Il-qgħad f'pajjiż barrani

Jekk titlef xogħlok meta tkun qed taħdem f' pajjiż ieħor tal-UE, liema pajjiż iħallaslek il-benefiċċju tal-qgħad jiddependi mis-sitwazzjoni tax-xogħol u l-post ta' residenza tiegħek - mhux min-nazzjonalità tiegħek.

X'għandek tagħmel jekk - qabel ma tingħata s-sensja - kont:

Tippjana li tibqa'?

Jekk titlef xogħlok u tagħżel li tibqa' fil- pajjiż tal-UE fejn kont qed taħdem, jeħtieġlek titlob biex tingħata l-benefiċċji tal-qgħad fih.

Tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol ma' servizzi tal-impjiegi lokali. Tiġi ttrattat bl-istess mod bħaċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż.

Oqgħod attent b'mod speċjali:

  • għall- perjodi ta' xogħol meħtieġ biex wieħed jikkwalifika għal benefiċċji tal-qgħad
  • għar- rati applikabbli biex jitqies il-benefiċċju
  • għat- tul taż-żmien tal-benefiċċju

Jekk ikun jeħtieġlek tiċċertifika kwalunkwe perjodu preċedenti ta' xogħol u ta' kopertura tas-sigurtà soċjali f'pajjiż barrani, jaf ikun jeħtieġlek li tapplika għal Formola U1 (dik li qabel kienet il-formola E 301) fil-pajjiż li fih tkun ħdimt qabel.

Anki jekk ma tippreżentax il-formola U1, dawk li jittrattawlek it-talba tiegħek jistgħu jakkwistaw l-informazzjoni direttament mill-awtoritajiet tal-pajjiż l-ieħor. Madankollu, il-formola tista' tgħin biex jitħaffef l-ipproċessar.

Li tmur lura pajjiżek?

Jekk wara li titlef xogħlok, tagħżel li tmur lura lejn pajjiżek, jeħtieġlek tikkuntattja s-servizzi tal-impjiegi nazzjonali fih biex issib jekk għadx għandek id-dritt li tingħata l-benefiċċji tal-qgħad wara ż-żmien li tkun għaddejt barra pajjiżek.

Jekk se tagħmel dan, ikollok:

  • tirreġistra direttament bħala persuna li qed tfittex ix-xogħol f'pajjiżek, u
  • tapplika għal Formola U1 (dik li qabel kienet il-formola E 301) fil-pajjiż li fih tkun ħdimt l-aħħar.

Anki jekk ma tippreżentax il-formola U1, dawk li jittrattawlek it-talba tiegħek jistgħu jakkwistaw l-informazzjoni direttament mill-awtoritajiet tal-pajjiż l-ieħor. Madankollu, il-formola tista' tgħin biex jitħaffef l-ipproċessar.

Jekk ma għandekx dritt għall-benefiċċji f'pajjiżek, tista' tapplika għal awtorizzazzjoni biex tittrasferixxi l-benefiċċju tal-qgħad mill-pajjiż li fih spiċċajt bla xogħol jew:

  • lura lejn pajjiżek, jew
  • lejn kwalunkwe pajjiż ieħor fejn tixtieq tmur tfittex ix-xogħol.

It-trasferiment tal-benefiċċji normalment idum 3 xhur, imma jista' jiġġedded għal perjodu massimu ta' 6 xhur.

Jekk tagħżel li tibqa' kopert fil-pajjiż minn fejn intbgħatt, il-benefiċċju tal-qgħad tiegħek għandu jingħatalek hemmhekk.

F'dan il-każ, għandek tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol mas- servizzi tal-impjiegi f'dak il-pajjiż.

Jekk tkun għalkollox bla xogħol, tista' tagħżel li tirċievi l-benefiċċji tal-qgħad jew fil- pajjiż tal-UE li tkun issekondat fih jew inkella f'pajjiżek - billi tirreġistra mas- servizzi tal-impjiegi.

  • Jekk tiddeċiedi li tapplika għall-benefiċċji fil-pajjiż li fih ġejt mibgħut, staqsi s-servizz tal-impjiegi nazzjonali f'pajjiżek għal Formola U1 (dik li qabel kienet il-formola E 301).


    Din il-formola turi perjodi li għandhom jitqiesu meta jiġu kalkulati l-benefiċċji tal-qgħad. Ibgħatha lis-servizz tal-impjiegi nazzjonali fil-pajjiż fejn tixtieq tapplika għall-benefiċċju.

    Anki jekk ma tippreżentax il-formola U1, dawk li jittrattawlek it-talba tiegħek jistgħu jakkwistaw l-informazzjoni direttament mill-awtoritajiet tal-pajjiż l-ieħor. Madankollu, il-formola tista' tgħin biex jitħaffef l-ipproċessar.

  • Jekk tiddeċiedi li tapplika għall-benefiċċji f'pajjiżek, jeħtieġlek tirritorna fih.

Il-benefiċċji tiegħek jiġu kkalkulati skont ir-regoli tal-pajjiż fejn tirreġistra bħala persuna li qed tfittex ix-xogħol, billi jitqiesu l-perjodi li ħdimt f'pajjiż barrani.

Storja bħala eżempju

Aħsibha darbtejn fejn tirreġistra bħala persuna bla xogħol

Mirko mill-Ġermanja kien qed jaħdem bħala impjegat fiċ-ċivil Ġermaniż fl-Irlanda meta spiċċa bla xogħol. Seta' mar lura l-Ġermanja u rreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol hemm. Madankollu, hu għażel li jibqa' l-Irlanda u li japplika hemm għal benefiċċji tal-qgħad.

