L-adozzjoni
Il-liġi tal-UE ma tirregolax ir-rekwiżiti u l-proċeduri biex issir adozzjoni domestika jew internazzjonali f’pajjiż tal-UE. Madankollu, l-adozzjoni tat-tfal hija possibbli fil-pajjiżi kollha tal-UE, skont il-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom. Kull pajjiż tal-UE japplika r-rekwiżiti u l-proċeduri tiegħu għall-adozzjoni, li jistgħu jkunu domestiċi, internazzjonali (l-adozzjoni ta’ tifel jew tifla minn pajjiż ieħor tal-UE jew minn pajjiż mhux tal-UE), jew adozzjoni mit-tieni ġenitur. F’adozzjoni mit-tieni ġenitur (imsejħa wkoll adozzjoni minn żewġ jew mart il-ġenitur), il-ġenitur bi żwieġ ieħor jadotta l-wild tal-konjuġi jew tas-sieħeb/sieħba tiegħu/tagħha (li miegħu ma jkollu l-ebda rabta bijoloġika) u, konsegwentement, il-wild ikollu żewġ ġenituri legali.
Il-pajjiżi kollha tal-UE għandhom ċerti prinċipji komuni minquxin f’konvenzjonijiet internazzjonali dwar l-adozzjoni, fosthom:
- li l-ġenituri bijoloġiċi tal-wild, jekk ikunu ħajjin, iridu jaqblu liberament mal-adozzjoni
- li l-adozzjoni għandha tkun deċiża fl-interess tal-wild
- li l-adozzjoni għandha tingħata minn qorti jew minn awtorità amministrattiva.
Fil-pajjiżi kollha tal-UE, it-tfal adottati jkollhom l-istess drittijiet bħat-tfal bijoloġiċi, bħad-dritt li jieħdu l-kunjom tal-ġenituri adottivi u d-drittijiet tal-wirt. Il-ġenituri adottivi se jkollhom l-istess drittijiet u obbligi lejn il-wild adottat tagħhom daqslikieku kien wild bijoloġiku.
Biex issib aktar informazzjoni dwar l-adozzjoni, ara l-website tal-pajjiż rilevanti tal-UE hawn taħt.