Konjugi u tfal mhux mill-UE

Jekk int miżżewweġ/miżżewġa jew f'partnership reġistrat ma' ċittadin tal-UE li qed jgħix, jaħdem, jistudja jew qed ifittex impjieg f'pajjiż tal-UE differenti minn dak li ġej minnu, ir-regoli tal-UE jagħmluha aktar faċli biex int tingħaqad miegħu/magħha f'dak il-pajjiż. L-informazzjoni f'din il-paġna tapplika wkoll għat-tfal u n-neputijiet li jingħaqdu mal-familja tal-UE tagħhom barra l-pajjiż.

Jekk tixtieq tissieħeb mal-konjuġi jew is-sieħeb/sieħba rreġistrat(a) tal-UE fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom u ma tkunux għextu flimkien f'pajjiż ieħor tal-UE qabel, japplikaw biss ir-regoli nazzjonali għas-sitwazzjoni tiegħek.

Jekk tkun fi żwieġ bejn persuni tal-istess sess u tmorru tgħixu f'pajjiż ieħor tal-UE, il-pajjiż li qed jospitak irid jirrikonoxxi d-drittijiet ta' residenza tiegħek. Din ir-regola tapplika anki jekk iż-żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess mhumiex rikonoxxuti fil-pajjiż li qed jospitak.

Iċċekkja liema drittijiet għandek u l-proċeduri li għandek issegwi skont is-sitwazzjoni tiegħek:

Agħżel sitwazzjoni

Xi pajjiżi tal-UE jittrattaw il-partnerships ċivili jew irreġistrati bl-istess mod bħal koppji miżżewġa. F'dan il-każ, għandek tiċċekkja d-drittijiet ta' residenza u l-kundizzjonijiet applikabbli għall- miżżewġin mhux mill-UE.

Pajjiżi oħrajn tal-UE ma jirrikonoxxux partnerships ċivili u rreġistrati bħala ekwivalenti għaż-żwieġ. F'dan il-każ, għandek tiċċekkja d-drittijiet ta' residenza u l-kundizzjonijiet applikabbli għal qraba oħrajn mhux mill-UE.

Skopri aktar dwar ir-rikonoxximent ta' partnerships ċivili fl-Ewropa.

F'dan il-każ, normalment japplikaw ir-regoli tal-immigrazzjoni nazzjonali. Għal aktar informazzjoni, ikkuntattja lill- awtoritajiet tal-immigrazzjoni fil-pajjiż tal-UE rilevanti.

Jekk int ċittadin mhux tal-UE miżżewweġ/miżżewġa lil ċittadin tal-UE, tista' tingħaqad mal-konjuġi tiegħek fil-pajjiż tal-UE fejn jgħixu.

Meta tgħix sa 3 xhur barra pajjiżek

Jekk toqgħod għal inqas minn 3 xhur, kull ma għandek bżonn huwa passaport validu u viża tad-dħul skont il-pajjiż li tkun ġej minnu.

Iċċekkja r-rekwiżiti/l-eżenzjonijiet għal viża tad-dħulfl-UE.

Qabel ma titlaq, jekk jogħġbok iċċekkja mal- konsulat tal-pajjiż li sejjer fih sk biex tara għandikx bżonn viża tad-dħul, u jekk iva, kemm iddum biex toħodha.

Meta tgħix barra pajjiżek għal aktar minn 3 xhur

Jekk se toqgħod għal aktar minn 3 xhur fil-pajjiż li qed jospita l-konjuġi tiegħek, ikollok tapplika għal karta ta' residenza u tirrapporta l-preżenza tiegħek lill-awtoritajiet rilevanti.

Karta ta' residenza

Trid tapplika għal dokument ta' residenza mal-awtoritajiet fil-pajjiż tal-UE li qed jospitak (ta' spiss l-uffiċċju muniċipali jew l-għassa tal-pulizija lokali) fi żmien 3 xhur mill-wasla tiegħek.

Kif tirrapporta l-preżenza tiegħek

Ċerti pajjiżi tal-UE jitolbuk tirrapporta l-preżenza tiegħek lill-awtoritajiet rilevanti f'perjodu raġonevoli wara li tasal. Jista' jkollok tħallas multa jekk tonqos milli tirrapporta l-preżenza tiegħek fil-ħin.

Qabel tmur toqgħod fil-pajjiż li se jospitak, jekk jogħġbok iċċekkja l-iskadenzi ta' żmien u l-kundizzjonijiet rilevanti biex tirrapporta l-preżenza tiegħek lill- awtoritajiet nazzjonali.

Għandek dejjem iġġorr miegħek il-passaport tiegħek.

F'xi pajjiżi tal-UE, tista' tiġi mmultat jew arrestat temporanjament jekk tħalli l-passaport tiegħek id-dar, iżda ma tistax tiġi sfurzat tirritorna lura pajjiżek minħabba f'hekk biss.

Jekk il-konjuġi tiegħek tal-UE hu ħaddiem

Jekk il-konjuġi tiegħek tal-UE hu impjegat legalment f'pajjiż ieħor tal-UE, tista' toqgħod hemm miegħu mingħajr ma jkollok għalfejn tissodisfa xi kundizzjoni.

Jekk il-konjuġi tiegħek tal-UE hu pensjonant

Jekk il-konjuġi tiegħek tal-UE hu pensjonant li jgħix f'pajjiż ieħor tal-UE, tista' toqgħod hemm miegħu jekk ikollu introjtu suffiċjenti biex jgħix mingħajr ma jkollu bżonn appoġġ għall-introjtu u assigurazzjoni tas-saħħa komprensiva għall-familja kollha f'dak il-pajjiż.

Jekk il-konjuġi tiegħek tal-UE hu student

Jekk il-konjuġi tiegħek tal-UE hu student li jgħix f'pajjiż ieħor tal-UE, tista' toqgħod miegħu jekk:

  • irreġistrat fi stabbiliment approvat tal-edukazzjoni
  • għandu introjtu suffiċjenti biex iżżomm lil familtek kollha mingħajr ħtieġa ta' appoġġ għall-introjtu
  • għandu assigurazzjoni fuq is-saħħa komprensiva għal familtek kollha f'dak il-pajjiż

X'jiġri mid-drittijiet ta' residenza tiegħek jekk il-konjuġi tiegħek imut?

Jekk qed tgħix legalment f'pajjiż ieħor tal-UE u l-konjuġi tal-UE tiegħek imut qabel ma jakkwista residenza permanenti fih, int tista' tibqa' hemm jekk tkun għext f'dak il-pajjiż għal tal-anqas sena qabel ma jkun miet il-konjuġi tiegħek.

Biex tkun tista' tibqa', trid tissodisfa wkoll l-istess kundizzjonijiet għal residenza bħaċ-ċittadini tal-UE.

Iċċekkja l-kundizzjonijiet u l-formalitajiet għal:

X'jiġri mid-drittijiet ta' residenza tiegħek jekk tiddivorzja minn mal-konjuġi tiegħek?

Jekk tiddivorzja minn mal-konjuġi tal-UE tiegħek qabel ma l-konjuġi tiegħek ikun akkwista residenza permanenti fil-pajjiż ospitanti (li normalment jirrikjedi li jkun għex fih għal 5 snin), - int tista' toqgħod jekk:

  • tkun ilek tgħix hemm għal tal-anqas sena, u
  • jekk iż-żwieġ tiegħek ikun dam tal-anqas 3 snin qabel ma bdew il-proċeduri tad-divorzju

Tista' tibqa' hemm ukoll jekk għandek:

  • il-kustodja tat-tifel/tifla/tfal tiegħek jew
  • id-dritt li tara lit-tifel/tifla/tfal tiegħek, sakemm il-qorti tkun iddeċidiet li dan l-aċċess irid isir fil-pajjiż ospitanti tal-UE

Fil-każ tad- dritt ta aċċess għal wild minuri, tista' tibqa' fil-pajjiż ospitanti tal-UE sakemm dan ikun meħtieġ.

Biex tkun tista' tibqa', trid tissodisfa l-istess kundizzjonijiet għal residenza bħaċ-ċittadini tal-UE. Iċċekkja l-kundizzjonijiet u l-formalitajiet għal:

Trattament ugwali

Waqt li tkun fil-pajjiż trid tiġi ttrattat bl-istess mod kif huma ttrattati ċ-ċittadini tal-pajjiż li qed jospitak, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-aċċess għall-impjieg, il-paga, il-benefiċċji, l-aċċess għax-xogħol u r-reġistrazzjoni fl-iskejjel.

Anke jekk tkun qed toqgħod bħala turist, ma għandikx, pereżempju, tħallas aktar flus biex iżżur il-mużewijiet jew tixtri biljetti tat-trasport.

Jekk int konjuġi ta' pensjonant, ċerti pajjiżi tal-UE jistgħu jiddeċiedu li ma jagħtux appoġġ għall-introjtu lilek u lil familtek għall-ewwel 3 xhur f'dak il-pajjiż.

Deportazzjoni.

Il-pajjiż il-ġdid tiegħek jista', f'każijiet eċċezzjonali, jiddeċiedi li jiddeportak għal raġunijiet ta' politika pubblika, ta' sigurtà pubblika, jew ta' saħħa pubblika - iżda dan jista' jsir biss jekk ikun ippruvat li int ta' theddida serja.

Id-deċiżjoni ta' deportazzjoni għandha tingħatalek bil-miktub. Għandha tiddikjara r-raġunijiet kollha għad-deportazzjoni u tispeċifika kif int tista' tappella u sa meta.

Residenza permanenti

Inti takkwista d-dritt ta' residenza permanenti jekk għext legalment fil-pajjiż li qed jospitak għal 5 snin kontinwi.

Tista' toqgħod fih kemm trid, anki jekk ma taħdimx u għandek bżonn appoġġ għall-introjtu. Għandek tgawdi l-istess drittijiet, benefiċċji u vantaġġi bħaċ-ċittadini tal-UE.

Il-kontinwità ta' residenza tiegħek mhix affettwata minn:

  • assenza temporanja (inqas minn 6 xhur fis-sena)
  • assenzi itwal fil-każ ta' servizz militari obbligatorju
  • assenza waħda li ma tkunx aktar minn 12-il xahar konsekuttivi għal raġunijiet importanti bħal tqala jew twelid ta' tarbija, mard serju, xogħol, taħriġ vokazzjonali jew stazzjonar ta' xogħol f'pajjiż ieħor.

Tista' titlef id-dritt tiegħek għal residenza permanenti jekk tgħix barra l-pajjiż għal aktar minn sentejn konsekuttivi.

Mistoqsijiet frekwenti

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 19/06/2023
Ikkondividi din il-paġna