Hu ħaseb li kien se jirċievi madwar 67% tas-salarju medju ta' kuljum tiegħu, bħalma normalment isir fil-Ġermanja. Iżda fl-Irlanda, il-benefiċċji tal-qgħad mhumiex ibbażati fuq qligħ preċedenti. Mirko kien verament sorpriz meta sar jaf li kellu dritt għal somma b'rata fissa ta' €204.30 fil-ġimgħa.

Jekk int ħaddiem li tgħix f'pajjiż u taħdem f'ieħor (sew jekk impjegat jew għal rasek) u titlef l-impjieg tiegħek, tista' titlob il-benefiċċji tal-qgħad fil-pajjiż fejn tgħix biss.

Twissija

Eċċezzjoni:

Jekk, matul l-aħħar perjodu ta' vvjaġġar, mort id-dar anqas minn darba fil-ġimgħa, tista' tagħżel fejn titlob il-benefiċċji tal-qgħad (pajjiż ta' residenza jew fil-pajjiż fejn ħdimt l-aħħar).

Din ilha r-regola mill-1 ta' Mejju 2010, għalkemm xi ċentri tax-xogħol forsi għadhom mhumiex konxji minnha. Jekk għandek problemi biex tingħata l-ħlas tal-benefiċċju tal-qgħad tiegħek f'p ajjiż barrani, ikkuntattja lis- servizzi ta' assistenza Iftaħ bħala link estern tagħna għall-għajnuna.

Ammont

Jekk intix intitolat għal benefiċċji tal-qgħad, u kemm se tingħata jiddependi mir-regoli fil-pajjiż fejn tgħix u miż-żmien li tkun ħdimt fil-pajjiż barrani.

Staqsi lill-awtoritajiet fil-pajjiż (jew pajjiżi) li ħdimt fih (fihom) għal Formola U1 (dik li qabel kienet l-E 301 - billi turi l-perjodi li għandhom jitqiesu meta jiġu kkalkulati l-benefiċċji tal-qgħad).

Ibgħat din il-formola lis-servizzi tal-impjiegi nazzjonali fil-pajjiż fejn tixtieq tapplika għall-benefiċċji, biex ikunu jistgħu jqisu l-perjodi ta' kopertura tas-sigurtà soċjali jew impjiegi f'pajjiżi oħrajn.

Anki jekk ma tippreżentax il-formola U1, dawk li jittrattawlek it-talba tiegħek jistgħu jakkwistaw l-informazzjoni direttament mingħand l-awtoritajiet tal-pajjiżi l-oħrajn. Madankollu, il-formola tista' tgħin biex jitħaffef l-ipproċessar.

Għandek bżonn l-għajnuna biex issib xogħol?

Jekk tkun tixtieq l-għajnuna biex issib xogħol ġdid fil-pajjiż fejn tlift xogħlok, tista' tirreġistra bħala persuna li qed tfittex ix-xogħol mas- servizzi tal-impjiegi nazzjonali hemmhekk. Imbagħad ikollok tikkonforma mar-rekwiżiti fiż-żewġ pajjiżi: il-pajjiż ta' residenza (li jkun qed iħallas il-benefiċċju tiegħek) u l-pajjiż fejn ħdimt l-aħħar (fejn tkun ukoll qed tifttex ix-xogħol).

Twissija

Hu importanti ħafna li tissodisfa r-rekwiżiti tal-pajjiż fejn tgħix - jekk ma tagħmilx dan, il-benefiċċji tiegħek jistgħu jiġu affettwati.

Storja bħala eżempju

Ivverifika fejn tista' tapplika għall-benefiċċji tal-qgħad

Arthur mill-Ġermanja tilef ix-xogħol fl-2008 u mar l-Ungerija biex jaħdem hemm. Hu kiseb kuntratt ta' xogħol għal sena f'B udapest, iżda żamm daru fil-Ġermanja u mar lura hemmhekk regolarment.

Meta reġa' tilef ix-xogħol, seta' japplika għall-benefiċċji fl-Ungerija. Madankollu, hu ddeċieda li jmur lura l-Ġermanja u ma kellu ebda għawġ biex jikseb il-benefiċċju hemmhekk.

Twissija

Pajjiż differenti, benefiċċji differenti

Kull pajjiż tal-UE għandu r-regoli tiegħu dwar il-benefiċċji tal-qgħad. Dan ifisser li jista' jkollok dritt għal 24 xahar ta' benefiċċju tal-qgħad f'pajjiżek iżda sempliċement għal 12-il xahar f'pajjiż ieħor.

Tajjeb li tqabbel il-benefiċċji li jitħallsu f'kull pajjiż, filwaqt li toqgħod attent b'mod speċjali:

  • għall-perjodi ta' xogħol meħtieġa biex wieħed jikkwalifika għall-benefiċċju tal-qgħad
  • għar-rati applikabbli biex jiġu kkalkulati l-benefiċċji
  • għat-tul taż-żmien tal-benefiċċju

Sib dwar il-benefiċċji tal-qgħad fil-pajjiż li hu responsabbli biex iħallashom:

Qed tiċċaqlaq f'pajjiż ieħor tal-UE biex issib xogħol

F'ċerti kundizzjonijiet, tista' tittrasferixxi l-benefiċċji tal-qgħad tiegħek f'pajjiż ieħor tal-UE filwaqt li tkun qed tfittex xogħol hemm. It-trasferiment tal-benefiċċji normalment idum 3 xhur, imma jista' jiġġedded għal perjodu massimu ta' 6 xhur.

Mistoqsijiet frekwenti

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 13/05/2024
Ikkondividi din il-paġna