Biex tibda negozju

Jekk tixtieq tibda kumpanija ġdida, huwa importanti li tifhem ir-regoli u proċeduri rilevanti tal-UE kif ukoll x’finanzjament u riżorsi hemm biex jgħinuk.

X’tista’ tagħmel?

Bħala ċittadin tal-UE int intitolat li:

  • tistabbilixxi n-negozju tiegħek (anke bħala kummerċjant waħdieni) fi kwalunkwe pajjiż tal-UE, fl-Iżlanda, fin-Norveġja, jew fil-Liechtenstein
  • tistabbilixxi fergħa sussidjarja ta’ negozju eżistenti bbażat fl-UE li diġà hu rreġistrat f’pajjiż tal-UE

Ir-rekwiżiti

Ir-rekwiżiti jvarjaw skont il-pajjiż. Madankollu, l-UE tħeġġeġ lill-pajjiżi kollha biex jilħqu ċerti standards sabiex jgħinu fil-ħolqien ta’ kumpaniji ġodda. Xi eżempji:

  • l-istabbiliment ta' negozju f’mhux aktar minn tlett ijiem tax-xogħol
  • spiża ta’ anqas minn €100
  • it-tlestija tal-proċeduri kollha permezz ta’ korp amministrattiv uniku
  • it-tlestija tal-formalitajiet tar-reġistrazzjoni kollha online

Il-forom ġuridiċi komuni ta’ kumpaniji fl-UE

Skont il-pajjiż li jkun, tista’ tagħżel minn fost diversi strutturi ġuridiċi. Kull struttura għandha regoli differenti dwar ir-responsabbiltà, it-taxxi, il-kostijiet tal-istabbiliment, u s-sjieda. Din hija l-istampa ġenerali fi ftit kliem:

  • Imprenditur individwali (kummerċjant waħdieni) Negozju li jkun proprjetà ta’ persuna waħda u operat minnha. Iżżomm il-profitti kollha għalik, iżda tkun personalment responsabbli għal kwalunkwe djun jew kwistjonijiet legali. Dan huwa l-eħfef u l-orħos tip ta’ negozju li tista’ toħloq.
  • Kumpanija b’Responsabbiltà Limitata (LLC / Ltd / SARL / GmbH / Srl eċċ.) Entità kummerċjali ġuridikament separata. L-assi personali tiegħek ikunu protetti mid-djun u l-obbligazzjonijiet tan-negozju. Ġeneralment ikunu meħtieġa kontribuzzjoni ta’ kapitali minimu u reġistrazzjoni formali.
  • Sħubija kummerċjali Negozju bejn żewġ individwi jew aktar li fih is-soċji solidali jaqsmu bejniethom kemm ir-responsabbiltajiet tal-ġestjoni kif ukoll l-obbligazzjonijiet.
  • Kooperattiva Negozju li jkun proprjetà tal-membri tiegħu, li jiġġestuh flimkien u li jaqsmu bejniethom il-profitti u t-teħid tad-deċiżjonijiet. Spiss din l-istruttura tintuża f’setturi bħall-agrikoltura, is-servizzi, il-bejgħ bl-imnut, u l-akkomodazzjoni.
  • Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE) Forma ġuridika għall-UE kollha għall-kooperattivi li joperaw f’diversi pajjiżi tal-UE. Din tippermetti li l-kooperattivi jingħaqdu flimkien, joperaw, jew jiċċaqalqu minn pajjiż għal ieħor fl-ambitu ta’qafas legali unifikat.
  • Kumpanija Ewropea (SE) Forma ġuridika tal-UE għal kumpaniji pubbliċi kbar b’responsabbiltà limitata li joperaw madwar l-UE. Din tissimplifika l-operazzjonijiet transfruntieri u tippermetti struttura komuni f’diversi pajjiżi tal-UE.
  • Grupp Ewropew b’Interess Ekonomiku (GEIE) Struttura ġuridika tal-UE li tippermetti li membri minn pajjiżi differenti jaħdmu flimkien fuq attivitajiet ekonomiċi billi jaqsmu r-riżorsi jew il-ħiliet, mingħajr ma jitilfu l-indipendenza tagħhom. Il-membri jistgħu jkunu kumpaniji, organizzazzjonijiet, jew individwi, iżda mill-inqas tnejn iridu jkunu ġejjin minn pajjiżi differenti tal-UE.

Twissija

Il-forom ġuridiċi jistgħu jingħataw ismijiet differenti f’kull pajjiż — u r-regoli, it-taxxi, u r-rekwiżiti kapitali jvarjaw. Dejjem ivverifika x’inhuma r-regoli nazzjonali qabel ma tirreġistra n-negozju tiegħek.

