Bejgħ online bl-użu ta' pjattaformi ta' partijiet terzi

Biex tistabbilixxi n-negozju online tiegħek, tista' wkoll tistabbilixxi ħanut online bl-użu ta' pjattaformi ta' partijiet terzi, li huma kwalunkwe software żviluppat esternament għalik jew għall-fornitur ewlieni tas-sit web tiegħek. Alternattiva oħra hi li telenka l-prodotti tiegħek fi swieq magħrufa sew. Żomm f'moħħok li xi wħud mill-obbligi bażiċi fit-tħaddim ta' sit web jibqgħu japplikaw jekk tieħu din l-għażla.

Pjattaformi ta' partijiet terzi tal-kummerċ elettroniku

Pjattaforma tal-kummerċ elettroniku hija programm ta' software jew applikazzjoni li tippermetti lin-negozju tiegħek ibigħ oġġetti u servizzi online billi jgħinek timmaniġġja s-sit web tiegħek u operazzjonijiet oħra bħall-kummerċjalizzazzjoni, il-bejgħ u l-loġistika. Hawn issib xi affarijiet li għandek tħares lejhom meta tagħżel din it-tip ta' soluzzjoni:

  • Sempliċità tal-issettjar: ħares lejn it-templates differenti offruti minn kull pjattaforma biex issib dik li hija l-aktar adatta għan-negozju u d-ditta tiegħek. 
  • Ibbrawżjar faċli u sigur: agħżel soluzzjoni li toffri lill-klijenti tiegħek esperjenza ta' livell għoli tal-utent. Għandek tiċċekkja wkoll li hemm livelli ta' sigurtà fis-seħħ għall-karatteristiċi tal-ipproċessar tal-ħlas tal-pjattaforma tal-kummerċ elettroniku. 
  • Integrazzjonijiet multipli: fittex varjetà wiesgħa ta' integrazzjonijiet mas-software u ma' għodod ta' kummerċjalizzazzjoni li jista' jkun li diġà qed tuża jew se tikkunsidra li żżid fil-futur.
  • Karatteristiċi tal-SEO: L-ottimizzazzjoni tal-magni tat-tiftix (SEO) hija l-proċess li bih tista' ttejjeb il-kwantità u l-kwalità tat-traffiku lejn is-sit web tiegħek mill-magni tat-tiftix. In-negozju tiegħek għandu jkun faċli biex jinstab fit-tfittxijiet tal-klijenti, għalhekk il-pjattaforma trid tippermettilek timplimenta wħud mill-aktar għodod komuni għat-tkabbir organiku fil-klassifikazzjonijiet, bħall-użu tal-isem tad-dominju tiegħek stess, jew il-ġbir tal-feedback u r-riċensjonijiet tal-klijenti. 
  • Approċċ mobile-first: numru dejjem jikber ta' klijenti jużaw l-ismartphones jew it-tablets tagħhom għax-xiri online, u hu għalhekk li l-adattabbiltà tal-pjattaforma għall-apparati mobbli għandha tkun fattur importanti meta tiddeċiedi fuq l-għażla tiegħek.
  • Għodod ta' monitoraġġ: agħżel pjattaforma li tippermettilek timmonitorja faċilment il-prestazzjoni tal-ħanut online tiegħek f'termini ta' volumi ta' bejgħ, mezzi ta' ħlas preferuti, jew numru ta' ordnijiet.
  • Sostenn tekniku: sib pjattaforma tal-kummerċ elettroniku li hija kklassifikata tajjeb minn negozji oħra f'termini ta' sostenn lill-klijenti
  • Għażliet ta' ħlas għall-klijenti tiegħek: ikkunsidra l-għażliet ta' ħlas, bħal kards ta' debitu dirett jew ta' kreditu, li tixtieq toffri lill-klijenti tiegħek u kun ċert li l-pjattaforma li tagħżel se tippermetti lill-ħanut online tiegħek jużahom.
  • Ipprezzar: qis il-kostijiet involuti fl-użu ta' pjattaforma waħda jew oħra. Il-pjattaformi tal-kummerċ elettroniku joffru varjetà ta' skemi ta' pprezzar, li jvarjaw minn abbonamenti ta' kull xahar sa rati għal kull tranżazzjoni, rati fissi, kostijiet addizzjonali għal żidiet jew karatteristiċi, għalhekk għandek tiżen bir-reqqa l-għażliet tal-ipprezzar li jissodisfaw il-mudell tan-negozju tiegħek.

Pjattaformi tas-suq

Jekk l-użu ta' pjattaforma tal-kummerċ elettroniku ta' parti terza jinvolvi wisq sforzi għalik jew tixtieq tespandi f'kanal ta' bejgħ addizzjonali, ikkunsidra li tbigħ permezz ta' suq. 



Is-swieq huma tip ieħor ta' siti tal-kummerċ elettroniku li jikkonnettjaw lill-bejjiegħa max-xerrejja u jsegwu l-mudell offline ta' ħwienet fiżiċi tradizzjonali. It-tranżazzjonijiet kollha f'suq huma mmaniġġjati mill-operatur tiegħu u tista' tuża dan il-mezz biex tilħaq klijenti li huma interessati fil-prodotti jew fis-servizzi tiegħek. 



Xi vantaġġi offruti mis-swieq online huma: 

  • kostijiet ta' kummerċjalizzazzjoni imnaqqsa
  • aċċess istantanju għas-swieq internazzjonali
  • kompetizzjoni trasparenti ma' negozji simili
  • iżjed fiduċja u sigurtà għall-klijenti
  • ebda interruzzjoni fl-operazzjoni
  • prevedibbiltà f'termini ta' stokk, prezzijiet u disponibbiltà
  • trattament ta' ordni ta' ħlas u pproċessar
  • assistenza kemm lill-bejjiegħa kif ukoll lix-xerrejja matul il-proċess kollu tal-bejgħ

Regolament dwar il-Pjattaforma għan-Negozju (P2B)

Il-Kummissjoni Ewropea introduċiet regolamenti ġodda biex iżżid it-trasparenza u l-ġustizzja tal-pjattaformi online. Dawn ir-regoli jindirizzaw l-obbligi tal-fornituri tal-intermedjazzjoni online u tal-magni tat-tiftix (inkluż il-kummerċ elettroniku, il-media soċjali, id-distribuzzjoni tal-apps online u s-swieq kollaborattivi), li jaġixxu bħala gateways għall-aċċess tan-negozji għas-swieq u l-konsumaturi.

Ir-Regolament il-ġdid dwar il-Pjattaforma għan-Negozju (P2B) jipprovdi soluzzjonijiet għal problemi li jiltaqgħu magħhom in-negozji li jużaw il-pjattaformi bħala parti minn xogħolhom, bħal:

  • nuqqas ta' prevedibbiltà u ġustifikazzjonijiet fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-pjattaformi
  • sospensjoni u terminazzjoni mhux ġustifikati tal-kontijiet tan-negozji
  • politiki u regoli ta' klassifikazzjoni mhux ċari
  • diskriminazzjoni favur il-prodotti jew is-servizzi tal-pjattaformi stess
  • limitazzjoni tal-libertà tan-negozji li joffru kundizzjonijiet aħjar barra mill-pjattaforma
  • mekkaniżmi ineffettivi ta' mmaniġġjar tal-ilmenti u ta' rimedju tal-pjattaformi

L- Osservatorju dwar l-Ekonomija tal-Pjattaformi Online en nħoloq biex jimmonitorja l-evoluzzjoni tal-ekonomija tal-pjattaformi online u l-implimentazzjoni tar-Regolament P2B.

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Għandek xi mistoqsijiet dwar kif topera negozju transfruntier, pereżempju l-esportazzjoni jew l-espansjoni lejn pajjiż ieħor tal-UE? Jekk hu l-każ, Enterprise Europe Network jista’ jagħtik pariri b’xejn.

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

L-aħħar verifika: 21/06/2023
Ikkondividi din il-paġna