Id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferrovija

Ir-regoli tal-UE dwar drittijietek bħala passiġġier tal-ferrovija meta tivvjaġġa bil-ferrovija japplikaw fl-UE, u ġeneralment għall-vjaġġi u s-servizzi ferrovjarji kollha.

Twissija

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jiddeċiedu li jeżentaw xi servizzi ferrovjarji. Dawn l-eċċezzjonijiet jistgħu japplikaw għal ferroviji urbani, suburbani, reġjonali u domestiċi fuq distanzi twal u għal ferroviji li jiġu operati strettament għal skopijiet storiċi jew turistiċi. Il-pajjiżi tal-UE jistgħu wkoll jeżentaw il-ferroviji internazzjonali li jivvjaġġaw mit-territorju tagħhom lejn pajjiżi mhux tal-UE – fejn il-biċċa l-kbira tal-vjaġġ iseħħ barra mill-UE u jinkludi mill-inqas waqfa skedata waħda f’pajjiż mhux tal-UE. Madankollu, il-pajjiżi tal-UE ma jistgħux jeżentaw vjaġġi ferrovjarji internazzjonali transfruntiera bejn il-pajjiżi tal-UE. Dejjem iċċekkja qabel ma tibbukkja l-vjaġġ tal-ferrovija tiegħek.

Meta tixtri l-biljett, il-kumpanija ferrovjarja jew il-bejjiegħ tal-biljetti jeħtiġilhom jagħtuk informazzjoni ċara dwar:

  • il-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-vjaġġ tiegħek
  • vjaġġi li jinkludu konnessjoni waħda jew aktar, jekk il-biljett (jew biljetti) li xtrajt ikun biljett komprensiv
  • l-iskedi ta’ żmien u l-kundizzjonijiet għan-nollijiet kollha disponibbli, b’mod partikolari n-nollijiet l-aktar baxxi, kif ukoll l-iskedi tal-ħin u l-kundizzjonijiet għall-aktar vjaġġ veloċi
  • kwalunkwe tfixkil jew dewmien (aġġornamenti ppjanati u f’ħin reali)
  • l-aċċessibbiltà, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess u d-disponibbiltà abbord tal-faċilitajiet għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa
  • is-servizzi disponibbli abbord (inklużi l-Wi-Fi u t-tojlits)
  • il-kapaċità disponibbli għar-roti, u r-regoli għall-ivvjaġġar b’rota
  • il-proċeduri għar-riklamazzjoni ta’ bagalji mitlufa
  • il-proċeduri ta’ lment
  • drittijietek bħala passiġġier skont ir-regoli tal-UE u x’għandek tagħmel jekk il-ferrovija tiegħek tiġi kkanċellata jew tittardja

Matul il-vjaġġ tiegħek, l-operatur ferrovjarju jeħtieġlu jagħti informazzjoni dwar is-servizzi abbord (inkluż il-Wi-Fi), l-istazzjon li jmiss, it-tfixkil u d-dewmien, il-kwistjonijiet ta’ sigurtà u sikurezza u s-servizzi ta’ konnessjoni ewlenin. Jekk il-ferrovija tiegħek tittardja jew tiġi kkanċellata, l-operatur jeħtieġlu jagħtik informazzjoni dwar is-sitwazzjoni f’ħin reali u jipprovdi informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tiegħek.

X’mar ħażin?

Kif tista’ titlob drittijietek?

Itlob drittijietek!

Jekk taħseb li drittijietek ma ġewx rispettati, għandek l-ewwel tressaq ilment (fi żmien 3 xhur mill-inċident) lill-kumpanija ferrovjarja, li trid twieġeb fi żmien xahar bi tweġiba motivata. F’każijiet ġustifikati kif xieraq, il-kumpanija ferrovjarja tista’ twieġeb fi żmien 3 xhur.

Jekk ma tirċevix tweġiba mill-kumpanija ferrovjarja, tista’ tilmenta mal-awtorità nazzjonali rilevanti f’pajjiżek en . Jekk irċevejt tweġiba mill-kumpanija ferrovjarja iżda ma kontx sodisfatt, tista’ wkoll tilmenta mal-awtorità nazzjonali rilevanti f’pajjiżek fi żmien 3 xhur mir-rifjut tal-ilment tiegħek mill-kumpanija ferrovjarja. Għandek tindirizza l-ilment tiegħek lill-awtorità nazzjonali li tat il-liċenzja tal-kumpanija ferrovjarja. Il-proċedura tat-trattament tal-ilmenti tal-awtorità nazzjonali għandha tieħu massimu ta’ 3 xhur (jew sitt xhur għal każijiet kumplessi). L-awtorità nazzjonali għandha tipprovdilek opinjoni legali mhux vinkolanti dwar kif għandek tipproċedi bit-talba tiegħek.

Tista’ wkoll tipprova ssolvi t-tilwima tiegħek billi tuża l-proċeduri barra mill-qorti jew entità ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim. Is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim hija disponibbli biss għar-residenti tal-UE.

Tista’ tagħżel li tieħu azzjoni legali formali u tressaq talba għal kumpens skont ir-regoli tal-UE billi tuża l-proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. Tista’ wkoll tressaq il-kwistjoni quddiem il-qrati fil-pajjiż fejn ikun irreġistrat l-operatur ferrovjarju. Il-limiti ta’ żmien biex tressaq azzjoni kontra operatur ferrovjarju quddiem qorti nazzjonali huma definiti f’konformità mar-regoli nazzjonali dwar il-limitazzjoni tal-azzjonijiet f’kull pajjiż tal-UE.

Tista’ tikkonsulta wkoll liċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur għal għajnuna u parir dwar problemi relatati mad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferrovija.

Il-ferrovija tiegħek ġiet ikkanċellata

Jekk tittardja minħabba ferrovija kkanċellata, jiġifieri tasal fid-destinazzjoni finali tiegħek b’dewmien ta’ aktar minn 60 minuta, għandek id-dritt li tagħżel bejn:

  • rimborż tal-biljett tiegħek fi żmien 30 jum – dan jista’ jkun rimborż sħiħ jew parzjali (li jkopri l-parti tal-vjaġġ li ma sarx), u vjaġġ ta’ ritorn lejn il-punt tat-tluq inizjali tiegħek, jekk id-dewmien minħabba l-ferrovija kkanċellata jirrovinalek l-iskop tal-vjaġġ tiegħek, jew
  • it-tkomplija jew il-bdil tar-rotta tal-vjaġġ tiegħek taħt kundizzjonijiet komparabbli biex tasal fid-destinazzjoni finali tiegħek mal-ewwel opportunità, mingħajr ebda kost addizzjonali, jew
  • it-tkomplija jew il-bdil tar-rotta tal-vjaġġ tiegħek f’data aktar tard tal-għażla tiegħek taħt kundizzjonijiet komparabbli, mingħajr ebda kost addizzjonali. Dan jinkludi trasport alternattiv biex tasal fid-destinazzjoni finali tiegħek meta l-ferrovija tiġi mblukkata u s-servizz jiġi sospiż.

Assistenza u arranġamenti alternattivi tal-ivvjaġġar

Barra minn hekk, int intitolat għall-assistenza fil-forma ta’ ikliet u xorb (proporzjonata mal-ħin ta’ stennija). Ikollok ukoll dritt għal lukanda jew akkomodazzjoni oħra – fejn u meta jkun fiżikament possibbli – jekk ikollok tqatta’ lejl jew tkun meħtieġa waqfa addizzjonali minħabba l-ferrovija kkanċellata. Dan jinkludi d-dritt għat-trasport bejn il-lukanda/l-akkomodazzjoni u l-istazzjon.

F’każ ta’ kanċellazzjoni, il-kumpanija ferrovjarja tista’ tippermettilek, fuq talba, tagħmel l-arranġamenti alternattivi tal-ivvjaġġar tiegħek stess ma’ fornituri oħra tas-servizzi tat-trasport (inklużi l-ferroviji u mezzi oħra ta’ trasport) li jippermettulek tasal fid-destinazzjoni finali tiegħek taħt kundizzjonijiet komparabbli. F’dan il-każ, il-kumpanija ferrovjarja tirrimborża l-kostijiet li tkun ġarrabt.

