L-aħħar verifika: 24/06/2022

Il-kuntratti konklużi mal-konsumaturi

Il-liġi tal-UE tistabbilixxi wħud mir-rekwiżiti ta' ġustizzja u trasparenza għall-kuntratti li int tiffirma mal-konsumaturi.

Liema termini kuntrattwali huma kkonċernati?

L-informazzjoni hawn taħt tikkonċerna biss il-bejgħ lil konsumaturi li jixtru barra mill-isfera professjonali tagħhom. Ma tapplikax jekk tbigħ lil negozji oħrajn.

Ir-rekwiżiti tal-UE japplikaw għal kwalunkwe terminu kuntrattwali li ma ġiex negozjat individwalment mal-konsumatur, bħal termini kuntrattwali standard tas-soltu abbozzati minn qabel. Kemm is-suġġett prinċipali tal-kuntratt tiegħek u l-aspetti ta' valur għall-flus huma speċifikament esklużi.

Ħu nota li jekk tixtieq tistrieħ fuq il-fatt li l-kuntratt ġie nnegozjat individwalment, jeħtieġ li tkun tista' turi dan.

Il-kuntratti għandhom ikunu ġusti

It-termini kuntrattwali standard użati matul in-negozju tiegħek, kemm jekk jissejħu "termini u kundizzjonijiet" u kemm jekk jagħmlu parti minn kuntratt dettaljat, għandhom ikunu ġusti.

Skont il-liġi tal-UE, it-termini kuntrattwali standard m'għandhomx:

Għandek taġixxi in bona fede, filwaqt li tqis l-interessi leġittimi tal-konsumaturi, billi tittrattahom b'mod ġust u ekwu.

Termini kuntrattwali inġusti mhumiex vinkolanti

Jekk termini speċifiċi f'kuntratt huma inġusti, dawn mhumiex vinkolanti għall-konsumaturi u ma tistax tistrieħ fuqhom, avolja l-konsumatur ikun iffirma l-kuntratt.

Sakemm it-terminu inġust mhux element essenzjali tal-kuntratt, il-bqija tal-kuntratt (iżda mhux it-terminu inġust) jibqa' jorbot lilek u lill-konsumatur.

Il-kuntratti għandhom ikunu trasparenti

It-termini kuntrattwali għandhom ikunu abbozzati f'lingwa ċara, li tinftiehem. It-termini kuntrattwali mhux biss iridu jkunu grammatikalment ċari iżda l-konsumatur irid ikun kapaċi jifhem il-konsegwenzi ekonomiċi tagħhom.

Twissija

Oqgħod attent li kwalunkwe ambigwitajiet se jiġu interpretati favur il-konsumatur.

Eżempji ta' termini potenzjalment inġusti

Minbarra r-rekwiżit ġenerali ta' "bona fede" u ta' "bilanċ", ir-regoli tal-UE fihom lista ta' termini kuntrattwali speċifiċi li jistgħu jitqiesu inġusti.

Dawn huma xi sitwazzjonijiet fejn it-termini kuntrattwali jistgħu jitqiesu inġusti skont ir-regoli tal-UE:

1. Responsabbiltà meta konsumatur imut jew iweġġa'

Termini li jeskludu/jillimitaw ir-responsabbiltà tiegħek jekk konsumatur imut jew iweġġa' minħabba att/ommissjoni min-naħa tiegħek.

2. Kumpens jekk ma tonorax dak li twiegħed

Termini li jeskludu/jillimitaw b'mod inadegwat id-drittijiet tal-konsumaturi għal kumpens jekk ma twettaqx il-parti tiegħek tal-kuntratt.

3. Klawsola li tippermettilek tiżloq mill-kuntratt

Termini li jippermettulek tiżloq milli tipprovdi servizz sempliċement għax ma jgħoddux għalik, iżda li xorta waħda jorbtu lill-konsumatur.

4. Kumpens lil naħa waħda għal kanċellazzjoni

Termini li jippermettulek iżżomm pagamenti li jkunu saru minn qabel jekk il-konsumatur jikkanċella l-kuntratt mingħajr ma tippermetti li jingħata kumpens ekwivalenti lill-konsumatur meta int (in-negozjant) tikkanċella.

5. Kumpens eċċessiv

Termini li jeżiġu lil konsumatur li ma josservax obbligu li jħallas ammont għoli u irraġonevoli ta' kumpens.

6. Kanċellazzjoni magħmula minn naħa waħda

Termini li jippermettulek tħoll kuntratt b'mod unilaterali iżda fejn il-konsumatur ma jgawdix mill-istess dritt.

