Ċittadini tal-UE li huma ekonomikament inattivi

Bħala ċittadin tal-UE, għandek id-dritt li tiċċaqlaq għal kwalunkwe pajjiż tal-UE għal perjodu ta' 3 xhur sakemm ikollok karta tal-identità jew passaport validu. Jekk tixtieq tissetilja f'pajjiż ieħor tal-UE iżda ma għandek l-ebda intenzjoni li tibda xi xogħol jew edukazzjoni hemmhekk, trid tipprova li int:

  • għandek biżżejjed riżorsi għalik u għal familtek matul iż-żmien li tixtieq tibqa' fil-pajjiż il-ġdid tiegħek
  • għandek assigurazzjoni tas-saħħa komprensiva

Kif tirrapporta l-preżenza tiegħek u tirreġistra r-residenza tiegħek

Waqt l-ewwel 3 xhur fil-pajjiż il-ġdid tiegħek, bħala ċittadin tal-UE, ma tistax tkun obbligat tapplika għal dokument ta' residenza li jikkonferma li inti tgħix hemm - għalkemm f'xi pajjiżi jista' jkollok tirrapporta l-preżenza tiegħek malli tasal.

Wara 3 xhur fil-pajjiż ġdid tiegħek, jista' jkun jeħtieġlek tirreġistra r-residenza tiegħek mal-awtorità rilevanti (normalment l-uffiċċju muniċipali jew l-għassa tal-pulizija), u jinħariġlek ċertifikat ta' reġistrazzjoni.

Se jkollok bżonn karta tal-identità valida jew passaport validu u:

  • prova ta' assigurazzjoni komprensiva fuq is-saħħa
  • prova li tista' ssostni lilek innifsek mingħajr ma jkollok bżonn benefiċċji ta' assistenza soċjali: ir-riżorsi jistgħu jiġu minn kwalunkwe sors, inkluż minn terza persuna.

Tista' tintalab tħalli l-pajjiż jew tiġi deportat?

Tista' tgħix fil-pajjiż l-ieħor tal-UE sakemm tkompli tissodisfa l-kundizzjonijiet għar-residenza. Jekk tieqaf tagħmel dan, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jobbligawk titlaq.

F'każijiet eċċezzjonali, il-pajjiż li jospitak jista' jiddeportak għal raġunijiet ta' politika pubblika jew sigurtà pubblika - iżda biss jekk jista' jipprova li int ta' theddida ġenwina, preżenti u biżżejjed serja li taffettwa wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà.

Id-deċiżjoni ta' deportazzjoni jew it-talba biex titlaq għandha tingħatalek bil-miktub. Għandha tiddikjara r-raġunijiet kollha għad-deportazzjoni tiegħek u tispeċifika kif int tista' tappella u sa meta.

Residenza permanenti

Jekk tkun għext b'mod legali, u ssodisfajt il-kundizzjonijiet biex toqgħod f'pajjiż ieħor tal-UE għal perjodu kontinwu ta' 5 snin awtomatikament takkwista d-dritt ta' residenza permanenti hemmhekk. Dan ifisser li tista' tibqa' fil-pajjiż sakemm trid, inti intitolat(a) tiġi ttrattat(a) bħala ċittadin(a) ta' dak il-pajjiż u tgawdi aktar protezzjoni kontra d-deportazzjoni. Int tista' tapplika għal dokument li jiċċertifika residenza permanenti.

Il-kontinwità tar-residenza tiegħek mhix affettwata minn:

  • assenzi temporanja (inqas minn 6 xhur fis-sena)
  • assenzi itwal għal servizz militari obbligatorju
  • assenza waħda ta' 12-il xahar konsekuttivi, għal raġunijiet importanti bħat-tqala jew twelid ta' tarbija, mard serju, xogħol, taħriġ vokazzjonali jew issekondar għal xogħol f'pajjiż ieħor.

Tista' titlef id-dritt tiegħek għal residenza permanenti jekk tgħix barra l-pajjiż għal aktar minn sentejn konsekuttivi.

Jekk int tkun ekonomikament inattiv iżda tkun se tingħaqad ma' membru tal-familja li hu ċittadin tal-UE li joqgħod legalment f'pajjiż tal-UE ospitanti, int tista' toqgħod hemm bħala dipendenti tiegħu.

Ara wkoll:

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

L-aħħar verifika: 18/09/2023
Ikkondividi din il-paġna