Madankollu, jekk il-kumpanija ferrovjarja ma tinfurmakx bl-għażliet tal-bdil tar-rotta disponibbli fi żmien 100 minuta tat-tluq skedat tal-ferrovija kkanċellata, int intitolat li tagħmel l-arranġamenti alternattivi tal-ivvjaġġar tiegħek stess mingħajr il-qbil tal-kumpanija ferrovjarja ma’ servizzi oħra tat-trasport pubbliku, jiġifieri ferrovija, kowċ jew xarabank. Il-kumpanija ferrovjarja mbagħad trid tirrimborża l-kostijiet meħtieġa, xierqa u raġonevoli li tkun ġarrabt biex tagħmel dawn l-arranġamenti alternattivi.

Anke jekk tiddeċiedi li tkompli l-vjaġġ tiegħek kif ippjanat jew li taċċetta trasport alternattiv lejn id-destinazzjoni tiegħek, int tista’ tkun ukoll intitolat għal kumpens jekk il-wasla tiegħek tittardja b’60 minuta jew aktar. Innota li r-regoli nazzjonali f’xi pajjiżi tal-UE jistgħu jagħtu kundizzjonijiet ta’ bdil tar-rotta aktar favorevoli lill-passiġġieri.

Kumpens – kanċellazzjoni

  • 25% tal-ħlas tal-biljett, jekk id-dewmien ikun bejn siegħa u sagħtejn
  • 50% tal-ħlas tal-biljett, jekk id-dewmien ikun sagħtejn jew aktar

L-impriża ferrovjarja trid tħallas dan il-kumpens fi żmien xahar mit-talba tiegħek.

Ma tingħatax kumpens jekk:

  • tkun ġejt mgħarraf bid-dewmien ikkawżat minn kanċellazzjoni ta’ ferrovija qabel ma tkun xtrajt il-biljett tiegħek
  • id-dewmien – minħabba t-tkomplija tal-vjaġġ tiegħek b’servizz differenti jew il-bdil tar-rotta jkun ta’ inqas minn siegħa
  • għażilt ir-rimborż tal-biljett tiegħek
  • il-kanċellazzjoni kienet ikkawżata minn ċirkostanzi straordinarji

Kif titlob ir-rimborż tal-biljett tiegħek jew tagħmel talba għal kumpens

Xi kumpaniji ferrovjarji jista’ jkollhom is-sistema jew il-formola online tagħhom stess biex jipproċessaw talbiet għal rimborż jew għal kumpens. Inkella, tista’ tuża l-formola għall-UE kollha PDF biex titlob ir-rimborż tal-biljett tiegħek u/jew tagħmel talba għal kumpens.

Tista’ tressaq it-talba tiegħek jew b’mod elettroniku inkella fuq karta direttament lil kwalunkwe kumpanija ferrovjarja fl-UE. Peress li l-użu ta’ din il-formola mhuwiex obbligatorju, minflok tista’ tagħżel li tuża l-formola pprovduta mill-kumpanija ferrovija. Innota li jista’ jkollok tressaq it-talba tiegħek fi żmien ta’ skadenza speċifika, għalhekk iċċekkja mal-kumpanija ferrovjarja fil-pajjiż rilevanti tal-UE.

Itlob drittijietek!

Ċirkostanzi straordinarji – kanċellazzjoni


Ma jingħatax kumpens jekk il-kumpanija ferrovjarja tkun tista’ tipprova li l-kanċellazzjoni kienet ikkawżata minn avvenimenti, li l-konsegwenzi tagħhom, il-kumpanija ferrovjarja ma setgħetx tipprevjeni jew tevita anke jekk tkun ittieħdet kull miżura raġonevoli, pereżempju:

  • Kundizzjonijiet tat-temp estremi, diżastri naturali kbar jew pandemiji – inċidenti mhux relatati mal-operat tal-ferrovija.
  • Individwi fuq il-binarji ferrovjarji, serq ta’ kejbils, emerġenzi abbord, attivitajiet ta’ infurzar tal-liġi, sabutaġġ jew terroriżmu – avvenimenti marbutin mal-imġiba ta’ parti terza.