Ir-reġistrazzjoni tan-negozju tiegħek u l-ksib tal-permessi

Ladarba tkun għażilt struttura ġuridika u tkun lest biex tibda topera, normalment ikollok tirreġistra n-negozju tiegħek u, f’xi każijiet, tapplika għal permessi jew liċenzji speċifiċi.

Ġew stabbiliti Punti ta’ Kuntatt Waħdieni (PSC) f’kull pajjiż tal-UE biex jgħinu fis-simplifikazzjoni ta’ proċeduri bħar-reġistrazzjoni ta’ kumpanija ġdida u l-ksib ta’ kwalunkwe permess jew liċenzja meħtieġa. Għalkemm il-PSCs jiffukaw prinċipalment fuq kumpaniji li jipprovdu s-servizzi, xi aspetti tas-servizzi li joffru japplikaw ukoll għal tipi oħrajn ta’ kumpaniji. Barra minn hekk, xi PSCs jagħmlu parti mill-portali tal-gvern elettroniku li jkopru lill-kumpaniji kollha.

Ir-reġistrazzjoni għall-VAT u l-obbligi

Il-biċċa l-kbira tan-negozji li joperaw fl-UE jridu jirreġistraw għat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT). Jista’ jagħti l-każ li jkollok bżonn tirreġistra malli l-fatturat tiegħek jaqbeż ċertu limitu massimu — jew qabel, skont l-attività kummerċjali tiegħek (speċjalment fil-każ tal-bejgħ transfruntier jew tas-servizzi diġitali).

Ladarba tirreġistra, se tintalab tibda tiġbor il-VAT, tippreżenta d-dikjarazzjonijiet, u żżomm rekords xierqa.

Il-kontabbiltà

Il-kumpaniji ta’ kwalunkwe daqs fl-UE jridu jikkompilaw u jżommu dikjarazzjonijiet annwali. Abbażi tal-għadd ta’ nies li tħaddem, il-karta tal-bilanċ tiegħek, u l-fatturat annwali tiegħek, tista’ potenzjalment tibbenefika minn rekwiżiti ta’ rapportar simplifikati jew simplifikati ħafna.

Ir-reklutaġġ tal-impjegati

Jekk qed tippjana biex timpjega l-persunal, trid issegwi r-regoli tal-UE u dawk nazzjonali dwar il-kuntratti tal-impjieg, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, u s-sigurtà soċjali. Ġeneralment, l-impjegaturi huma responsabbli biex jirreġistraw lill-impjegati, joħolqu ambjenti tax-xogħol bla perikli, u jissodisfaw l-istandards minimi tax-xogħol.

Il-finanzjament u s-sostenn

Hemm diversi proġetti apposta biex jgħinu lin-negozji li għadhom jibdew fl-UE:

  • Startup Europe issaħħaħ l-opportunitajiet ta’ networking bejn l-istartups ta’ teknoloġija għolja, l-iscaleups, l-investituri, l-aċċelleraturi, in-networks tal-intrapriżi, l-universitajiet, u l-midja.
  • Is-Sħubija Startup Europe hi pjattaforma ta’ innovazzjoni miftuħa pan-Ewropea integrata li tgħin lill-aqwa scaleups tal-UE biex jikbru.
  • Il-Portal InvestEU jiġbor flimkien l-investituri u l-promoturi tal-proġetti abbażi ta’ bażi tad-data unika għall-UE kollha ta’ opportunitajiet ta’ investiment.
  • L-Aċċelleratur tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC) jagħti sostenn lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u lill-istartups biex jespandu n-negozji tagħhom b’għotjiet u investimenti.
  • L-Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ hu programm ta’ skambju transfruntier għan-negozji li joffri lill-imprendituri ġodda l-possibbiltà li jikkollaboraw ma’ imprenditur ta’ esperjenza minn pajjiż Ewropew ieħor.

Aqra dwar il-programmi ta’ finanzjament tal-UE u kif tikseb aċċess għall-finanzjament.

Ara ukoll:

Hawn taħt issib ir-regoli nazzjonali biex tibda negozju.

Ara wkoll

Għal intrapriżi u intraprendituri
Għal konsumaturi u impjegati

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Għandek xi mistoqsijiet dwar kif topera negozju transfruntier, pereżempju l-esportazzjoni jew l-espansjoni lejn pajjiż ieħor tal-UE? Jekk hu l-każ, Enterprise Europe Network jista’ jagħtik pariri b’xejn.

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

L-aħħar verifika: 30/10/2025
Ikkondividi din il-paġna