Is-sikurezza tal-prodotti
L-oġġetti kollha tal-konsumatur li jinbiegħu fl-UE jridu jkunu konformi mar-regoli dwar is-sikurezza tal-prodotti. Dan japplika kemm għall-oġġetti mibjugħa online jew f’ħanut fiżiku, u anki għall-prodotti użati u rinnovati. Ir-regoli tal-UE jeżiġu wkoll li l-manifatturi jinkludu twissijiet tas-sikurezza fuq il-prodotti.
Il-markatura CE
Xi kategoriji tal-prodotti huma soġġetti għal sett partikolari ta’ regoli tas-sikurezza. L-ittri “CE” fuq l-imballaġġ jew it-tikketta ta’ prodott jfissru li dak il-prodott partikolari kien soġġett għal rekwiżiti speċifiċi tal-ittestjar tas-sikurezza, u l-manifattur qed jiddikjara li hu konformi ma’ dawk ir-rekwiżiti. Is-sistema tal-markatura CE ma tapplikax għat-tipi kollha ta’ prodotti.
Il-prodotti li jeħtieġu l-marka CE
Din hi lista mhux sħiħa ta’ prodotti tal-konsumatur li huma soġġetti għar-regoli dwar il-markatura CE. Għal informazzjoni aktar dettaljata, ara din il-lista sħiħa ta’ leġiżlazzjoni tal-UE en li tkopri l-kategoriji tal-prodotti soġġetti għar-rekwiżiti tal-markatura CE.
- Ġugarelli, droni, tagħmir elettriku u elettroniku, prodotti pirotekniċi, opri tal-baħar rikreattivi u inġenji tal-ilma
- Xi tipi ta’ apparat ta’ pressjoni, apparat tal-gass, batteriji, u makkinarju
- Tagħmir għall-użin u l-kejl
- Tagħmir protettiv personali
- Apparati mediċi, inkluż tagħmir dijanjostiku.
Jekk prodott ma jkollux il-marka CE, dan ma jfissirx bilfors li ma jkunx sikur (jew mhux ittestjat). Jaf sempliċiment ikun ifisser li dak it-tip ta’ prodott mhuwiex kopert fir-regoli tal-UE għall-markatura CE. Min-naħa l-oħra, jekk prodott ikun soġġett għar-regoli tal-konformità tal-UE, u suppost għandu t-tikketta CE iżda m’għandux, dan jista’ jfisser li hemm kwistjoni tas-sikurezza jew tal-konformità. F’dan il-każ, ix-xerrejja għandhom jieħdu l-prekawzjonijiet.
Irrapporta problema
Jekk xi marka CE tkun tidher suspettuża, inti tista’ tirrapporta dak il-prodott lill-awtoritajiet ta’ pajjiżek. Il-marka CE hija distintiva u uniformi, u l-marki CE b’format skorrett għandhom jiġu ttrattati b’kawtela. Tista’ tirrapporta wkoll il-prodotti mhux sikuri jew mhux konformi. Ara l-lista tal-kuntatti tal-pajjiżi hawn taħt.
Sejħiet lura ta’ prodotti
L-awtoritajiet nazzjonali huma responsabbli mill-ispezzjoni u l-ittestjar tal-prodotti fis-suq. Jekk jinstab li xi prodott diġà mibjugħ lill-konsumaturi joħloq xi riskju għas-sikurezza, l-awtorità rilevanti toħroġ sejħa lura tal-prodott. Jekk tiskopri li xtrajt xi prodott li qed jinġabar lura, imxi bir-reqqa mal-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet. L-UE tħaddem sistema ta’ twissija rapida en ħalli l-konsumaturi jkunu jistgħu jsibu t-twissijiet kollha tas-sejħiet lura en li joħorġu l-awtoritajiet nazzjonali tal-UE dwar il-prodotti li mhumiex ikel jew mediċini. Fuq l-istess sit web, il-konsumaturi jistgħu wkoll jindikaw prodott difettuż en mixtri fl-UE.
Għal aktar informazzjoni dettaljata dwar l-ittestjar tas-sikurezza u s-sejħiet lura tal-prodotti, żur is-sit web tal-pajjiż rilevanti hawn taħt.
Agħżel il-pajjiż
Ara wkoll:
Suġġerimenti biex tixtri prodotti sikuri online en
Safety Gate – is-sistema ta’ twissija rapida tal-UE għall-prodotti perikolużi mhux tal-ikel en
Irrapporta prodotti perikolużi lill-awtoritajiet en