F’dawn is-sitwazzjonijiet m’intix intitolat għal kumpens, madankollu, id-drittijiet l-oħra tiegħek, jiġifieri r-rimborż tal-biljett tiegħek jew il-bdil tar-rotta u l-assistenza, jibqgħu japplikaw. Innota li l-istrajks mill-istaff tal-kumpaniji ferrovjarji mhumiex meqjusa bħala ċirkostanzi straordinarji.

Il-ferrovija tiegħek ittardjat

Jekk tiġi mgħarraf mat-tluq li l-ferrovija tiegħek se tasal fid-destinazzjoni finali tiegħek b’dewmien ta’ 60 minuta jew aktar, għandek id-dritt għal:

  • rimborż tal-biljett tiegħek fi żmien 30 jum – dan jista’ jkun rimborż sħiħ jew parzjali (li jkopri l-parti tal-vjaġġ li ma sarx), u vjaġġ ta’ ritorn lejn il-punt tat-tluq inizjali tiegħek, jekk id-dewmien jirrovinalek l-iskop tal-vjaġġ tiegħek, jew
  • it-tkomplija jew il-bdil tar-rotta tal-vjaġġ tiegħek taħt kundizzjonijiet komparabbli biex tasal fid-destinazzjoni finali tiegħek mal-ewwel opportunità, mingħajr ebda kost addizzjonali, jew
  • it-tkomplija jew il-bdil tar-rotta tal-vjaġġ tiegħek f’data aktar tard tal-għażla tiegħek taħt kundizzjonijiet komparabbli, mingħajr ebda kost addizzjonali. Dan jinkludi trasport alternattiv biex tasal fid-destinazzjoni finali tiegħek meta l-ferrovija tiġi mblukkata u s-servizz jiġi sospiż.

Assistenza u arranġamenti alternattivi

Jekk is-servizz ferrovjarju tiegħek ikollu dewmien fit-tluq jew fil-wasla ta’ 60 minuta jew aktar, int intitolat għall-assistenza fil-forma ta’ ikliet u xorb (proporzjonata mal-ħin ta’ stennija). Ikollok ukoll dritt għal lukanda jew akkomodazzjoni oħra – fejn u meta jkun fiżikament possibbli – jekk ikollok tqatta’ lejl jew tkun meħtieġa waqfa addizzjonali minħabba l-ferrovija li ttardjat. Dan jinkludi d-dritt għat-trasport bejn il-lukanda/l-akkomodazzjoni u l-istazzjon.

Jekk tiġi mgħarraf mat-tluq li l-ferrovija tiegħek se tasal fid-destinazzjoni finali tiegħek b’dewmien ta’ 60 minuta jew aktar, il-kumpanija ferrovjarja tista’ tippermettilek, fuq talba, tagħmel l-arranġamenti alternattivi tal-ivvjaġġar tiegħek stess ma’ fornituri oħra tas-servizzi tat-trasport (inklużi l-ferroviji u mezzi oħra ta’ trasport) li jippermettulek tasal fid-destinazzjoni finali tiegħek taħt kundizzjonijiet komparabbli. F’dan il-każ, il-kumpanija ferrovjarja tirrimborża l-kostijiet li tkun ġarrabt.

Madankollu, jekk il-kumpanija ferrovjarja ma tinfurmakx bl-għażliet tal-bdil tar-rotta disponibbli fi żmien 100 minuta tat-tluq skedat tal-ferrovija li ttardjat, int intitolat li tagħmel l-arranġamenti alternattivi tal-ivvjaġġar tiegħek stess mingħajr il-qbil tal-kumpanija ferrovjarja ma’ servizzi oħra tat-trasport pubbliku, jiġifieri ferrovija, kowċ jew xarabank. Il-kumpanija ferrovjarja mbagħad trid tirrimborża l-kostijiet meħtieġa, xierqa u raġonevoli li tkun ġarrabt biex tagħmel dawn l-arranġamenti alternattivi.