7. Kanċellazzjoni fl-aħħar minuta

Termini li jawtorizzawk li ttemm kuntratt fl-aħħar minuta mingħajr data ta' tmiem fissa, ħlief meta jkun assolutament iġġustifikat.

8. Estensjonijiet awtomatiċi ta' kuntratti b'limitu ta' żmien fiss

Termini fejn konsumatur għandu jinnotifika intenzjoni biex itemm kuntratt iżda fejn il-limitu ta' żmien biex jagħmel dan hu minn qabel irraġonevolment.

9. Termini moħbijin

Termini li jorbtu l-konsumaturi anki jekk huma ma setgħux ikunu konxji minnhom qabel ma ffirmaw il-kuntratt.

10. Tibdiliet unilaterali fil-kuntratt

Termini li jippermettulek tbiddel kuntratt b'mod unilaterali sakemm il-kuntratt ma jiddikjarax raġuni valida biex isir dan.

11. Tibdiliet unilaterali lil prodott jew lil servizz

Termini li jippermettulek tagħmel tibdiliet lill-prodott jew lis-servizz li għandu jingħata b'mod unilaterali u mingħajr raġuni valida.

12. Varjazzjonijiet fil-prezzijiet

Termini fejn tista' tiffissa jew iżżid il-prezz finali tal-kunsinna — mingħajr ma tagħti l-konsumaturi l-għażla li jikkanċellaw il-kuntratt — jekk l-ammont ikun bil-wisq ogħla milli miftiehem fil-bidu.

13. Interpretazzjoni unilaterali tal-kuntratt

Termini fejn int waħdek għandek id-dritt li tinterpreta kwalunkwe klawsola tal-kuntratt u li tiddeċiedi jekk il-prodott jew is-servizz jikkonformax mal-kuntratt.

14. Meta ma tonorax dikjarazzjonijiet magħmulin mill-persunal tiegħek

Termini li bis-saħħa tagħhom tipprova tiżgiċċa mill-impenji magħmulin mill-persunal tiegħek jew fejn tali impenji huma soġġetti għal kundizzjonijiet oħrajn.

15. Konformità unilaterali mal-obbligi

Termini li jobbligaw lill-konsumaturi li josservaw l-obbligi tagħhom meta int ma tonorax l-obbligi tiegħek.

16. Trasferimenti ta' kuntratti lejn negozjanti oħrajn b'kundizzjonijiet anqas vantaġġużi

Termini li jippermettulek tittrasferixxi l-kuntratt mingħajr il-kunsens tal-konsumatur u li jistgħu jagħtu lill-konsumatur ftehim anqas vantaġġuż.

17. Drittijiet limitati għal azzjoni legali

Termini li jirrestrinġu kif u fejn il-konsumaturi jistgħu jieħdu azzjoni legali u li jobbligawhom li jagħtu prova li hi r-responsabbiltà tal-parti l-oħra tal-kuntratt.

Dettalji dwar regoli nazzjonali

Jekk jogħġbok ftakar li r-regoli tal-UE dwar termini kuntrattwali inġusti jistabbilixxu standard minimu li jista' jissaħħaħ aktar jew jiġi estiż permezz ta' liġijiet nazzjonali.

Għal informazzjoni dettaljata dwar ir-regoli applikabbli jekk jogħġbok ikseb parir minn Netwerk Enterprise Europe en f'pajjiżek.

Consumer Law Ready

Consumer Law Ready hu programm madwar l-UE, li joffri korsijiet ta' taħriġ bla ħlas fil-liġi tal-konsumatur għall-mikrointrapriżi u l-SMEs. Tista' tapplika biex tattendi kors ta' taħriġ f'pajjiżek biex tiżgura li l-SME tiegħek hi Consumer Law Ready.

Jekk tippreferi titgħallem bir-ritmu tiegħek, agħmel is-sign up biex taċċessa l-materjal edukattiv. Imbagħad tista' tagħmel test elettroniku u tivvalida t-taħriġ tiegħek b'ċertifikat.

Iċċekkja l-portal tal- Consumer Law Ready en biex tiskopri kif tagħmel is-sign up.

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Għandek xi mistoqsijiet dwar kif topera negozju transfruntier, pereżempju l-esportazzjoni jew l-espansjoni lejn pajjiż ieħor tal-UE? Jekk hu l-każ, Enterprise Europe Network jista’ jagħtik pariri b’xejn.

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

Ikkondividi din il-paġna: