Soluzzjoni alternattiva għat-tilwim
Soluzzjoni alternattiva għat-tilwim
Jekk għandek tilwima ma' konsumatur u trid tevita li tidħlu l-qorti, tista’ tirrikorri għas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim. Meta mqabbla mal-proċeduri tal-qorti, is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim ħafna drabi ddum inqas, hija aktar sempliċi, u ddaħħlek f’inqas spejjeż. Dan it-terminu jiddeskrivi l-modi differenti kollha għas-soluzzjoni ta' lment li ma jinvolvux li wieħed imur il-qorti. Jista' jkun li ltqajt miegħu bħala “medjazzjoni”, “konċiljazzjoni”, “arbitraġġ”, “ombudsman”, jew “bord tal-ilmenti”.
Int jew il-konsumatur titolbu lil parti terza newtrali biex tintervjeni u taġixxi bħala intermedjarju bejnietkom; din il-parti terza newtrali tissejjaħ korp tas-soluzzjoni għat-tilwim. Dan il-korp jista’ jissuġġerixxi soluzzjoni għall-ilment, jimponi soluzzjoni fuq iż-żewġ partijiet, jew sempliċement ilaqqagħhom flimkien biex jiddiskutu kif tista’ tinstab soluzzjoni.
Skont il-leġiżlazzjoni tal-UE, il-korpi tas-soluzzjoni għat-tilwim jiġu evalwati mill-Istati Membri u jridu jissodisfaw għadd ta’ rekwiżiti ta’ kwalità li jiggarantixxu li joperaw b’mod effettiv, ġust, imparzjali, indipendenti, u trasparenti meta jindirizzaw it-tilwim tiegħek. Normalment il-każ jingħalaq fi żmien 90 jum.
Għandek aċċess għal dawn il-korpi b’rabta mat-tilwim kuntrattwali kollu li jista' jkollok mal-klijenti tiegħek fil-pajjiżi kollha tal-UE. Sib korp għas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim f'pajjiżek.
Soluzzjoni alternattiva għat-tilwim tista’ tiffrankalek l-ispejjeż tal-litigazzjoni u tiffaċilita l-bejgħ ta’ oġġetti u servizzi f’pajjiżek jew barra minn pajjiżek, online jew offline. Tista’ tgħinek ukoll biex tħares ir-reputazzjoni tan-negozju tiegħek u tibqa’ tgawdi relazzjonijiet tajbin mal-klijenti.
Consumer Law Ready
Consumer Law Ready hu programm mifrux madwar l-UE, li joffri korsijiet ta’ taħriġ bla ħlas dwar il-liġi tal-konsumatur għall-mikrointrapriżi u l-SMEs. Tista’ tapplika biex tattendi kors ta’ taħriġ f’pajjiżek biex tiżgura li l-SME tiegħek tkun aġġornata mal-liġi tal-konsumatur.
Jekk tippreferi titgħallem bil-pass tiegħek, irreġistra biex taċċessa l-materjal edukattiv. Imbagħad, tkun tista’ tagħmel test elettroniku u tikseb ċertifikat li jivvalida dak li tkun tgħallimt.
Agħti daqqa t’għajn lejn il-portal tal-Consumer Law Ready en biex issir taf kif tirreġistra.