Anke jekk tiddeċiedi li tkompli l-vjaġġ tiegħek kif ippjanat jew li taċċetta trasport alternattiv lejn id-destinazzjoni tiegħek, int ukoll tista’ tkun intitolat għal kumpens jekk il-wasla tiegħek tittardja b’60 minuta jew aktar. Innota li r-regoli nazzjonali f’xi pajjiżi tal-UE jistgħu jagħtu kundizzjonijiet ta’ bdil tar-rotta aktar favorevoli lill-passiġġieri.

Kumpens – dewmien

  • 25% tal-ħlas tal-biljett, jekk id-dewmien ikun bejn siegħa u sagħtejn
  • 50% tal-ħlas tal-biljett, jekk id-dewmien ikun sagħtejn jew aktar

L-impriża ferrovjarja trid tħallas dan il-kumpens fi żmien xahar mit-talba tiegħek.

Ma tingħatax kumpens jekk:

  • tkun ġejt mgħarraf bid-dewmien qabel ma tkun xtrajt il-biljett tiegħek
  • id-dewmien – minħabba t-tkomplija tal-vjaġġ tiegħek b’servizz differenti jew il-bdil tar-rotta ikun inqas minn siegħa
  • għażilt ir-rimborż tal-biljett tiegħek
  • id-dewmien kien ikkawżat minn ċirkostanzi straordinarji

Innota li r-regoli nazzjonali f’xi pajjiżi tal-UE u/jew it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ xi kumpaniji ferrovjarji jistgħu jippermettu kundizzjonijiet ta’ kumpens aktar favorevoli għall-passiġġieri.

Kif titlob ir-rimborż tal-biljett tiegħek jew tagħmel talba għal kumpens

Xi kumpaniji ferrovjarji jista’ jkollhom is-sistema jew il-formola online tagħhom stess biex jipproċessaw talbiet għal rimborż jew għal kumpens. Inkella, tista’ tuża l-formola għall-UE kollha PDF biex titlob ir-rimborż tal-biljett tiegħek u / jew tagħmel talba għal kumpens.

Tista’ tressaq it-talba tiegħek jew b’mod elettroniku inkella fuq karta direttament lil kwalunkwe kumpanija ferrovjarja fl-UE. Peress li l-użu ta’ din il-formola mhuwiex obbligatorju, minflok tista’ tagħżel li tuża l-formola pprovduta mill-kumpanija ferrovija. Innota li jista’ jkollok tressaq it-talba tiegħek fi żmien ta’ skadenza speċifika, għalhekk iċċekkja mal-kumpanija ferrovjarja fil-pajjiż rilevanti tal-UE.

Itlob drittijietek!

Ċirkostanzi straordinarji – dewmien


Ma jingħatax kumpens jekk il-kumpanija ferrovjarja tkun tista’ tipprova li d-dewmien kien ikkawżat minn avvenimenti, li l-konsegwenzi tagħhom, il-kumpanija ferrovjarja ma setgħetx tipprevjeni jew tevita anke jekk tkun ittieħdet kull miżura raġonevoli, pereżempju:

  • Kundizzjonijiet tat-temp estremi, diżastri naturali kbar jew pandemiji – inċidenti mhux relatati mal-operat tal-ferrovija
  • Individwi fuq il-binarji ferrovjarji, serq ta’ kejbils, emerġenzi abbord, attivitajiet ta’ infurzar tal-liġi, sabutaġġ jew terroriżmu – avvenimenti marbutin mal-imġiba ta’ parti terza.

F’dawn is-sitwazzjonijiet m’intix intitolat għal kumpens, madankollu, id-drittijiet l-oħra tiegħek, ir-rimborż tal-biljett tiegħek jew il-bdil tar-rotta u l-assistenza, jibqgħu japplikaw. Innota li l-istrajks mill-istaff tal-kumpaniji ferrovjarji mhumiex meqjusa bħala ċirkostanzi straordinarji.

