor (għal perjodu sa 24 xahar), trid tapplika għalformola tad-dokument portabbli A1, biex l-impjegati jinżammu taħt is-sistema tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż minn fejn
ikunu ntbagħtu.
Il-pensjonijiet okkupazzjonali supplimentari
Il-pensjonijiet okkupazzjonali supplimentari huma pensjonijiet ipprovduti permezz ta’ skema stabbilita minn min iħaddem jew mis-sħab soċjali flimkien, b’mod separat mill-pensjonijiet statutorji.
Jekk impjegati jitilqu mill-kumpanija tiegħek u jmorru f’pajjiż ieħor, trid tiżgura li d-drittijiet akkumulati tal-pensjoni supplimentari tal-impjegati ma jintilfux. Dan ifisser li l-impjegati ma jitilfux il-benefiċċji tal-pensjoni li jkunu kisbu sa dak il-punt. Barra minn hekk, id-drittijiet inattivi tal-pensjoni tagħhom iridu jiġu ttrattati l-istess bħal dawk tal-ħaddiema li qatt ma ċċaqilqu lil hinn mill-fruntiera - sal-mument meta jsir il-ħlas tal-pensjoni.
Lill-impjegati trid tagħtihom informazzjoni ċara u dettaljata dwar id-drittijiet tal-pensjoni supplimentari tagħhom, speċjalment meta jkunu jixtiequ jitilqu mill-kumpanija u jmorru f’pajjiż ieħor. Fost l-oħrajn trid tagħtihom informazzjoni dwar kif jiġu kkalkulati l-benefiċċji, dwar kif jiġu mantnuti, u dwar il-kundizzjonijiet għall-kapitalizzazzjoni u t-trasferiment eventwali tad-drittijiet tal-pensjoni akkwiżiti.
Jekk impjegati jkunu jridu jikkapitalizzaw u jittrasferixxu d-drittijiet tal-pensjoni supplimentari tagħhom għal skema tal-pensjoni ġdida f’pajjiż ieħor, fejn ikun possibbli għandek tipprova tiffaċilita l-proċess. Madankollu, mhux l-iskemi kollha jippermettu li jsiru trasferimenti, u dan jiddependi fuq ir-regolamenti nazzjonali u fuq ir-regoli speċifiċi tal-fornitur tal-pensjoni.
Trid tiżgura wkoll li ż-żmien li l-impjegati jridu jkunu rreġistrati fi skema tal-pensjoni qabel ma jiksbu d-drittijiet ma jkunx itwal minn tliet snin.
L-iskemi tal-pensjonijiet pan-Ewropej
Jekk topera f’aktar minn pajjiż wieħed, ikkunsidra li tuża fornitur transfruntier tal-pensjonijiet, magħruf ukoll bħala Istituzzjoni għall-Provvista ta' Rtirar Okkupazzjonali (IORP). Dan jiffaċilitalek il-ġestjoni tal-pensjonijiet fil-pajjiżi kollha u jiżgura li tkun qed timxi mar-regoli tal-UE.
Bħala impjegatur, il-kompitu ewlieni tiegħek huwa li tagħżel IORP li tissodisfa l-istandards kollha meħtieġa. Ikollok bżonn tivverifika l-istrateġija tagħhom fir-rigward tal-governanza u l-investiment, inklużi l-fatturi ambjentali, soċjali, u ta’ governanza (ESG).
Tkun trid tara wkoll kif tagħmilha faċli għall-impjegati biex jittrasferixxu l-pensjoni tagħhom minn pajjiż għall-ieħor jekk jagħżlu li jagħmlu dan. Dan ifisser li trid tagħżel IORP li tkun kapaċi tiġġestixxi t-trasferimenti internazzjonali tal-pensjonijiet u li żżomm lill-impjegati infurmati dwar il-pensjoni tagħhom u dwar kwalunkwe spejjeż assoċjati magħha.
Sir af x’inhuma l-obbligi li għandu min iħaddem fir-rigward tal-pensjonijiet f’pajjiżek: