Id-drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bix-xarabank u bil-kowċ
Ir-regoli tal-UE dwar id-drittijiet relatati max-xarabanks u l-kowċis japplikaw jekk il-vjaġġ tiegħek jibda jew jispiċċa f’pajjiż tal-UE, u japplikaw l-aktar għal servizzi marbuta ma’ vjaġġi regolari fuq distanzi twal bix-xarabank jew bil-kowċ. Dawn id-drittijiet japplikaw jekk tkun qed tivvjaġġa b’servizzi regolari li joperaw tul rotot speċifiċi fejn il-passiġġieri jitrikkbu u jitniżżlu f’punti ta’ waqfien definiti minn qabel skont skeda stabbilita. Distanza twila tfisser li d-distanza skedata tas-servizz, mhux tal-vjaġġ individwali tiegħek, hija 250 km jew aktar.
Matul il-vjaġġ tiegħek, il-kumpanija tax-xarabank jew tal-kowċ għandha tipprovdi informazzjoni ċara u korretta dwar is-servizz u d-drittijiet tiegħek bħala passiġġier. Din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli f’format aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità.
X’mar ħażin?
- Is-servizz tax-xarabank jew tal-kowċ tiegħek ġie kkanċellat
- Ix-xarabank jew il-kowċ tiegħek dam ma telaq
- Ix-xarabank jew il-kowċ tiegħek telaq qabel il-ħin tat-tluq skedat
- Il-bagalja tiegħek intilfet jew saritilha xi ħsara f’aċċident
- Korrejt f’aċċident bix-xarabank jew bil-kowċ
- Inti dipendenti ta’ vittma ta’ aċċident fatali bix-xarabank jew bil-kowċ
- Id-drittijiet tiegħek bħala passiġġier b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa ma ġewx rispettati
Kif tista’ titlob drittijietek?
Jekk taħseb li d-drittijiet tiegħek ma ġewx rispettati, għandek tressaq ilment lill-kumpanija tax-xarabank jew tal-kowċ fi żmien 3 xhur mis-servizz skedat li matulu seħħet il-problema. Il-kumpanija tax-xarabank jew tal-kowċ trid tirreaġixxi fi żmien xahar u tagħtik tweġiba finali 3 xhur wara li jkun waslilha l-ilment. Jekk ma tkunx sodisfatt bit-tweġiba, tista’ tressaq ilment mal-awtorità nazzjonali en rilevanti f’pajjiżek. L-awtorità nazzjonali għandha tipprovdilek opinjoni legali mhux vinkolanti dwar kif għandek tipproċedi bit-talba tiegħek.
Tista’ wkoll tipprova ssolvi t-tilwima tiegħek billi tuża proċeduri barra mill-qorti jew entità ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim. Is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim hija disponibbli biss għar-residenti tal-UE.
Tista’ tagħżel li tieħu azzjoni legali formali u tressaq talba għal kumpens skont ir-regoli tal-UE billi tuża l-proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. Tista’ wkoll tressaq il-kwistjoni quddiem il-qrati fil-pajjiż fejn hi rreġistrata l-kumpanija tax-xarabanks jew tal-kowċis. Il-limiti ta’ żmien biex tressaq azzjoni kontra kumpanija tax-xarabanks jew tal-kowċis quddiem qorti nazzjonali huma definiti skont ir-regoli nazzjonali dwar il-limitazzjoni tal-azzjonijiet f’kull pajjiż tal-UE.
Tista’ tikkonsulta wkoll liċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur lokali tiegħek għal għajnuna jew parir dwar problemi relatati mad-drittijiet tal-passiġġieri tax-xarabanks jew tal-kowċis.
Is-servizz tax-xarabank jew tal-kowċ tiegħek ġie kkanċellat
Jekk is-servizz skedat tax-xarabank jew tal-kowċ li tkun ibbukkjajt jiġi kkanċellat, il-kumpanija tax-xarabanks / tal-kowċis jew il-korp ta’ ġestjoni tat-terminal iridu jinfurmawk bis-sitwazzjoni mill-aktar fis possibbli, u mhux aktar tard minn 30 minuta wara l-ħin tat-tluq skedat.
Jekk is-servizz tal-kowċ jew tax-xarabank tiegħek fuq distanza twila (250 km jew aktar) jiġi kkanċellat minħabba overbooking, tluq bikri jew raġunijiet operazzjonali, il-kumpanija trid toffrilek għażla bejn:
- ir-rimborż tal-biljett tiegħek fi żmien 14-il ġurnata u, meta meħtieġ, servizz ta’ ritorn bla ħlas għall-punt tat-tluq inizjali tas-servizz mal-ewwel opportunità (jekk minħabba d-dewmien ma tilħaqx l-iskop tal-vjaġġ tiegħek) jew
- it-tkomplija tal-vjaġġ tiegħek jew bdil fir-rotta lejn id-destinazzjoni finali tiegħek f’kundizzjonijiet simili mingħajr spejjeż żejda u mal-ewwel opportunità
Jekk is-servizz tal-kowċ jew tax-xarabank tiegħek fuq distanza twila (250 km jew aktar) jiġi kkanċellat u t-tul tal-vjaġġ kien skedat li jdum aktar minn 3 sigħat, inti intitolat ukoll għal:
- snacks, ikliet jew xorb, skont kemm iddum tistenna, dment li jkunu disponibbli jew ikunu jistgħu jiġu fornuti b’mod raġonevoli fuq ix-xarabank jew fit-terminal
- akkomodazzjoni jekk ikollok tgħaddi l-lejl hemm, sa żewġt iljieli, b’rata massima ta’ €80 kull lejl, kif ukoll trasport lejn l-akkomodazzjoni u ritorn għat-terminal
Twissija
Jekk is-servizz tax-xarabank jew tal-kowċ tiegħek jiġi kkanċellat minħabba kundizzjonijiet tat-temp severi jew diżastru naturali li jipperikola l-operat sikur tax-xarabank jew tal-kowċ, il-kumpanija tat-trasport m'għandhiex għalfejn tkopri l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni jew tat-trasport għall-akkomodazzjoni tiegħek.
Ix-xarabank jew il-kowċ tiegħek dam ma telaq
Jekk is-servizz skedat tax-xarabank jew tal-kowċ li tkun ibbukkjajt idum ma jitlaq (għal raġunijiet ta’ sikurezza fit-toroq), il-kumpanija tax-xarabank / tal-kowċ jew il-korp għall-ġestjoni tat-terminal iridu jinfurmawk:
- bis-sitwazzjoni malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard minn 30 minuta wara l-ħin tat-tluq skedat, u
- bil-ħin tat-tluq previst malli tkun disponibbli din l-informazzjoni.
Jekk il-kowċ jew ix-xarabank tiegħek fuq distanza twila (250 km jew aktar) idum aktar minn sagħtejn biex jitlaq, il-kumpanija għandha toffrilek għażla bejn:
- ir-rimborż tal-biljett tiegħek u, meta meħtieġ, servizz ta’ ritorn bla ħlas għall-punt tat-tluq inizjali tas-servizz mal-ewwel opportunità (jekk minħabba d-dewmien ma tilħaqx l-iskop tal-vjaġġ tiegħek) jew
- it-tkomplija tal-vjaġġ tiegħek jew bdil fir-rotta b’kundizzjonijiet simili, sad-destinazzjoni finali tiegħek mal-ewwel opportunità mingħajr spejjeż żejda
Jekk il-kumpanija tas-servizz ma toffrilekx dawn l-għażliet meta jkun hemm id-dewmien, tista’ tressaq ilment aktar tard, u titlob rimborż tal-biljett tiegħek kif ukoll kumpens ta’ 50% tal-prezz tal-biljett. Il-kumpanija trid tħallas dan il-kumpens fi żmien xahar mit-talba tiegħek.
Jekk is-servizz tal-kowċ jew tax-xarabank tiegħek fuq distanza twila (250 km jew aktar) kien skedat li jdum aktar minn 3 sigħat u t-tluq ittardja aktar minn 90 minuta, minbarra dan t’hawn fuq, int intitolat ukoll għal:
- snacks, ikliet jew xorb, skont kemm iddum tistenna, dment li jkunu disponibbli jew ikunu jistgħu jiġu fornuti b’mod raġonevoli fuq ix-xarabank jew fit-terminal
- akkomodazzjoni jekk ikollok tgħaddi l-lejl hemm, sa żewġt iljieli, b’rata massima ta’ €80 kull lejl, kif ukoll trasport lejn l-akkomodazzjoni u ritorn għat-terminal
Twissija
Jekk id-dewmien sar minħabba kundizzjonijiet severi tat-temp jew minħabba diżastru naturali, il-kumpanija tat-trasport m’għandhiex għalfejn tkopri l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni.
Ix-xarabank jew il-kowċ tiegħek telaq qabel il-ħin tat-tluq skedat
Jekk ix-xarabank jew il-kowċ tiegħek telaq qabel il-ħin tat-tluq skedat, dan jitqies bħala kanċellazzjoni. F’dan il-każ, japplikaw l-istess drittijiet bħal meta jiġi kkanċellat servizz tax-xarabank jew tal-kowċ.
Il-bagalja tiegħek intilfet jew saritilha l-ħsara f’aċċident
Jekk il-bagalja tiegħek jew oġġetti personali oħra jintilfu jew issirilhom xi ħsara minħabba aċċident bix-xarabank jew bil-kowċ fuq distanza twila (250 km jew aktar) għandek dritt għal kumpens. L-ammont preċiż tal-kumpens huwa stabbilit mir-regoli nazzjonali.
Jekk is-siġġu tar-roti jew xi apparat ieħor ta’ għajnuna għall-mobbiltà ssirlu l-ħsara jew jintilef, inti intitolat għal kumpens biex tkopri l-ispiża tas-sostituzzjoni jew tat-tiswija tiegħu.
Twissija
Il-bagalja tiegħek intilfet jew insterqet waqt il-vjaġġ tiegħek
Ir-regoli tal-UE ma japplikawx jekk il-bagalja tiegħek tintilef jew tinsteraq waqt
il-vjaġġ bix-xarabank jew bil-kowċ iżda tkun tista’ tagħmel talba skont ir-regoli
nazzjonali. Ikkuntattja lill-kumpanija tax-xarabank jew tal-kowċ, u ċċekkja t-termini
u l-kundizzjonijiet tal-biljett tiegħek għal aktar informazzjoni.
Korrejt f’aċċident bix-xarabank jew bil-kowċ
Jekk tkorri f’aċċident bix-xarabank jew bil-kowċ waqt vjaġġ fuq distanza twila (250 km jew aktar), inti intitolat għal kumpens. L-ammont preċiż tal-kumpens huwa stabbilit mir-regoli nazzjonali.
Il-kumpanija tax-xarabank jew tal-kowċ għandha wkoll tgħin biex tingħata l-ewwel għajnuna, pereżempju billi ċċempel ambulanza, u tipprovdi kull bżonn prattiku immedjat ieħor li jista’ jkollok, inkluż ikel, ħwejjeġ u, jekk ikun hemm bżonn, akkomodazzjoni.
Inti dipendenti ta’ vittma ta’ aċċident fatali bix-xarabank jew bil-kowċ
Jekk int dipendenti ta’ vittma ta’ aċċident fatali bix-xarabank jew bil-kowċ, għandek id-dritt għal kumpens, inklużi l-ispejjeż tal-funeral. L-ammont preċiż tal-kumpens huwa stabbilit mir-regoli nazzjonali.