Tlift il-konnessjoni tiegħek

Jekk ikollok biljett komprensiv għal vjaġġ bil-ferrovija li jinvolvi konnessjoni ferrovjarja waħda jew aktar (biex tasal fid-destinazzjoni finali tiegħek) u titlef il-konnessjoni(jiet) tiegħek, u huwa mistenni li se tasal fid-destinazzjoni finali tiegħek b’dewmien ta’ 60 minuta jew aktar minħabba din il-konnessjoni mitlufa, ikollok id-dritt għal:

  • rimborż tal-biljett tiegħek fi żmien 30 jum – dan jista’ jkun rimborż sħiħ jew parzjali (li jkopri l-parti tal-vjaġġ li ma saritx), u vjaġġ ta’ ritorn lejn il-punt tat-tluq inizjali tiegħek, jekk id-dewmien minħabba l-konnessjoni mitlufa jirrovinalek l-iskop tal-vjaġġ tiegħek, jew
  • it-tkomplija jew il-bdil tar-rotta tal-vjaġġ tiegħek taħt kundizzjonijiet komparabbli biex tasal fid-destinazzjoni finali tiegħek mal-ewwel opportunità, mingħajr ebda kost addizzjonali, jew
  • it-tkomplija jew il-bdil tar-rotta tal-vjaġġ tiegħek f’data aktar tard tal-għażla tiegħek taħt kundizzjonijiet komparabbli, mingħajr ebda kost addizzjonali. Dan jinkludi trasport alternattiv biex tasal fid-destinazzjoni finali tiegħek meta l-ferrovija tiġi mblukkata u s-servizz jiġi sospiż.

Assistenza u arranġamenti alternattivi

Jekk is-servizz ferrovjarju tiegħek ikollu dewmien fit-tluq jew fil-wasla ta’ 60 minuta jew aktar, int intitolat għall-assistenza fil-forma ta’ ikliet u xorb (proporzjonata mal-ħin ta’ stennija). Ikollok ukoll dritt għal lukanda jew akkomodazzjoni oħra – fejn u meta jkun fiżikament possibbli – jekk ikollok tqatta’ lejl jew tkun meħtieġa waqfa addizzjonali minħabba l-konnessjoni mitlufa. Dan jinkludi d-dritt għat-trasport bejn il-lukanda/l-akkomodazzjoni u l-istazzjon.

F’każ ta’ konnessjoni mitlufa, drittijietek japplikaw jekk ikollok biljett komprensiv għall-vjaġġ tiegħek bil-ferrovija. Għandek tiġi mgħarraf qabel ma tixtri l-biljett (jew il-biljetti) tiegħek jekk il-biljett ikun biljett komprensiv. Jekk qed tivvjaġġa b’biljetti individwali, dawn id-drittijiet ma japplikawx iżda jista’ jkun hemm arranġamenti fis-seħħ bejn il-kumpanija ferrovjarja tiegħek u kumpaniji ferrovjarji oħra biex tiġi żgurata t-tkomplija tal-vjaġġ tiegħek f’każ ta’ konnessjoni mitlufa (eż. “Hop on the next available train” (HOTNAT) (Irkeb il-ferrovija disponibbli li jmiss) jew il-“Ftehim dwar it-Tkomplija tal-Vjaġġi” (AJC)).

Jekk tiġi mgħarraf mat-tluq li l-ferrovija tiegħek se tasal fid-destinazzjoni finali tiegħek b’dewmien ta’ 60 minuta jew aktar, il-kumpanija ferrovjarja tista’ tippermettilek, fuq talba, tagħmel l-arranġamenti alternattivi tal-ivvjaġġar tiegħek stess ma’ fornituri oħra tas-servizzi tat-trasport (inklużi l-ferroviji u mezzi oħra ta’ trasport) li jippermettulek tasal fid-destinazzjoni finali tiegħek taħt kundizzjonijiet komparabbli. F’dan il-każ, il-kumpanija ferrovjarja tirrimborża l-kostijiet li tkun ġarrabt.

Madankollu, jekk il-kumpanija ferrovjarja ma tinfurmakx bl-għażliet tal-bdil tar-rotta disponibbli fi żmien 100 minuta tat-tluq skedat tal-ferrovija li ttardjat, int intitolat li tagħmel l-arranġamenti alternattivi tal-ivvjaġġar tiegħek stess mingħajr il-qbil tal-kumpanija ferrovjarja ma’ servizzi oħra tat-trasport pubbliku, jiġifieri ferrovija, kowċ jew xarabank. Il-kumpanija ferrovjarja mbagħad trid tirrimborża l-kostijiet meħtieġa, xierqa u raġonevoli li tkun ġarrabt biex tagħmel dawn l-arranġamenti alternattivi.

