L-Ekotikketta tal-UE
L-Ekotikketta tal-UE tgħin lill-konsumaturi, lill-bejjiegħa bl-imnut, u lin-negozji jagħmlu għażliet sostenibbli. Aktar 100,000 prodott (oġġetti u servizzi) madwar l-UE diġà għandhom l-Ekotikketta tal-UE, li jfisser li jikkonformaw ma’ kriterji ekoloġiċi rigorużi u jħallu inqas impatt fuq l-ambjent.
Il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE huma ddefiniti għal firxa wiesgħa ta’ gruppi ta’ prodotti. Ara jekk il-prodott jew is-servizz tiegħek huwiex eliġibbli.
Il-benefiċċji
L-Ekotikketta tal-UE toffri benefiċċji ċari lin-negozji:
- Tirbaħ il-fiduċja: L-Ekotikketta tal-UE hija ċertifikazzjoni affidabbli u vverifikata minn parti terza.
- Turi impenn: Agħti prova li l-prodott tiegħek jissodisfa standards ambjentali stretti.
- Tgawdi minn opportunitajiet għan-negozji u tiffranka l-ispejjeż: L-Ekotikketta tal-UE, li hija rrikonoxxuta fil-pajjiżi kollha tal-UE, toħloq opportunitajiet filwaqt li tippromwovi l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi.
- Issaħħaħ ir-reputazzjoni tiegħek: Uri d-dedikazzjoni tiegħek favur is-sostenibbiltà.
Storja bħala eżempju
Azzjoni favur is-sostenibbiltà: negozju żgħir u l-Ekotikketta tal-UE
Carlos għandu negozju żgħir tas-sapun fi Spanja u jixtieq li n-nies isiru jafu bil-prattiki tiegħu favur l-ambjent. Huwa jiskopri l-Ekotikketta tal-UE u jiddeċiedi li japplika. L-ewwel nett, jivverifika jekk is-sapun tiegħu jissodisfax il-kriterji u jikkuntattja lill-entità li għandha l-kompetenza tal-Ekotikketta tal-UE f’pajjiżu biex jibda l-proċess tal-applikazzjoni.
Jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar il-prodotti tiegħu u jittestjahom f’laboratorju ċċertifikat biex jagħti prova tal-konformità mal-istandards stretti tal-Ekotikketta tal-UE. Wara li l-applikazzjoni tiegħu tiġi studjata u approvata, Carlos jiffirma ftehim tal-liċenzja. Bl-Ekotikketta tal-UE fuq l-imballaġġ tiegħu, huwa jinnota li l-fiduċja tal-klijenti u l-bejgħ jiżdiedu, u b’hekk isaħħaħ ir-reputazzjoni tal-marka tiegħu bħala waħda favur is-sostenibbiltà.
Kif tapplika?
Hemm proċess tal-applikazzjoni li fih 7 stadji. It-tikketta tingħata mill-organizzazzjoni nazzjonali rilevanti (l-entità kompetenti) li tipproċessa l-applikazzjoni tiegħek.
It-tariffi
It-tariffi jvarjaw skont il-pajjiż tal-UE fejn tiġi sottomessa l-applikazzjoni u skont id-daqs tan-negozju tiegħek. Trid tiċċekkja t-tariffi speċifiċi li japplikaw f’pajjiżek, iżda dan huwa x’tista’ tistenna b’mod ġenerali:
Tariffa ta’ darba mal-applikazzjoni
L-entità kompetenti se titlob tariffa għall-ipproċessar tal-applikazzjoni:
- €200 – €350 għall-mikrointrapriżi
- €200 – €600 għall-SMEs u għal kumpaniji minn pajjiżi li qed jiżviluppaw
- €200 – €2,000 għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.
Skontijiet:
- Tnaqqis ta’ 30% għall-kumpaniji rreġistrati fl-EMAS (l-Iskema ta’ Ġestjoni u Verifika Ambjentali)
- Tnaqqis ta’ 15% għall-kumpaniji ċċertifikati skont l-ISO 14001
L-iskontijiet tal-EMAS u tal-ISO mhumiex kumulattivi — japplika biss l-ogħla skont
Tariffa annwali
L-entità kompetenti tista’ titolbok tħallas tariffa annwali għall-Ekotikketta. Din tista’ tkun tariffa fissa, jew tariffa bbażata fuq il-bejgħ annwali tal-prodott fl-UE.
Jekk tintalab tariffa annwali u inti SME, mikrointrapriża, jew kumpanija minn pajjiż li qed jiżviluppa, int eliġibbli għal tnaqqis ta’ 25%.
Tariffi tal-ispezzjonijiet
Jista’ jkollok tħallas ukoll tariffi għall-ispezzjonijiet, li jkopru l-ittestjar fil-laboratorju, l-awditi, jew kontrolli oħrajn imwettqin minn partijiet terzi biex tiġi żgurata l-konformità mal-kriterji tal-ekotikketta. Dawn it-tariffi trid tħallashom direttament lill-fornituri tas-servizzi li jwettqu l-ispezzjonijiet. L-ammont speċifiku jiddependi fuq il-kategorija tal-prodott u fuq il-kumplessità tal-ittestjar li jkun meħtieġ.
Twissija
Dejjem ivverifika t-tariffi speċifiċi li japplikaw f’pajjiżek u kkuntattja lill-entità nazzjonali tiegħek li għandha l-kompetenza tal-Ekotikketta tal-UE għal aktar tagħrif u assistenza.
Ikseb aċċess għal informazzjoni fuq bażi nazzjonali minn hawn taħt.