L-assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni

X’inhi l-assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni?

L-assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni tgħin lill-esportaturi biex jiggarantixxu l-pagamenti u l-kuntratti kummerċjali b’rabta ma’ xerrejja barranin u jibqgħu kompetittivi fis-swieq internazzjonali billi tipproteġi lill-esportatur jew inkella lill-istituzzjoni finanzjarja li tkun qed tiffinanzja t-tranżazzjoni. Tkopri kemm ir-riskji kummerċjali (bħall-falliment, l-insolvenza, jew il-ħlas tard) kif ukoll ir-riskji politiċi (bħall-gwerra, is-sanzjonijiet, jew trasferimenti imblukkati ta’ muniti).

L-assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni mhijiex obbligatorja fl-UE, iżda fil-prattika l-partijiet ikkonċernati bħall-banek jew l-investituri jistgħu jagħmluha rekwiżit biex inaqqsu r-riskju tagħhom jekk jinvestu f’negozju li jesporta. Il-liġi tal-UE tirregola kif tiġi offruta l-assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni.

Kif taħdem l-assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni

Meta negozju jbigħ oġġetti barra mill-UE, ix-xerrej spiss iħallas aktar tard bil-kreditu. Biex jitnaqqas ir-riskju li tinqala’ xi kwistjoni dwar il-pagament, negozju jista’ jagħmel assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni. Jekk ix-xerrej iħallas fil-ħin, ma jiġri xejn. Iżda jekk ix-xerrej jispiċċa ma jħallasx minħabba insolvenza, avvenimenti politiċi, jew problemi oħrajn, l-assiguratur jintervjeni u jirrimborża l-biċċa l-kbira tat-telf, ġeneralment bejn wieħed u ieħor minn 80% sa 95% tat-tranżazzjoni. Hemm żewġ tipi ta’ assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni: dik privata u dik sostnuta mill-gvern.

L-assigurazzjoni privata tal-kreditu għall-esportazzjoni fl-UE

L-assigurazzjoni privata tal-kreditu għall-esportazzjoni joffruha kumpaniji tal-assigurazzjoni kummerċjali u tintuża prinċipalment għal tranżazzjonijiet kummerċjali fuq terminu qasir, normalment sa sentejn. Tipproteġi lill-esportaturi kontra riskji komuni marbutin max-xerrej, fosthom:

  • l-insolvenza,
  • il-falliment,
  • il-ħlas tard.

Hija aċċessibbli faċilment għall-esportazzjonijiet regolari ta’ oġġetti. Dawn ir-riskji kummerċjabbli huma definiti fir-rigward ta’ swieq sikuri u żviluppati fejn l-assiguraturi privati jitqiesu bħala li jistgħu jipprovdu kopertura. L-assiguraturi privati joperaw liberament fis-suq tal-UE skont il-qafas ġenerali tal-liġi tal-UE fil-qasam tal-assigurazzjoni. Dawn ir-riskji speċifiċi normalment ma jkunux jistgħu jiġu assigurati minn skemi sostnuti mill-gvern, għax huma koperti minn regoli differenti.

L-assigurazzjoni sostnuta mill-Gvern tal-kreditu għall-esportazzjoni fl-UE

L-assigurazzjoni sostnuta mill-Gvern tal-kreditu għall-esportazzjoni tiġi pprovduta jew garantita minn aġenziji pubbliċi tal-kreditu għall-esportazzjoni (ECAs) PDF en . Din l-assigurazzjoni tkopri żewġ tipi: esportazzjonijiet fuq terminu medju u twil, li jinvolvu termini ta’ ripagament ta’ sentejn jew aktar. Esportazzjonijiet fuq terminu medju u twil spiss ikunu marbutin ma’ proġetti akbar u kumplessi bħal ordnijiet jew infrastruttura tal-inġenji tal-ajru. Għall-kuntrarju tal-assiguraturi privati, l-ECAs ikopru r-riskji politiċi u kummerċjali li s-suq privat ma jkoprix, fosthom

  • il-gwerra,
  • is-sanzjonijiet,
  • ir-restrizzjonijiet fuq it-trasferiment tal-munita.

Dawn jitqiesu bħala swieq ta’ riskju għoli li s-settur privat ġeneralment jevitahom. L-appoġġ sostnut mill-gvern huwa soġġett għar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, fir-rigward tal-esportazzjonijiet fuq terminu medju u twil, japplika l-qafas internazzjonali magħruf bħala l-Arranġament tal-OECD, li jipprovdi interpretazzjoni komuni tal-użu tal-krediti għall-esportazzjoni u jiżgura kundizzjonijiet ekwi fost il-11-il parteċipant tiegħu (inkluża l-UE) (magħrufin ukoll bħala “firmatarji”). Għalkemm huwa maħsub bħala sett ta’ linji gwida, l-arranġament huwa obbligatorju għall-pajjiżi tal-UE.

Twissija

Tinsiex tivverifika jekk il-fornitur ikunx ECA uffiċjali jew assiguratur tal-UE liċenzjat.
Il-fornituri privati jridu jkunu liċenzjati bħala assiguraturi f’pajjiż tal-UE u joperaw skont ir-regoli tal-UE dwar is-solvenza. Dan tista’ tivverifikah permezz tar-regolatur tal-assigurazzjoni nazzjonali tiegħek (eż. il-BaFin fil-Ġermanja u l-ACPR fi Franza).

Storja bħala eżempju

L-esperjenza ta’ Anna bl-esportazzjoni

Anna għandha impriża żgħira li tagħmel id-dawl LED industrijali fil-Ġermanja, li tesporta lejn distributuri ta’ daqs medju madwar l-Ewropa u fl-Afrika ta’ Fuq. Bdiet billi elenkat ma’ liema xerrejja taħdem u f’liema pajjiżi qegħdin. Meta rrealizzat li l-biċċa l-kbira tal-bejgħ tagħha kien isir bi vjeġġi fit-tul, taklbet għal kwotazzjonijiet mingħand assiguraturi privati u vverifikat jekk l-aġenzija Ġermaniża tal-kreditu għall-esportazzjoni setgħetx tgħin għal swieq potenzjalment aktar riskjużi waqt li kienet fil-proċess li tespandi n-negozju tagħha. Anna applikat online għall-polza li l-aktar li kienet taqbel għall-ħtiġijiet tal-kuntratti tal-esportazzjoni li kellha fis-seħħ. Issa tista’ tesporta b’aktar sigurtà u tespandi fi swieq ġodda li altrimenti ma jkunux aċċessibbli mingħajr sostenn uffiċjali.

Skopri kif taħdem l-assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni f’pajjiżek:

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Għandek xi mistoqsijiet dwar kif topera negozju transfruntier, pereżempju l-esportazzjoni jew l-espansjoni lejn pajjiż ieħor tal-UE? Jekk hu l-każ, Enterprise Europe Network jista’ jagħtik pariri b’xejn.

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

L-aħħar verifika: 15/12/2025
Ikkondividi din il-paġna