Anke jekk tiddeċiedi li tkompli l-vjaġġ tiegħek kif ippjanat jew li taċċetta trasport alternattiv lejn id-destinazzjoni tiegħek, int ukoll tista’ tkun intitolat għal kumpens jekk il-wasla tiegħek tittardja b’60 minuta jew aktar. Innota li r-regoli nazzjonali f’xi pajjiżi tal-UE jistgħu jagħtu kundizzjonijiet ta’ bdil tar-rotta aktar favorevoli lill-passiġġieri.

Kumpens – dewmien minħabba konnessjoni mitlufa

  • 25% tal-ħlas tal-biljett, jekk id-dewmien ikun bejn siegħa u sagħtejn
  • 50% tal-ħlas tal-biljett, jekk id-dewmien ikun ta’ aktar minn sagħtejn

L-impriża ferrovjarja trid tħallas dan il-kumpens fi żmien xahar mit-talba tiegħek.

Ma tingħatax kumpens jekk:

  • tkun ġejt mgħarraf bid-dewmien qabel ma tkun xtrajt il-biljett tiegħek
  • id-dewmien minħabba t-tkomplija tal-vjaġġ tiegħek b’servizz differenti jew il-bdil tar-rotta ikun inqas minn siegħa
  • għażilt ir-rimborż tal-biljett tiegħek
  • id-dewmien kien ikkawżat minn ċirkostanzi straordinarji

Innota li r-regoli nazzjonali f’xi pajjiżi tal-UE u/jew it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ xi kumpaniji ferrovjarji jistgħu jippermettu kundizzjonijiet ta’ kumpens aktar favorevoli għall-passiġġieri.

Kif titlob ir-rimborż tal-biljett tiegħek jew tagħmel talba għal kumpens

Xi kumpaniji ferrovjarji jista’ jkollhom is-sistema jew il-formola online tagħhom stess biex jipproċessaw talbiet għal rimborż jew għal kumpens. Inkella, tista’ tuża l-formola għall-UE kollha PDF biex titlob ir-rimborż tal-biljett tiegħek u / jew tagħmel talba għal kumpens.

Tista’ tressaq it-talba tiegħek jew b’mod elettroniku inkella fuq karta direttament lil kwalunkwe kumpanija ferrovjarja fl-UE. Peress li l-użu ta’ din il-formola mhuwiex obbligatorju, minflok tista’ tagħżel li tuża l-formola pprovduta mill-kumpanija ferrovija. Innota li jista’ jkollok tressaq it-talba tiegħek fi żmien ta’ skadenza speċifika, għalhekk iċċekkja mal-kumpanija ferrovjarja fil-pajjiż rilevanti tal-UE.

Itlob drittijietek!

Ċirkostanzi straordinarji – konnessjoni mitlufa minħabba dewmien


Ma jingħatax kumpens jekk il-kumpanija ferrovjarja tkun tista’ tipprova li d-dewmien li wassal għat-telf tal-konnessjoni(jiet) tiegħek kien ikkawżat minħabba avvenimenti, li l-konsegwenzi tagħhom, il-kumpanija ferrovjarja ma setgħetx tipprevjeni jew tevita anke jekk tkun ittieħdet kull miżura raġonevoli, pereżempju:

  • kundizzjonijiet tat-temp estremi, diżastri naturali kbar jew pandemiji – inċidenti mhux relatati mal-operat tal-ferrovija
  • individwi fuq il-binarji ferrovjarji, serq ta’ kejbils, emerġenzi abbord, attivitajiet ta’ infurzar tal-liġi, sabutaġġ jew terroriżmu – avvenimenti marbutin mal-imġiba ta’ parti terza.

F’dawn is-sitwazzjonijiet m’intix intitolat għal kumpens, madankollu, id-drittijiet l-oħra tiegħek, ir-rimborż tal-biljett tiegħek jew il-bdil tar-rotta u l-assistenza, jibqgħu japplikaw. Innota li l-istrajks mill-istaff tal-kumpaniji ferrovjarji mhumiex meqjusa bħala ċirkostanzi straordinarji.

Il-bagalji, it-tagħmir ta’ mobbiltà tiegħek intilfu, saritilhom il-ħsara jew waslu tard

Tista’ tieħu miegħek oġġetti li jinġarru (inklużi annimali), li jkunu jistgħu jiġu mmaniġġjati faċilment abbord miegħek. Oġġetti oħrajn kbar jew goffi, bħal oġġetti jew annimali li jdejqu, joħolqu inkonvenjent jew jikkawżaw ħsara lil passiġġieri oħra, għandhom jintbagħtu bħala bagalja rreġistrata (skont il-kundizzjonijiet ġenerali tat-trasport tal-operatur ferrovjarju tiegħek). Dawn l-oġġetti se jiġu ttrasportati fil-vagun tal-bagalji tal-ferrovija.

Jekk il-bagalja rreġistrata tiegħek tintilef jew issirilha l-ħsara, għandek dritt għal kumpens ħlief f’ċerti ċirkostanzi, bħal meta l-bagalja tiegħek ma kinitx ippakkjata b’mod adegwat jew ma kinitx tajba għat-trasport. Jekk ikun hemm dewmien fit-twassil tal-bagalja rreġistrata tiegħek, ikollok ukoll dritt għal kumpens, sakemm dan ma kienx minħabba xi żball min-naħa tiegħek jew minħabba ċirkostanzi li ma kinux fil-kontroll tal-operatur ferrovjarju.

Jekk is-siġġu tar-roti jew għajnuna oħra għall-mobbiltà tiegħek issirilhom il-ħsara jew jintilfu mill-kumpanija ferrovjarja jew mill-manager tal-istazzjon ferrovjarju, int intitolat għal kumpens biex tkopri l-kost ta’ meta tibdlu jew issewwih. Il-kost ta’ sostituzzjoni temporanja hija koperta wkoll, meta dawn il-kostijiet ikunu raġonevoli. Jingħata kumpens ukoll għat-telf jew il-korriment tal-kelb ta’ assistenza tiegħek mill-kumpanija ferrovjarja jew mill-manager tal-istazzjon ferrovjarju.

Ammonti ta’ kumpens

  • Sa €1,200 għal kull bagalja rreġistrata, jekk tkun tista’ tipprova l-valur tal-kontenut tagħha
  • Sa €300 għal kull bagalja rreġistrata – jekk ma tkunx tista’ tipprova l-valur tal-kontenut tagħha

Jekk korrejt f’inċident tal-ferrovija, jew int dipendenti ta’ vittma ta’ inċident fatali, int intitolat għal kumpens sa ammont massimu ta’ €1,400 għal telf jew ħsara lill-bagalji tal-idejn (dan japplika wkoll għal kwalunkwe annimal li int tkun ġibt miegħek).

Itlob drittijietek!

Korrejt f’inċident tal-ferrovija

Jekk tkorri f’inċident tal-ferrovija, int intitolat għal kumpens, b’pagament bil-quddiem li jrid isir fi żmien 15-il jum mill-inċident biex tkopri l-ħtiġijiet immedjati tiegħek.

Itlob drittijietek!

Int dipendenti ta’ vittma ta’ inċident fatali tal-ferrovija

Jekk int dipendenti ta’ vittma ta’ inċident fatali, ikollok id-dritt għal kumpens, b’pagament bil-quddiem li jrid isir fi żmien 15-il jum mill-inċident biex tkopri l-ħtiġijiet immedjati tiegħek. Dan il-pagament bil-quddiem ikun mill-inqas ta’ €21,000 għal kull vittma.

Itlob drittijietek!

Mistoqsijiet frekwenti

Leġiżlazzjoni tal-UE

Bżonn ta' aktar tagħrif dwar ir-regoli f'pajjiż speċifiku?

Staqsi l-amministrazzjonijiet nazzjonali

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 12/03/2025
Ikkondividi din il-paġna